Il-passi li jmiss: proposti għall-ħolqien ta' Ewropa aħjar fl-2020 

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-UE qed taħdem fuq ħafna proposti leġislattivi ġodda biex l-Ewropa ssir post ta' għajxien aħjar. Kompli aqra biex tiskopri dak li tista' tistenna fl-2020.

L-emerġenza tal-klima

L-indirizzar tal-emerġenza tal-klima huwa wieħed mill-ogħla prijoritajiet tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem fuq Green Deal biex sal-2050 tagħmel lill-UE newtrali mil-lat ta' klima. Tista' tistenna proposti dwar ikel sostenibbli, prodotti li jservu aktar, pestiċidi, strateġija tal-bijodiversità għall-2030, kif ukoll pjanijiet għal inqas emissjonijiet ta' ħsara mill-avjazzjoni u t-tbaħħir.

Il-baġit fit-tul tal-UE

Se jkomplu n-negozjati dwar il-baġit tal-UE għas-snin 2021-2027. Il-Parlament qed jitlob aktar flus għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, għal spinta lill-innovazzjoni u għall-protezzjoni tal-fruntieri tagħna.

Is-servizzi diġitali

Il-Kummissjoni mistennija tniedi proposta għal Att dwar is-Servizzi Diġitali, kif ukoll wieħed dwar l-intelliġenza artifiċjali. Dan tal-aħħar għandu jiċċara l-kwistjonijiet legali u jgħin biex tingħata spinta lill-investiment għall-kumpaniji li għandhom x'jaqsmu magħha fl-Ewropa. Il-Parlament se jkun qed janalizza jekk is-sistemi awtomatizzati tat-teħid tad-deċiżjonijiet jistgħux ikunu preġudikati minħabba l-algoritmu li jkun qed jintuża.

L-Unjoni Bankarja

Il-kriżi taż-żona tal-euro wriet il-ħtieġa għal aktar integrazzjoni tas-sistema finanzjarja tal-UE. Fl-2020, il-Parlament se jaħdem fuq proposti għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja, inkluża skema biex jiġu protetti l-flus imfaddla u miżuri ta' riżerva f'każ li bank ifalli.

Il-ftehimiet kummerċjali:

Il-Parlament se jivvota dwar ftehimiet kummerċjali u ta' investiment mal-Vjetnam, li jekk jiġu adottati, ineħħu 99% tat-tariffi. Barra minn hekk, l-UE ser tkompli taħdem fuq ftehimiet ġodda ma' pajjiżi oħra, fosthom l-Awstralja u New Zealand, iċ-Ċilì, l-Indoneżja, il-Filippini, il-Marokk u t-Tuneżija. Għadhom għaddejjin taħditiet għal ftehim ta' investiment maċ-Ċina wkoll.

Is-saħħa

Kmieni fl-2020, il-Kummissjoni Ewropea mistennija toħroġ bi pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra l-kanċer, li se jiġi analizzat mill-Parlament.

Id-drittijiet tal-passiġġieri

Proposta ġdida tfittex li taġġorna d-drittijiet tal-passiġġieri għal persuni li jivvjaġġaw bl-ajru jew bil-ferroviji. Il-Membri tal-Parlament Ewropew huma partikolarment ħerqana li jagħtu spinta lid-drittijiet tal-persuni b'diżabilità.

It-tkabbir

Se jkomplu t-taħditiet mal-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fl-UE. Il-Parlament qed iħeġġeġ lill-UE biex tvara taħditiet ta' adeżjoni mal-Albanija u mal-Maċedonja ta' Fuq, minħabba li dawn issodisfaw ir-rekwiżiti. Il-Membri tal-Parlament se jiddiskutu wkoll il-prospetti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li jingħaqdu mal-UE.

Il-Brexit

Ir-Renju Unit fil-preżent hu mistenni joħroġ mill-UE fil-31 ta' Jannar 2020, għalkemm huwa possibbli li l-pajjiż jitlaq qabel jekk il-ftehim dwar il-ħruġ ikun ġie approvat mir-Renju Unit u mill-Parlament Ewropew.

Ladarba l-ftehim dwar il-ħruġ ikun ġie approvat, il-pass li jmiss ikun li jiġi negozjat ftehim dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn iż-żewġ partijiet, li għandu jinkludi kwistjonijiet bħall-kummerċ u l-kooperazzjoni fir-rigward tad-difiża, l-ambjent u l-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Is-Sigurtà

Il-Parlament u l-Kunsill bħalissa qed jinnegozjaw proposti biex jiġi miġġieled it-tixrid ta' kontenut terroristiku online. Qed jiġu diskussi wkoll kontrolli temporanji fil-fruntieri fiż-żona Schengen. Barra minn hekk, is-sena d-dieħla l-Kummissjoni mistennija toħroġ bi proposta għall-iżgurar tal-fruntieri tal-UE.

Id-Dikjarazzjoni ta' Schuman

Fid-9 May 2020 ikunu għaddew 70 minn meta l-ministru għall-affarijiet barranin Franċiż Robert Schuman ippropona l-ħolqien tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, l-ewwel pass fit-triq lejn l-UE tal-preżent.