Is-sessjonijiet plenarji tal-Parlament: kif jaħdmu?  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Is-sessjoni plenarja hija l-mument meta x-xogħol ħabrieki tal-MEPs jiġi flimkien, iżda x'jiġri eżattament waqt dawk is-seduti frenetiċi?

Is-751 MEP li ġew eletti fil-Parlament Ewropew jiltaqgħu 12-il darba fis-sena f'sessjonijiet plenarji fi Strasburgu, b'sessjonijiet addizzjonali fi Brussell.

Il-plenarja hija biċċa xogħol ikkumplikata, b'dibattiti u votazzjonijiet fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE dwar varjetà wiesgħa ta' suġġetti, minn ftehimiet kummerċjali u l-baġit tal-UE għall-votazzjonijiet dwar il-liġijiet tal-UE u d-dibattiti dwar kwistjonijiet topiċi.


Dibattiti

L-aġenda plenarja hija deċiża mill-Konferenza tal-Presidenti, magħmula mill-President tal-Parlament u mill-mexxejja tal-gruppi politiċi. Il-Parlament jirrispondi b'mod kostanti għal dak li qed jiġri lil hinn mill-bibien tiegħu, u għalhekk l-aġenda tinbidel biex l-MEPs ikunu jistgħu jiddiskutu kwistjonijiet ta' importanza għall-persuni li jkunu ħatruhom.

Pereżempju, l-MEPs qablu li jżidu dibattiti dwar il-periklu tal-estremiżmu vjolenti tal-lemin wara l-attakk terroristiku f'Halle fil-Ġermanja, l-operazzjoni militari Torka fit-Tramuntana tas-Sirja u l-impatt tal-falliment ta' Thomas Cook fl-aġenda plenarja ta' Ottubru.

Is-seduti plenarji huma ppreseduti mill-President jew minn wieħed mill-14-il viċi presidenti.

Il-ħin għad-diskorsi huwa maqsum bejn il-gruppi politiċi skont id-daqs tal-grupp. Id-daqs tal-grupp jiddetermina wkoll l-ordni li fiha jitkellmu. L-hekk imsejħa proċedura "catch-the-eye" tippermetti lill-MEPs li ma jkunux ġew allokati ħin minn grupp, jingħataw iċ-ċans li jsemmgħu leħinhom permezz ta' diskorsi qosra ta' minuta.

Il-Membri jistgħu wkoll iqajmu karta blu matul id-dibattiti sabiex jistaqsu mistoqsija lill-MEP li jkun qed jitkellem. Il-kelliem jista' jirrifjuta li jaċċetta mistoqsija.


Votazzjoni

Il-President jew il-viċi presidenti jippresiedu wkoll il-votazzjoni, li tista' tkun mgħaġġla ħafna, peress li l-MEPs jista' jkollhom jivvutaw fuq mijiet ta' emendi jekk il-leġiżlazzjoni tkun ikkumplikata. Pereżempju, ħafna drabi jkun hemm ħafna emendi għall-baġit. Il-votazzjoni normalment isseħħ għall-ħabta ta' nofsinhar wara d-dibattiti ta' filgħodu.

Proċeduri tal-votazzjoni:  
  • Turija tal-idejn - din hija l-forma normali ta' votazzjoni, fejn il-President jew il-viċi presidenti jiddeterminaw il-maġġoranzi  
  • Elettroniku - il-President isejjaħ għal votazzjoni elettronika jekk ir-riżultat minn turija tal-idejn ma jkunx ċar  
  • Is-sejħa tal-ismijiet - il-voti kollha mitfugħa jiġu rreġistrati u ppubblikati  
  • Votazzjoni sigrieta - normalment għal nomini  

Is-seduti plenarji kollha huma rreġistrati, għalhekk tista' tarahom live online jew tara r-reġistrazzjoni aktar tard.