Il-Brexit: pjanijiet fis-seħħ biex itaffu l-impatt ta' ħruġ mill-UE mingħajr ftehim  

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

©AP Images/European Union-EP  

Jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-UE mingħajr ftehim, l-effetti se jinħassu minn persuni u kumpaniji madwar l-Ewropa. L-UE adottat miżuri biex ittaffi l-impatt ta' ħruġ diżordinat.

L-UE enfasizzat ripetutament li hija favur ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni. Hija kkonkludiet ftehim dwar il-ħruġ mar-Renju Unit biex jiġi żgurat li ż-żewġ partijiet ikunu jistgħu jkomplu jikkollaboraw dwar diversi kwistjonijiet għall-benefiċċju reċiproku tagħhom. Madankollu, l-UE adottat miżuri biex ittaffi l-impatt ta' Brexit ta' ebda ftehim li għandu mnejn iseħħ.

Dawn il-miżuri ma jistgħux jirreplikaw il-vantaġġi tas-sħubija fl-UE. Dawn huma miżuri temporanji u unilaterali. Xi wħud minnhom se jeħtieġu r-reċiproċità tar-Renju Unit sabiex ikunu jistgħu jidħlu fis-seħħ.

Soluzzjonijiet fit-tul jiddependu fuq diskussjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit.

Ara hawn taħt għall-miżuri li jippreparaw l-UE għal Brexit ta' ebda ftehim:




Viżi

Il-Brittaniċi se jkunu jistgħu jidħlu fl-UE mingħajr viża għal perjodi qosra dment li l-istess japplika għal persuni mill-UE li jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit.



Avjazzjoni

Il-linji tal-ajru tar-Renju Unit ikunu jistgħu jipprovdu servizzi lill-pajjiżi tal-UE sakemm il-kumpaniji tal-UE jkunu jistgħu jagħmlu dan ukoll għar-Renju Unit, għal seba' xhur wara li jitlaq. Peress li r-Renju Unit ingħata estensjoni aktar kmieni din is-sena u issa huwa mistenni li joħroġ f'data aktar tard, proposta ġdida tipprevedi estensjoni ta' miżuri ta' kontinġenza.



Servizzi ferrovjarji

Il-validità tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza ferrovjarja tiġi estiża biex tiżgura l-kontinwità tas-servizzi ferrovjarji bejn ir-Renju Unit u l-UE, dment li r-Renju Unit jagħmel l-istess.



Trasport bit-triq

L-operaturi tat-trasport tal-merkanzija u tat-trasport bix-xarabank u bil-kowċ mir-Renju Unit ikunu jistgħu jipprovdu servizzi bejn il-Gran Brittanja u l-UE, dment li r-Renju Unit jipprovdi aċċess ekwivalenti lill-kumpaniji tal-UE.



Sigurtà soċjali

Iċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit u ċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-UE jżommu l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali miksuba qabel il-ħruġ.



Il-programm Erasmus+

L-istudenti u l-għalliema fir-Renju Unit jew li jkunu ġejjin mir-Renju Unit ikunu jistgħu jlestu t-tagħlim kontinwu tagħhom barra mill-pajjiż bħala parti mill-programm Erasmus+.



Proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq

Il-finanzjament għal programmi ta' paċi bilaterali fl-Irlanda ta' Fuq ikompli sa mill-inqas l-2020 biex jgħin fl-appoġġ għall-proċess ta' paċi u rikonċiljazzjoni li nbeda mill-ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira.



Sajd

Jekk ir-Renju Unit jaqbel mar-reċiproċità sħiħa tal-aċċess għall-ilmijiet tas-sajd, hemm proċedura faċli fis-seħħ biex il-kumpaniji jiksbu awtorizzazzjoni biex jistadu. It-tpartit tal-kwoti xorta jkun permess sakemm jintemmu dawn il-miżuri fil-31 ta' Diċembru. Proposta ġdida tipprevedi estensjoni ta' miżuri ta' kontinġenza biex ikopru l-2020.

Jekk ir-Renju Unit ma jaqbilx, id-ditti tal-UE pprojbiti mill-ilmijiet tar-Renju Unit jistgħu jkunu eliġibbli għal kumpens mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.



Difiża

Id-ditti tal-UE xorta se jkunu jistgħu jesportaw ċerti oġġetti użati għal skopijiet ċivili u militari fir-Renju Unit.



Iċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit

Skont iċ-ċirkostanzi tagħhom, iċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit jista' jkollhom bżonn japplikaw għall-Iskema għall-kisba tal-istatus "ta' stabbilit" għaċ-ċittadini tal-UE qabel l-31 ta' Diċembru 2020 jekk ikunu jixtiequ jibqgħu. Għal aktar dettalji, iċċekkja dan is-sit web tal-gvern tar-Renju Unit.



