Rebbieħ tal-Premju LUX: "Il-film Petrunya huwa eżempju tas-setgħa taċ-ċinema biex tibdel l-affarijiet"  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Ir-reġista Teona Mitevska (fin-nofs bil-Premju f'idejha) waqt iċ-ċerimonja fil-Parlament  

"God Exists, her name is Petrunya" rebaħ il-Premju Ċinematografiku LUX. Ir-reġista Teona Mitevska kellmitna dwar is-setgħa tal-istorja tagħha dwar mara li teħodha kontra s-sistema u tirbaħ.

"Hija l-istorja ta' Petrunya, mara żagħżugħa, li tmur kontra r-regoli tas-soċjetà tagħha biex tfittex il-ġustizzja u ssib il-post veru tagħha fis-soċjetà." Hekk iddeskriviet il-film tagħha God Exists, Her Name Is Petrunya ir-reġista mill-Maċedonja ta' Fuq. Il-film huwa koproduzzjoni bejn il-Maċedonja ta' Fuq/il-Belġju/is-Slovenja/il-Kroazja/Franza. Mitevska kienet ispirata minn storja vera li ġrat fi Štip, belt żgħira fil-Maċedonja ta' Fuq, ħames snin ilu, meta żagħżugħa kkawżat pandemonju sħiħ billi ħadet sehem f'tellieqa li tradizzjonalment kienet riservata għall-irġiel biss – u rebħitha!

Fil-biċċa l-kbira tad-dinja Nisranija Ortodossa, il-festa tal-Epifanija tiġi ċċelebrata b'tellieqa għas-salib imqaddes li qassis ikun waddab f'lag jew fi xmara. Is-salib mistenni jġib ir-risq lil min ikun rebħu, tul dik is-sena kollha.


Storja dwar kif mara tikseb il-kunfidenza u ssib min hija tassew

Petrunya hija mara bla xogħol li għandha 32 sena, lawrja fl-istorja u ftit piż żejjed. Ommha l-ħin kollu toqgħod fuqha b'mod prepotenti. Meta ssib ruħha fil-post fejn tkun qed isseħħ it-tellieqa għas-salib, l-impuls tagħha li taqbeż fl-ilma nġazzat ġej mill-frustrazzjoni li tħoss għas-sitwazzjoni li tinsab fiha.


"Fil-bidu hija kważi antieroj", qalet Mitevska waqt Facebook live wara li rċeviet il-premju. "Tħoss li mhija kapaċi tagħmel xejn, u mbagħad tieħu b'idejha s-setgħa fuqha nfisha u twettaq il-jien veru tagħha. U dan huwa messaġġ importanti, speċjalment għalina n-nisa. Naf li għalija stess, li jkolli l-kunfidenza fija nnifsi kienet u għadha problema kbira. Li nkun nista' ngħid, "dan nista' nagħmlu bi dritt". Dan huwa dak li tgħaddi minnu Petrunya. Dan huwa film femminista, iżda kollha kemm aħna nistgħu nidentifikaw mal-kunflitt għall-ġustizzja."


Fil-film, Petrunya tikkawża pandemonju fil-komunità lokali u l-knisja takkużaha li serqet is-salib. Taħt pressjoni mill-qassis, l-ispettur tal-pulizija jġib lil Petrunya fl-għassa u jpoġġiha taħt pressjoni. "Għalfejn m'għandix id-dritt għal sena risq?" tistaqsih bi sfida.

Is-setgħa taċ-ċinema


"Petrunya huwa eżempju tas-setgħa taċ-ċinema li tibdel l-affarijiet," qalet Mitevska, u rrimarkat li, meta mara żagħżugħa qabżet għas-salib fi Štip din is-sena, ma kienx hemm l-ebda kjass u l-qassis tahulha bħallikieku ma kien ġara xejn.


Waqt iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni fis-27 ta' Novembru, il-President tal-Parlament David Sassoli qal: "Iċ-ċinema hija waħda mill-ħafna ċwievet sempliċi i jistgħu jgħinuna niftħu l-bieb fuq ir-realtà li ngħixu fiha u nifhmuha. Il-Premju Ċinematografiku LUX jagħtina opportunità straordinarja biex nagħmlu dan."


Il-finalisti tal-Premju LUX ta' din is-sena kienu God Exists, Her Name Is Petrunya ta' Teona Mitevska, Cold Case Hammarskjöld ta' Mads Brügger, u The Realm ta' Rodrigo Sorogoyen. Skopri aktar dwar dawn il-films u dwar meta tista' tarahom f'sala taċ-ċinema qribek.


Agħżel il-film favorit tiegħek u tista' tintgħażel biex tħabbar ir-rebbieħ tal-Premju Rakkomandazzjoni tal-Pubbliku fil-festival ċinematografiku internazzjonali tal-films f'Karlovy Vary fir-Repubblika Ċeka s-sena d-dieħla.


Appoġġ għaċ-ċinema Ewropea


Il-Premju LUX ilu jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-films Ewropej tul dawn l-aħħar 13-il sena. Dan jagħmlu billi jħallas l-ispejjeż tas-sottotitolar bl-24 lingwa tal-UE għal kull wieħed mit-tliet films li jintgħażlu fil-lista mqassra. Barra minn hekk, il-film rebbieħ jiġi adatt għall-persuni bi problemi tal-vista u tas-smigħ, u jirċievi appoġġ għall-promozzjoni internazzjonali.