Kif il-Parlament adatta biex ikompli jaħdem matul pandemija

Il-pandemija tal-COVID-19 ġiegħlet lill-Parlament jillimita l-laqgħat fiżiċi u jaħdem mill-bogħod, iżda l-Membri tal-PE qed ikomplu jieħdu miżuri urġenti u jimplimentaw prijoritajiet fit-tul

Il-Membri tal-PE jitkellmu fid-dibattiti tal-plenarja permezz ta' vidjokonferenzi mill-uffiċċji ta' kollegament tal-Parlament
Il-Membri tal-PE jitkellmu fid-dibattiti tal-plenarja permezz ta' vidjokonferenzi mill-uffiċċji ta' kollegament tal-Parlament

Il-Parlament kompla l-funzjonijiet ewlenin tiegħu – jiġifieri li jgħaddi l-liġijiet, japprova l-baġit tal-UE u jissorvelja lill-Kummissjoni – filwaqt li adatta biex jippermetti lill-kumitati u lill-plenarja jimplimentaw azzjonijiet meħtieġa biex l-UE twieġeb għall-Covid-19 kif ukoll prijoritajiet fit-tul bħall-Patt Ekoloġiku, is-servizzi diġitali, il-politika agrikola tal-UE, il-baġit fit-tul u l-Brexit.

Id-demokrazija ma tistax tiġi sospiża

Bħal miljuni ta' Ewropej oħra, il-Membri tal-PE u l-membri tal-persunal tal-Parlament bdew jaħdmu mid-dar minħabba l-miżuri ta' kwarantina u tbegħid soċjali li jinsabu fis-seħħ biex jiġi limitat it-tixrid tal-coronavirus. "Id-demokrazija ma tistax tiġi sospiża f'nofs kriżi daqshekk drammatika ... Bħala leġiżlaturi, għandna l-mezzi, il-possibbiltà u d-dmir li ngħinu", qal il-President tal-PE Sassoli qabel l-ewwel plenarja fejn qatt ittieħdet votazzjoni mill-bogħod f'Marzu 2020.

"Il-Parlament adatta ruħu biex jiżgura li jkun jista' jkompli jiffunzjona u li l-ilħna tal-membri jkunu jistgħu jinstemgħu",
David Sassoli
Il-President tal-Parlament Ewropew

Plenarja

Preċedentement, il-votazzjoni kienet teħtieġ preżenza fiżika fil-kamra. Skont ir-regoli, id-dritt tal-vot huwa wieħed personali u l-Membri tal-PE jitfgħu l-vot tagħhom individwalment u personalment.

Il-Parlament żviluppa sistema remota li hija kemm sikura, b'mekkaniżmi ta' verifika inkorporati, kif ukoll effiċjenti: Jekk fil-plenarja fl-aħħar ta' Marzu kien hemm dibattitu wieħed, tliet sessjonijiet ta' votazzjoni u 11-il vot, fil-plenarja fl-aħħar ta' Ottubru, kien hemm 18-il dibattitu, 13-il sessjoni ta' votazzjoni u aktar minn 1 500 vot.

Matul il-plenarja ta' Ottubru, il-Membri tal-PE setgħu jipparteċipaw fid-dibattiti mill-uffiċċji ta' kollegament tal-PE fl-Istati Membri tagħhom.

Filwaqt li s-sitwazzjoni serja tas-saħħa tfisser li s-sessjonijiet plenarji bħalissa qed iseħħu mill-bogħod, il-President qal li l-Parlament se jerġa' lura għas-sede tiegħu fi Strasburgu malli l-kundizzjonijiet ikun jippermettu dan.

Kumitati


Il-ħidma fil-kumitati wkoll ġiet adattata, u l-laqgħat qed isiru permezz tal-vidjokonferenzi jew f'format ibridu. L-interpretazzjoni u l-votazzjoni fil-kumitati nżammu.

Gruppi politiċi u korpi governattivi

Is-seba' gruppi politiċi u l-korpi governattivi tal-Parlament, bħalma hi l-Konferenza tal-Presidenti, ukoll qed ikomplu l-ħidma tagħhom mill-bogħod.