Il-COVID-19, investiment fl-irkupru, il-klima 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Sabiex tindirizza b'mod determinat il-konsegwenzi tal-COVID-19, il-Parlament kien favur soluzzjonijiet ambizzjużi u sostenibbli għall-persuni, l-ekonomija u l-klima.

Aqra l-ħarsa ġenerali tagħna tal-ewwel nofs tal-2020.


Il-Coronavirus

Bla dubju, l-akbar sfida ta' dawn l-aħħar xhur kienet il-pandemija tal-COVID-19. L-UE wieġbet għat-tifqigħa permezz ta' miżuri ta' emerġenza immedjati u b'appoġġ fit-tul għall-irkupru.


Miżuri ta' emerġenza kontra l-COVID-19

Fi tmiem Marzu l-Parlament approva l-miżuri inizjali biex jittaffa l-impatt tal-kriżi. L-enfasi tal-ewwel ġimgħat kienet fuq li jitnaqqas it-tifrix tal-virus, jiġi provdut tagħmir mediku lill-pajjiżi tal-UE, tiġi promossa r-riċerka, tingħata spinta lis-solidarjetà Ewropea, jingħata appoġġ lill-ekonomija, jiġu mħarsa l-impjiegi u li jiġu ripatrijati għexieren ta' eluf ta' Ewropej maqbuda barra madwar id-dinja. Mijiet ta' biljuni ta' euro saru disponibbli.

Fondi għall-vaċċin u għar-riċerka

 

Il-Parlament appoġġja l-isforzi biex jiġu żviluppati vaċċini u trattamenti effikaċi. Il-Kummissjoni malajr allokat EUR 48.25 miljun għal 18-il proġett ta' riċerka b'151 tim ta' riċerka minn madwar l-UE u wara ġew allokati aktar fondi li jammontaw għal mijiet ta' miljuni biex jiżviluppaw kura u dijanjostika. Il-Membri tal-Parlament Ewropew enfasizzaw il-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess mifrux ħafna għal mediċini affordabbli.

https://www.europarl.europa.eu/news/en/headlines/priorities/eu-response-to-coronavirus/20200424STO77802/coronavirus-a-timeline-of-eu-action

Iċċekkja l-Kronoloġija: UE vs COVID-19

Il-Parlament f'modus remot

Il-miżuri ta' trażżin tal-pandemija ġiegħlu lill-Parlament jillimita l-laqgħat fiżiċi u jaħdem b'mod remot. Il-Membri tal-Parlament Ewropew kienu għadhom kapaċi jeżerċitaw il-kontroll demokratiku u japprovaw il-miżuri kollha meħtieġa tal-Unjoni Ewropea. Għall-ewwel darba, il-Parlament introduċa sistema li tippermetti lill-Membri tal-Parlament Ewropew jivvutaw mingħajr ma jkunu fiżikament preżenti fil-plenarja. Iċ-ċelebrazzjonijiet ta' Jum l-Ewropa, li din is-sena kkommemoraw is-70 anniversarju mid-dikjarazzjoni ta' Schuman li waqqfet l-UE, fil-biċċa l-kbira tagħhom saru online.

Fond ta' rkupru u baġit fit-tul

 

Il-Parlament Ewropew insista għal pakkett ta' rkupru kuraġġjuż biex jgħin lill-UE tirkupra malajr mill-pandemija u laqa' l-pjan ta' rkupru ta' EUR 750 biljun flimkien ma' baġit ta' EUR 1.1 triljun għall-perjodu 2021-2027 li l-Kummissjoni pproponiet fi tmiem Mejju. Waqt li kienu qed jiżvolġu n-negozjati dwar il-baġit fit-tul tal-UE, il-Parlament enfasizza l-ħtieġa li jiġu ssodisfati l-aspettattivi tan-nies.

Irkupru sostenibbli

 

Skont il-Membri tal-Parlament Ewropew, il-Patt Ekoloġiku jrid ikun fil-qalba tal-pakket tal-Unjoni Ewropea għall-irkupru mill-COVID-19. Il-Parlament iqis il-pjan ta' rkupru bħala opportunità biex isir investiment f'Ewropa ekoloġika, diġitali u reżiljenti. Il-Membri tal-Parlament Ewropew qed jisħqu li l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050. F'Jannar, il-Parlament laqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Patt Ekoloġiku, iżda appella għal tnaqqis aktar strett tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra (55 % sal-2030).

Il-Parlament qed jinsisti wkoll għal miri legalment vinkolanti għall-Bijodiversità fl-Ewropa u għal produzzjoni tal-ikel ġusta, sana u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent.

L-ivvjaġġar sikur u l moviment liberu

 

L-għeluq tal-fruntieri li ġie introdott biex jitnaqqas it-tixrid tal-COVID-19 waqqaf il-libertà tal-moviment fl-Ewropa. Il-Parlament insista fuq sforz ikkoordinat tal-UE biex tiġi restawrata malajr kemm jista' jkun żona Schengen funzjonanti u saħaq li l-miżuri ma jistgħu jiddiskriminaw kontra l-ebda Ewropew abbażi tan-nazzjonalità.


Ir-restrizzjonijiet relatati mal-COVID-19 laqtu ħażin ħafna lill-industrija tat-turiżmu Ewropew, u l-Membri tal-Parlament Ewropew iridu appoġġ għal dan is-settur ewlieni tal-ekonomija. L-UE ħadmet ukoll biex tagħmel l-ivvjaġġar bla periklu kemm jista' jkun u biex tiggarantixxi d-drittijiet tal-konsumatur.

Il-Brexit

Fl-aħħar ta' Jannar, il-Parlament approva l-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit, li jagħti bidu għall-Brexit, u qal saħħa lit-73 Membru tal-Parlament Ewropew tar-Renju Unit. Għaddejjin taħditiet biex jiġi determinat kif ir-Renju Unit u l-UE ser jaħdmu flimkien fil-ġejjieni.


Il-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Vjetnam

Filwaqt li sħubija waħda spiċċat, sħubija oħra nbniet. Il-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam, approvat mill-Parlament fi Frar, se jelimina tista' tgħid it-tariffi kollha fuq perjodu ta' għaxar snin. Peress li jinkludi regoli vinkolanti dwar il-klima, ix-xogħol u d-drittijiet tal-bniedem, il-Membri tal-Parlament Ewropew jarawh bħala dak li jistabbilixxi l-istandards għall-kummerċ globali.

L-indirizzar determinat tad-diżinformazzjoni

Intqal li l-aħbarijiet foloz dwar il-COVID-19 huma perikolużi daqs il-virus. L-Membri tal-Parlament Ewropew jappoġġaw l-isforzi tal-UE biex tindirizza b'mod determinat id-diżinformazzjoni, filwaqt li tħares il-libertà tal-espressjoni. F'Ġunju, il-Parlament waqqaf kumitat speċjali għall-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni.