Il-Presidenza Kroata tal-Kunsill u l-aspettattivi tal-MPE 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Logo of the Croatian Presidency of the EU Council  

Il-Kroazja ħadet f'idejha l-Presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill mill-Finlandja, fl-1 ta' Jannar 2020. Staqsejna lill-MPE Kroati x'jistennew mill-Presidenza.

Is-slogan tal-Kroazja għall-Presidenza ta' sitt xhur huwa: “Ewropa b'saħħitha f'dinja ta' sfidi”. L-iġded membru tal-UE jixtieq jiffoka fuq l-iżvilupp sostenibbli, ekonomija f'netwerk, is-sikurezza u l-pożizzjonament tal-Ewropa bħala mexxejja globali.

Perjodu mimli attività quddiemna

Il-Kroazja ser tippresjedi fil-Kunsill tal-UE matul perjodu mimli attività, b'enfasi fuq il-Brexit u l-QFP. Madankollu, il-MPE jistennew li jkunu jistgħu jaraw suġġetti oħra fuq l-aġenda wkoll.

Karlo Ressler (PPE) jara l-Presidenza bħala opportunità kbira għall-Kroazja biex tkompli tieħu pożizzjoni politikament, ekonomikament u diplomatikament fl-UE. "Il-Kroazja ser tkompli tindirizza l-kwistjoni tal-Brexit u tmexxi n-negozjati dwar baġit għas-seba' snin li ġejjin. Wieħed mill-avvenimenti ewlenin se jkun ċertament is-summit f'Żagreb, b'enfasi fuq il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa"

Biljana Borzan (S&D) qalet li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi, tas-saħħa pubblika u l-istat tad-dritt għandhom ikunu minn ta' quddiem. "Nittama li n-negozjati dwar il-QFP jirnexxu minħabba li l-implimentazzjoni ta' programmi u politiki li għalihom ivvutaw iċ-ċittadini fl-elezzjonijiet Ewropej, bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew, tiddependi minnu"

Ruža Tomašić (ECR) qed tistenna lobbying fl-interessi nazzjonali. "Id-dokument l-aktar importanti mil-leġiżlatura preċedenti, ir-rapport dwar il-pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-ħut fil-Baħar Adrijatiku, għadu jinsab ibblukkat fil-Kunsill. Nistenna li dan jinbidel matul il-Presidenza tal-Kroazja". Hija tixtieq ukoll tara progress dwar il-pagamenti diretti fl-agrikoltura u l-attivazzjoni ta' art agrikola mhux użata.

Valter Flego (Renew Europe) qal: "Il-Kroazja jeħtieġ li taġixxi bħala medjatur newtrali u tiżgura kooperazzjoni ta' suċċess u implimentazzjoni kontinwa tal-programm (tal-UE)". Huwa jemmen ukoll li l-Kroazja ser ikollha l-opportunità li "turi direttament lin-nies tagħha x'tagħmel għalihom l-Ewropa".