Bint ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov 2019 Ilham Tohti, tirċievi il-premju f’ismu

Bint Ilham Tohti aċċettat il-Premju Sakharov 2019 għal-Libertà tal-Ħsieb nhar l-Erbgħa f’isem missiera li jinsab il-ħabs.

Jewher Ilham (left) receiving the award from Parliament President David Sassoli .
Jewher Ilham (left) receiving the award from Parliament President David Sassoli

Tohti, studjuż tal-Uyghur li qed jiġġieled għad-drittijiet tal-minorità Ċiniża tal-Uyghur, ilu l-ħabs mill-2014 fuq akkużi relatati mas-separazzjoni. “Ilham Tohti, bl-attiviżmu tiegħu, irnexxielu jagħti vuċi lil Uyghurs.[...] Huwa ilu jaħdem għal 20 snin biex jippromwovi d-djalogu u l-fehim reċiproku bejniethom u persuni oħra Ċiniżi,” qal il-President tal-PE David Sassoli.

“Illum għandu jkun mument ta’ ferħ, biex tiġi ċċelebrata l-libertà tal-espressjoni. Minflok, illum huwa jum ta’ niket. Għal darb’ oħra, dan is-siġġu huwa vojt, għaliex fid-dinja li qed ngħixu fiha, l-eżerċizzju tal-libertà tal-ħsieb mhux dejjem ifisser li nkunu liberi.”

Waqt li kienet qed taċċetta l-premju waqt iċ-ċerimonja fi Strasburgu, Jesher Ilham qalet: “Huwa unur li qiegħda l-Parlament Ewropew illum biex naċċetta l-Premju Sakharov f’isem missieri. Jiena grata għall-opportunità biex nirrakkonta l-istorja tiegħu, għaliex ma jistax jgħidha hu stess. Biex inkun onesta magħkom, ma nafx fejn jinsab missieri. L-aħħar darba li l-familja tiegħi waslitilha kelma dwaru kien fl-2017”.

Illum, m’hemm l-ebda libertà għall-Uyghurs fiċ-Ċina... la fl-iskejjel, la fil-pubbliku, u lanqas fid-djar privati. Missieri, bħal ħafna Ujguri ġie ttikkettat bħala estremist vjolenti, b’marda li jeħtieġ li titfejjaq, b’marda li teħtieġ li tinħasel”, qalet is-Sinjura Ilham. Huwa taħt din it-tikketta falza ta’ estremiżmu li l-gvern poġġa lil miljun ruħ — u probabbilment aktar — f’“kampijiet ta’ konċentrament” fejn l-Ujguri huma sfurzati jċedu r-reliġjon, il-lingwa u l-kultura tagħhom, fejn in-nies jiġu torturati u xi wħud mietu”.

Minn April 2017 ‘l hawn, aktar minn miljun Ujgur ġew detenuti f’kampijiet ta’ internament, fejn huma mġiegħla jirrinunzjaw l-identità etnika u t-twemmin reliġjuż tagħhom u jipprattikaw lealtà lejn il-gvern Ċiniż.

Jewer Ilham appellat għal appoġġ attiv għall-kawża ta’ missierha, “Nitlob li dawk f’din l-awla u dawk li qed jisimgħu, taraw li hemm problema fil-mod kif il-Gvern Ċiniż qiegħed jittratta n-nies Uyghur? Jekk taraw problema, jekk jogħġobkom aħdmu għal soluzzjoni”.

Il-President Sassoli appella biex Ilham Tohti jiġi rilaxxat immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet u għar-rilaxx ta’ “ħafna rebbieħa oħra tal-Premju Sakharov li bħalissa jinsabu l-ħabs u qed jiġu ppersegwitati għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.”


Dwar ir-rebbieħ

Ilham Tohti huwa proponent ta’ djalogu u avukat għall-implimentazzjoni tal-liġijiet ta’ awtonomija reġjonali fiċ-Ċina. Fl-2014, wara proċess fittizju, huwa ġie kkundannat għal għomru l-ħabs fuq akkużi ta’ separatizzazzjoni. Minkejja dan, huwa jibqa’ vuċi ta’ moderazzjoni u rikonċiljazzjoni.


Ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet

Il-premju, li jikkonsisti f’ċertifikat u EUR 50,000, ġie riċevut minn Jewer Ilhami, waqt iċ-ċerimonja tat-18 ta’ Diċembru 2019. Il-finalisti l-oħra għall-Premju Sakharov 2019 ukoll kienu preżenti jew rappreżentati.


Il-finalisti

Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-istudenti tal-Kenja kienu l-finalisti l-oħra għall-Premju Sakharov ta’ din is-sena.

Kun af aktar dwar il-finalisti l-oħra.


Aktar dwar il-Premju Sakharov

Il-premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb, li jġib isem il-fiżiku u d-dissident politiku Sovjetiku Andrei Sakharov, ilu jingħata kull sena mill-1988 lil individwi u organizzazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

Is-sena li għaddiet il-premju ngħata lil Oleg Sentsov, li aċċetta l-premju personalment f’Novembru wara li ġie rilaxxat mill-ħabs.

Ara artikli relatati