Covid-19: 10 affarijiet li qed tagħmel l-UE għall-irkupru ekonomiku

Skopri x'qed tagħmel l-UE biex tgħin lill-Ewropa terġa' tqum fuq saqajha wara l-effetti ekonomiċi devastanti li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19.

Aqra l-kronoloġija tal-azzjoni tal-UE biex tindirizza l-Covid-19 għal ħarsa ġenerali lejn dak kollu li l-UE qed tagħmel biex tgħin lill-Ewropa tiffaċċja l-kriżi.
©Adobe Stock/siraanamwong

1. L-għoti ta' stimulu ekonomiku massiv

 

Biex tgħin lill-Ewropa tirkupra mir-riperkussjonijiet ekonomiċi devastanti li kkawżat il-pandemija tal-coronavirus, il-Kummissjoni pproponiet pjan ta' stimolu ta' EUR 750 biljun, flimkien ma' proposta riveduta għall-baġit fit-tul li jmiss tal-UE) (2021-2027). Next Generation EU jipprovdi li l-Kummissjoni tissellef flus fis-swieq finanzjarji billi tuża l-klassifikazzjoni ta' kreditu għolja tagħha biex tiżgura spejjeż baxxi tas-self. Il-Parlament appoġġja l-pakkett ta' rkupru iżda jinsisti li l- Patt Ekoloġiku jrid ikun fil-qalba u jrid jevita li jkun ta' piż fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.

 

Il-mexxejja tal-UE laħqu ftehim dwar il-pjan tal-baġit u ta' rkupru f'nofs Lulju. Għalkemm l-MEPs laqgħu l-ftehim dwar il-pakkett ta' rkupru, huma ddispjaċihom dwar it-tnaqqis fl-għotjiet. Il-Parlament qal li l-ftehim fit-tul dwar il-baġit poġġa l-prijoritajiet tal-UE bħall-Patt Ekoloġiku u l-Aġenda Diġitali f'riskju u qal li huwa kien lest li jżomm l-approvazzjoni tiegħu sakemm il-ftehim ma jiġix imtejjeb.

2. Appoġġ għas-sistemi u l-infrastrutturi tas-saħħa tal-UE

 

L-għoti ta' sostenn lill-kapaċità ta' rispons tal-UE għall-kriżijiet tas-saħħa huwa essenzjali biex jiġu indirizzati l-kriżijiet attwali u futuri. Biex tgħin lill-Ewropa tiffaċċja l-kriżi, l-UE nediet il-programm ġdid "l-UE għas-Saħħa", li se jsaħħaħ is-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri, kif ukoll jippromwovi l-innovazzjoni u l-investiment fis-settur. L-UE għas-Saħħa huwa parti mill-pjan ta' rkupru Next Generation EU. Il-Parlament Ewropew kien insista fuq il-ħolqien ta' programm tas-saħħa Ewropew ġdid u indipendenti.

3. Il-protezzjoni ta' negozji żgħar u ta' daqs medju

 

L-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jirrappreżentaw 99% tan-negozji kollha fl-UE, u b'hekk is-sopravivenza tagħhom hija kruċjali għall-irkupru ekonomiku tal-UE. L-UE għamlet disponibbli biljun Ewro mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi tagħha biex tinċentiva lill-banek u s-selliefa biex jipprovdu likwidità lil aktar minn 100,000 SME Ewropea.

 

4. Il-mitigazzjoni tar-riskji tal-qgħad

 

L-impjiegi ntlaqtu ħażin mill-pandemija, u b'hekk iċ-ċifri tal-qgħad żdiedu b'mod drammatiku. Biex tgħin lill-ħaddiema, inklużi ż-żgħażagħ, fid-dawl tal-kriżi tal-Covid-19, l-inizjattiva tal-UE Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta' Qgħad f'Emerġenza (Sure) se tipprovdi għajnuna finanzjarja sa massimu ta' EUR 100 biljun lill-Istati Membri fil-forma ta' self mogħti b'termini favorevoli, biex tgħin ħalli jiġu koperti l-ispejjeż tal-iskemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar.