Iċ-ċittadini Brittaniċi fl-UE

Iċ-ċittadini Brittaniċi li jgħixu fl-UE jridu jiċċekkjaw mal-awtoritajiet tal-pajjiż fejn jgħixu peress li l-arranġamenti jvarjaw.



MIŻURI LI GĦAD IRIDU JIĠU APPROVATI MILL-PARLAMENT U MILL-KUNSILL


Għajnuna b'impatt

Il-pajjiżi tal-UE affettwati serjament jistgħu jirċievu għajnuna finanzjarja mill-Fond ta' Solidarjetà tal-UE, taħt proposta li għad trid tiġi approvata mill-Parlament u mill-Kunsill qabel ma tkun tista' tidħol fis-seħħ.

Skont proposta separata, il-ħaddiema fl-UE li ngħataw is-sensja b'riżultat tal-Brexit jistgħu jirċievu għajnuna mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni. Din għadha trid tiġi approvata.



F'ĊERTI OQSMA: L-EBDA MIŻURA SPEĊJALI FIS-SEĦĦ

F'ħafna oqsma, ma hemm l-ebda miżura speċjali fis-seħħ biex tissostitwixxi r-relazzjoni eżistenti mar-Renju Unit f'każ ta' ebda ftehim. Dan jista' jwassal għal spejjeż addizzjonali u burokrazija żejda u tkun idea tajba li ssir verifika mal-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiż jew reġjun tiegħek.



Liċenzji tas-Sewqan

Il-liċenzji tas-sewqan maħruġa minn pajjiż wieħed tal-UE huma awtomatikament rikonoxxuti minn Stati Membri oħra. Meta r-Renju Unit joħroġ mill-UE, dan ma jibqax japplika għal-liċenzji Brittaniċi. Iċ-ċittadini tal-UE li jixtiequ jsuqu fir-Renju Unit se jkollhom jiċċekkjaw mal-awtoritajiet tar-Renju Unit jekk il-liċenzja tagħhom hijiex valida, filwaqt li l-Brittaniċi se jkollhom jiċċekkjaw mal-awtoritajiet nazzjonali ta' kull pajjiż tal-UE li jixtiequ jsuqu fih. Il-liċenzji tas-sewqan internazzjonali huma validi madwar ir-Renju Unit u l-UE.



Annimali domestiċi

Il-passaport tal-UE għall-annimali domestiċi, li jippermetti lill-annimal domestiku tiegħek li jivvjaġġa miegħek f'pajjiż ieħor tal-UE, mhux se jibqa' validu fir-Renju Unit. X'aktarx ikun hemm bżonn aktar xogħol amministrattiv meta tivvjaġġa bl-annimal domestiku tiegħek lejn jew mir-Renju Unit.



Trattament mediku

Skont ir-regoli tal-UE, in-nies jibbenefikaw mill-aċċess għall-kura tas-saħħa waqt żjara temporanja fi Stati Membri oħra permezz tal-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC). Dawn ir-regoli mhux se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit. Kemm iċ-ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit kif ukoll il-Brittaniċi li jżuru l-pajjiżi tal-UE għandhom jivverifikaw jekk l-assigurazzjoni tagħhom tkoprix l-ispejjeż ta' trattament mediku barra mill-pajjiż. Jekk le, huma għandhom jikkunsidraw li jieħdu assigurazzjoni tal-ivvjaġġar privata.

Għal aktar informazzjoni dwar l-ivvjaġġar lejn u mir-Renju Unit, żur dan is-sit web mill-Kummissjoni Ewropea.



Rwol tal-Parlament

Minbarra r-regoli dwar ir-residenza, dawn il-miżuri kollha jistgħu jidħlu fis-seħħ biss bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Kwalunkwe ftehim milħuq bejn l-UE u r-Renju Unit - inkluż il-ftehim dwar il-ħruġ u kwalunkwe ftehim dwar relazzjonijiet futuri - irid jiġi maqbul mill-Parlament qabel ma jkun jista' jidħol fis-seħħ.



Il-passi li jmiss

L-ebda waħda minn dawn il-miżuri temporanji ma tista' tieħu post il-ftehimiet attwali. Huwa biss wara li r-Renju Unit ikun ħareġ mill-UE, li l-UE u r-Renju Unit, bħala pajjiż terz, ikunu jistgħu jħarsu lejn relazzjonijiet futuri u jiddeċiedu jekk jixtiqux jikkonkludu ftehimiet biex jiżguraw li jkunu jistgħu jkomplu jaħdmu flimkien fuq kwistjonijiet li jvarjaw mill-kummerċ għas-sigurtà, il-migrazzjoni u d-difiża. Id-dikjarazzjoni politika mehmuża mal-ftehim dwar il-ħruġ, jekk tiġi rratifikata mir-Renju Unit, tagħti l-qafas ġenerali għar-relazzjonijiet futuri.