Il-Premju Sakharov 2019: il-persuni nominati 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Andrei Sacharov ma' martu Jelena Bonner © Yury Rost t  

Skopri dwar il-persuni nominati din is-sena għall-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tal-Parlament Ewropew.

Il-Parlament jagħti l-Premju Sakharov kull sena biex jonora lil individwi u organizzazzjonijiet eċċezzjonali li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Fl-2018 il-premju ngħata lil Oleg Sentsov.


In-nomini għall-Premju Sakharov jistgħu jsiru mill-gruppi politiċi u/jew minn gruppi magħmula minn tal-anqas 40 Membru tal-PE. Il-gruppi politiċi jistgħu jinnominaw aktar minn persuna waħda.


Il-persuni nominati għall-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2019 huma:

Isem

Nominat minn

Alexei Navalny

PPE

Marielle Franco

S&D u GUE. Nominata wkoll mill-Grupp Verts/ALE. Din in-nomina ġiet appoġġata wkoll minn Terry Reintke, Tanja Fajon u 43 Membru ieħor tal-PE

Claudelice Silva dos Santos

S&D u GUE.

Ċif Raoni

S&D u GUE.

Ilham Tohti

Renew Europe. Appoġġat minn Phillip Bennion, Ilhan Kyuchyuk, Reinhard Bütikofer u 58 Membru ieħor tal-PE

Jean Wyllys de Matos Santos

Verts/ALE. Din in-nomina ġiet appoġġata wkoll minn Terry Reintke, Tanja Fajon u 43 Membru ieħor tal-PE

The Restorers

ECR

Alexei Navalny, avukat u attivist politiku Russu. Fl-2011 ġie arrestat għall-ewwel darba minħabba r-rwol li kellu f'dimostrazzjoni barra mid-Duma. Huwa spiċċa fit-tieni post fl-elezzjoni tal-2013 għas-sindku ta' Moska. Fl-2017 ippubblika rapport li jattakka l-korruzzjoni politika u jikkritika lil Vladimir Putin u lill-alleati politiċi tiegħu. Dan wassal għal manifestazzjonijiet kontra l-korruzzjoni f'bosta bliet Russi, li wasslu għall-arrest ta' aktar minn 1,000 dimostrant, fosthom dak ta' Navalny. L-awtoritajiet żammewh milli jikkontesta l-elezzjonijiet Presidenzjali tal-2018. Navalny ntefa' l-ħabs tliet darbiet fl-2018 u fl-2019 talli kiser il-liġijiet stretti tar-Russja dwar il-protesti.


Marielle Franco, attivista politika u difensur tad-drittijiet tal-bniedem li nqatlet brutalment f'Marzu 2018. Franco, mara bisesswali sewda mwielda f'favela, kienet magħrufa għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem ta' żgħażagħ suwed, nisa, residenti tal-favelas u persuni LGBTI. Hija spiss irrappurtat ukoll l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn uffiċjali tal-pulizija u minn forzi tas-sigurtà tal-istat. Il-każ tagħha għadu mhux solvut.


Claudelice Silva dos Santos, ambjentalista Brażiljana u difensur tad-drittijiet tal-bniedem li saret attivista wara l-qtil brutali ta' ħuha u martu minħabba l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni tal-foresta tropikali tal-Amażonja fil-Brażil. Hija magħrufa għall-pożizzjoni tagħha kontra persuni li jaqtgħu l-injam, sidien ta' ranċijiet u produtturi tal-faħam illegali li joperaw fir-reġjun ta' Praia-Alta Piranheira, kolonizzazzjoni remota fl-Amażonja.


Ċif Raoni, figura emblematika fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni fl-Amażonja. Huwa wieħed mill-kapijiet il-kbar tal-poplu Kayapo, li jgħix fil-qalba tal-Amażonja, u ddedika ħajtu għall-ġlieda favur id-drittijiet indiġeni u l-preservazzjoni tal-Amażonja.


Ilham Tohti, ekonomista Uyghur li qed jiġġieled għad-drittijiet tal-minoranza Uyghur fiċ-Ċina. Huwa proponent tad-djalogu u sostenitur favur l-implimentazzjoni ta' liġijiet għall-awtonomija reġjonali fiċ-Ċina. Fl-2014 ġie kkundannat għal għomru l-ħabs fuq akkużi relatati mas-separatiżmu. Minkejja dan, huwa jibqa' vuċi ta' moderazzjoni u rikonċiljazzjoni. Mill-2017 'l hawn, aktar minn miljun Uyghur sfaw miżmuma f'netwerk ta' kampijiet ta' internament.


Jean Wyllys de Matos Santos, difensur tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalist, lekċerer u politiku Brażiljan. Fl-2010 ġie elett deputat federali (partit PSOL) u kien l-ewwel attivist omosesswali li kiseb siġġu fil-Kungress. Matul iż-żewġ mandati tiegħu ressaq liġijiet dwar żwieġ ċivili ugwali, il-legalizzazzjoni tal-abort, ir-regolamentazzjoni tax-xogħol sesswali, liġi dwar l-identità tal-ġeneru, it-twelid umanizzat, il-legalizzazzjoni tal-mariħwana u skejjel ħielsa mill-preġudizzju. F'Jannar 2019, minkejja li reġa' ġie elett, ma ħax il-kariga u telaq mill-Brażil minħabba theddid fuq ħajtu. Huwa jgħix fl-Ewropa u qed idur id-dinja biex jiddenunzja l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżu u l-politiki rigressivi tal-gvern tal-lemin estrem tal-President Jair Bolsonaro.


The Restorers, grupp ta' ħames studenti mill-Kenja – Stacy Owino, Cynthia Otieno, Purity Achieng, Mascrine Atieno u Ivy Akinyi – li żviluppaw i-Cut, applikazzjoni li tgħin lit-tfajliet li jkollhom jiffaċċjaw il-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF). L-app tagħmilha aktar faċli biex in-nisa żgħażagħ ifittxu għajnuna, isibu ċentru ta' sokkors jew jirrapportaw il-proċedura lill-awtoritajiet. Il-MĠF hija rikonoxxuta internazzjonalment bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Din twettqet fuq aktar minn 200 miljun tifla u mara ħajjin illum. Kull sena aktar minn tliet miljun tifla jkunu f'riskju.



Il-passi li jmiss

Abbażi tan-nomini uffiċjali, il-kumitati għall-affarijiet barranin u għall-iżvilupp jivvutaw biex jaslu għal tliet finalisti. Wara, il-Konferenza tal-Presidenti – komposta mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-mexxejja tal-gruppi politiċi – tagħżel ir-rebbieħ jew ir-rebbieħa.


Kronoloġija  
  • 30 ta' Settembru: il-preżentazzjoni uffiċjali tal-persuni nominati mill-kumitati għall-affarijiet barranin u għall-iżvilupp u mis-sottokumitat għad-drittijiet tal-bniedem.  
  • 24 ta' Ottubru: il-Konferenza tal-Presidenti tħabbar ir-rebbieħ jew ir-rebbieħa.  
  • 18 ta' Diċembru: iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Sakharov fi Strasburgu.