5. Appoġġ għat-turiżmu u l-kultura

 

Settur ieħor affettwat ħażin mill-pandemija huwa t-turiżmu. L-Ewropa hija d-destinazzjoni turistika numru wieħed fid-dinja, u l-UE introduċiet sensiela ta' miżuri mfassla biex jgħinu lill-industrija tlaħħaq mal-kriżi, kif ukoll pakkett li jerġa' jagħti spinta lit-turiżmu tal-Ewropa. Miżuri ta' għajnuna għas-settur tat-trasport ġew introdotti wkoll biex jiġu minimizzati l-effetti tal-pandemija fuq kumpaniji tal-linji tal-ajru, tal-ferroviji, tat-toroq u tat-tbaħħir.    

L-attività kulturali kważi waqfet għalkollox minħabba l-miżuri meħuda biex tiġi indirizzata t-tifqigħa, u l-Parlament irid appoġġ immirat biex jgħin lis-settur.

6. Pakkett bankarju li jappoġġja lill-familji u n-negozji

 

Biex jiżgura li l-banek ikomplu jipprovdu self lin-negozji u lill-familji bil-ħsieb li jittaffu l-konsegwenzi ekonomiċi tal-kriżi, il-Parlament Ewropew approva regoli prudenzjali temporanjament anqas riġidi għall-banek Ewropej. Bidliet fir-regolament dwar ir-rekwiżiti ta' kapital se jippermettu lill-pensjonanti jew lill-impjegati b'kuntratt permanenti jiksbu self b'kundizzjonijiet aktar favorevoli, jiżguraw flussi ta' kreditu lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u jappoġġjaw l-investiment fl-infrastruttura.

 

7. Appoġġ għall-agrikoltura u s-sajd.

Sabiex jiġi evitat tħarbit fil-provvisti tal-ikel u għall-prevenzjoni tan-nuqqas ta' ikel, il-Parlament Ewropew approva miżuri ta' emerġenza biex jgħin lill-bdiewa u lis-sajjieda milquta mill-pandemija tal-COVID-19. Il-miżuri jinkludu appoġġ għas-sajjieda u dawk fl-akwakultura li kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom matul il-kriżi u żieda fl-appoġġ li l-pajjiżi tal-UE jistgħu jagħtu lid-ditti żgħar li għandhom x' jaqsmu mal-ikel mill-farms. Miżuri eċċezzjonali tas-suq ġew introdotti wkoll biex jappoġġjaw produtturi tal-inbid, tal-frott u l-ħxejjex tal-UE.



8. Għajnuna lil pajjiżi biex jiffinanzjaw ir-rispons tagħhom għall-kriżi

Sabiex tgħin lill-Istati Membri jiffinanzjaw ir-rispons tagħhom għall-coronavirus, l-UE nediet inizjattiva ġdida, l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus. Din se tgħaddi madwar EUR 37 biljun mill-fondi strutturali tal-UE biex tipprovdi appoġġ finanzjarju immedjat lill-pajjiżi tal-UE li qed jippruvaw jgħinu lill-persuni u lir-reġjuni jiffaċċjaw il-kriżi attwali.



9. Regoli anqas stretti dwar l-għajnuna mill-istat

Peress li l-pandemija kienet bdiet tinfirex madwar l-Ewropa, l-UE nediet Qafas Temporanju għall-Miżuri ta' Għajnuna mill-Istat biex tiżgura li jibqa' jkun hemm likwidità suffiċjenti għan-negozji ta' kull tip u biex tgħin sabiex tinżamm l-attività ekonomika matul u wara t-tifqigħa tal-COVID-19. L-Istati Membri se jkunu jistgħu jagħtu sa EUR 800,000 lil kumpanija biex din tindirizza ħtiġijiet urġenti ta' likwidità jew jagħtu self b'rati ta' interess favorevoli.



10. Il-protezzjoni tan-negozji Ewropej imdgħajfa minn kompetituri barranin

L-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-coronavirus ħalliet ħafna kumpaniji Ewropej vulnerabbli għall-kompetituri barranin sussidjati. Biex jgħin fil-protezzjoni tan-negozji, il-Parlament talab li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi għan-negozji kollha, biex jiġu evitati distorsjonijiet fis-suq uniku li jirriżultaw minn kompetizzjoni inġusta minn kumpaniji barranin. B'mod parallel, l-UE ħarġet linji gwida għall-Istati Membri dwar l-investiment dirett barrani, u ħeġġithom jeżaminaw bir-reqqa l-investimenti minn barra l-UE biex jiġu evitati riskji għas-sigurtà u l-ordni pubbliku tal-UE.



Skopri 10 affarijiet li qed tagħmel l-UE fil-ġlieda kontra l-coronavirus