Applika għall-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ 2020!  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

This year's winners (from left): Ida Eerola and Ville Jaara; Alice Plata and Fabiano Catania; Canan Yasar and Bouchra Ikherrazene  

Għandek bejn 16 u 30 sena u qed taħdem fuq proġett b'dimensjoni Ewropea? Applika għall-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ 2020 u irbaħ fondi biex tkompli tiżviluppa l-inizjattiva tiegħek!

Il-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ jingħata kull sena miIl-Parlament Ewropew u l-Fondazzjoni tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen bħala rikonoxximent għal proġetti li jsiru miż-żgħażagħ u li jkollhom dimensjoni Ewropea qawwija. L-applikazzjonijiet għall-2020 jibdew jintlaqgħu fis-6 ta' Novembru u jibqgħu miftuħin sal-31 ta' Jannar.

Il-premju

It-tliet proġetti rebbieħa jintgħażlu minn fost 28 proġett innominat mill-ġuriji nazzjonali fl-Istati Membri individwali tal-UE. L-ewwel premju hu ta' €7,500, filwaqt li t-tieni u t-tielet premju huma ta' €5,000 u €2,500 rispettivament.

Ir-rappreżentanti tat-28 proġett rebbieħ nazzjonali jiġu mistiedna għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ f'Aachen f'Mejju 2020.

Ir-regoli

Biex ikunu eliġibbli, il-proġetti jridu jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

  • jippromwovu l-komprensjoni Ewropea u internazzjonali;
  • irawmu sens komuni ta' identità Ewropea u integrazzjoni;
  • iservu ta' mudell għaż-żgħażagħ li jgħixu fl-Ewropa;
  • joffru eżempji prattiċi ta' Ewropej li jgħixu flimkien bħala komunità waħda.

Għal aktar informazzjoni, ibgħat email fuq: ECYP2020@EP.europa.eu.

Il-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ 2019

Il-premju tal-2019 intrebaħ minn Europhonica IT, programm tar-radju għall-istudenti u l-professjonisti żgħażagħ. It-tieni premju mar għall-proġett Finlandiż "Your European Citizenship", li permezz tiegħu n-nies setgħu jitgħallmu dwar il-kulturi Ewropej u l-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE. It-tielet premju ngħata lill-organizzazzjoni Muslims Against Antisemitism mill-Awstrija. Aqra aktar dwar ir-rebbieħa hawnhekk.

Midja soċjali

Ingħaqad mad-diskussjoni fuq il-midja soċjali permezz tal-hashtag #ECYP2020.

Kalendarju 
  • Tnedija tal-premju: 06.11.2019  
  • Skadenza għall-applikazzjonijiet: 31.01.2020 
  • Għażla tar-rebbieħa nazzjonali mill-ġuriji rispettivi: 20.3.2020 
  • Ċerimonja tal-premjazzjoni f'Aachen, il-Ġermanja: 19.05.2020