Reġistru tat-Trasparenza: min qiegħed jagħmel lobbying mal-UE (infografika)

L-istituzzjonijiet tal-UE qablu li jaġġornaw ir-reġistru ta' trasparenza tagħhom, li jelenka l-lobbisti li jikkuntattjawhom. Skopri għalfejn dan ir-reġistru huwa importanti.

infographic illustration on the number of registered organisations on the Transparency Register
EN_transparency register 1.jpg

Fis-sessjoni plenarja ta' April, il-Parlament Ewropew approva ftehim milħuq mal-Kummissjoni u mal-Kunsill dwar regoli konġunti aġġornati li jġibu aktar trasparenza fl-attivitajiet tar-rappreżentanti ta' interess fil-livell tal-UE.

Il-Parlament u l-Kummissjoni ilhom mill-2011 joperaw, flimkien reġistru pubbliku msejjaħ ir-reġistru ta' trasparenza. Dan ir-reġistru pubbliku ħa post reġistri separati preċedenti. Ir-reġistru tal-Parlament kien ilu jeżisti mill-1995. Il-Kunsill aġixxa bħala osservatur għall-iskema sa mill-2014, iżda issa ngħaqad bħala parteċipant sħiħ wara l-konklużjoni tan-negozjati dwar il-ftehim aġġornat fi tmiem l-2020.

Min qed jitkellem mal-UE

L-għan tar-reġistru ta' trasparenza huwa li jiżgura li dawk li qed ifittxu li jinteraġixxu mal-istituzzjonijiet tal-UE jiddikjaraw l-interess tagħhom pubblikament u jipprovdu informazzjoni dwarhom infushom. Jekk tixtieq twettaq ċerti attivitajiet bil-għan li tinfluwenza l-politiki tal-UE, pereżempju, jekk tixtieq titkellem waqt seduta pubblika organizzata minn kumitat tal-Parlament, allura jeħtieġlek tirreġistra.

Matul is-snin, l-għadd ta' organizzazzjonijiet irreġistrati baqa' dejjem jikber. Bħalissa hemm madwar 12,500 organizzazzjoni b'madwar 50,000 membru tal-persunal, li jinkludu organizzazzjonijiet mhux governattivi, assoċjazzjonijiet tan-negozju, kumpaniji, trejdjunjins u gruppi ta' riflessjoni.

L-organizzazzjonijiet ivarjaw b'mod sostanzjali skont id-daqs u s-suġġetti ta' interess. Is-suġġetti li l-parti l-kbira tal-organizzazzjonijiet huma interessati fihom, huma l-ambjent, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-azzjoni dwar il-klima. Kważi 20 % tal-organizzazzjonijiet kollha għandhom is-sede prinċipali tagħhom fil-Belġju.

infographic illustration on the number of registered organisations on the Transparency Register
EN_transparency register 2.jpg

X'inhuma r-regoli dwar il-lobbying fil-pajjiżi tal-UE

Il-pajjiżi tal-UE għandhom approċċi differenti biex jirregolaw il-lobbying. L-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Polonja u s-Slovenja kif ukoll ir-reġjun Spanjol tal-Katalonja imponew rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni, filwaqt li l-Belġju, l-Italja, in-Netherlands u r-Rumanija qed joffru inċentivi lil-lobbisti biex jirreġistraw volontarjament.

F'pajjiżi oħra tal-UE, l-awtoritajiet ma introduċewx regoli, iżda r-rappreżentanti tal-interessi stabbilixxew mekkaniżmi ta' awtoregolamentazzjoni.

infographic illustration on the type of registered organisations on the Transparency Register
EN_transparency register 3.jpg

L-isforz tal-Parlament favur it-trasparenza

Fin-negozjati mal-Kummissjoni u mal-Kunsill dwar il-ftehim il-ġdid, il-Parlament Ewropew fittex li jsaħħaħ u jtejjeb ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE u jiżgura proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet trasparenti u miftuħ fil-livell tal-UE.

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament ta' April 2021 tilqa' l-fatt li l-attivitajiet indiretti tal-lobbying huma wkoll soġġetti għar-regoli għar-reġistrazzjoni skont il-ftehim il-ġdid, peress li l-pandemija naqqset l-għadd ta' laqgħat personali u wasslet għal forom ġodda ta' interazzjoni bejn ir-rappreżentanti tal-interessi u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

Il-Membri tal-PE laqgħu wkoll il-bidla fl-istatus tal-Kunsill għal dak ta' parti formali fil-ftehim. "Billi nagħtu eżempju pożittiv, nistgħu nsiru mudell ukoll għall-Istati Membri u nwasslu għal bidla tal-paradigma b'mod ġenerali. Bir-regoli l-ġodda, iċ-ċittadini jistgħu jifhmu aktar faċilment kif jittieħdu d-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-ħajja tagħhom ta' kuljum", qalet il-Viċi President tal-Parlament Katarina Barley (S&D, DE), waħda mill-konegozjaturi tal-Parlament dwar il-ftehim.

Ir-rapporteur u l-konegozjatur tal-Parlament Danuta Hübner (PPE, PL) qalet: "Il-miri tal-Parlament huma riflessi bis-sħiħ fil-qafas il-ġdid: espandejna l-mandat u saħħaħna r-Reġistru ta' Trasparenza, filwaqt li żgurajna li jinżamm bla mittiefes il-mandat liberu mogħti lill-Membri tal-PE miċ-ċittadini Ewropej".