Ħarsa lejn il-ġejjieni: Il-ħidma tal-MPE sal-aħħar tal-2020 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Fix-xhur li ġejjin, il-MPE se jivvutaw fuq il-baġit fit-tul tal-UE, liġi ġdida dwar il-klima u jkomplu jiddibattu l-futur tal-Ewropa.

Il-baġit fit-tul u l-pjan ta' rkupru

F'Mejju, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet pjan ta' stimolu ekonomiku ta' EUR 750 biljun li, flimkien ma' proposta riveduta għall-baġit tal-UE għall-2021-2027 ta' EUR 1.1 triljun, għandu jgħin biex itaffi x-xokk mill-pandemija tal-coronavirus u jwitti t-triq għal futur sostenibbli. Il-proposti huma soġġetti għal negozjati bejn il-Parlament u l-Istati Membri fil-Kunsill.


Il-Patt Ekoloġiku

F'Settembru, il-Kumitat tal-Parlament għall-Ambjent (ENVI) se jivvota fuq il-liġi tal-UE dwar il-klima, kif proposta mill-Kummissjoni f'Marzu, inkluż dwar kif l-UE tista' tikseb in-newtralità klimatika sal-2050. X'aktarx li ssir votazzjoni dwar id-dossier fil-plenarja f'Ottubru.


Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija inizjattiva ġdida li tħares lejn x'bidliet hemm bżonn biex l-UE tkun aktar ippreparata għall-futur. Il-Konferenza kellha tibda f'Mejju, iżda ma bdietx minħabba l-pandemija tal-COVID-19. F'riżoluzzjoni vvutata fis-sajf, il-Parlament enfasizza li l-konferenza għandha tibda "malajr kemm jista' jkun fil-ħarifa tal-2020". Hija mistennija li tibqa' għaddejja għal sentejn.


Il-Brexit

Bħal'issa għaddejjin diskussjonijiet biex jintlaħaq ftehim dwar ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit. Taħt il-ftehim preżenti ta' ħruġ, huwa previst perjodu tranżitorju sal-aħħar ta' Diċembru 2020. B'hekk il-mira taż-żewġ naħat hija li n-negozjati jkunu konklużi qabel tmiem is-sena. Kwalunkwe ftehim jista' jidħol fis-seħħ biss jekk ikun ġie approvat mill-Parlament.

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali

Bħala parti mill-Istrateġija Diġitali Ewropea, il-Kummissjoni ħabbret li lejn l-aħħar tal-2020 se tippreżenta pakkett dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali. Dan għandu jsaħħaħ is-suq uniku għas-servizzi diġitali. Il-kumitati tal-Parlament għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IMCO), għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) u għall-Affarijiet Legali (JURI) kollha ppubblikaw l-abbozzi tar-rapporti rispettivi tagħhom. Votazzjonijiet fil-kumitati huma mistennija f'Settembru.


L-Istrateġija Industrijali

F'Marzu 2020, il-Kummissjoni ppreżentat Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa, biex tiżgura li n-negozji Ewropej jkunu jistgħu jadattaw ruħhom għan-newtralità klimatika u futur diġitali. Il-kumitat tal-Parlament għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (ITRE) se jivvota fuq ir-rapport tiegħu dwar dan is-suġġett f'Settembru u huwa mistenni li xahrejn wara jkun hemm votazzjoni fil-plenarja.

Ir-riforma tal-PAK

Il-fażi finali tan-negozjati dwar kif għandu jkun is-settur agrikolu Ewropew wara l-2020 tiddependi fuq ftehim dwar il-baġit tal-UE għall-2021-2027 u tqis ukoll il-Patt Ekoloġiku Ewropew.


Il-Patt dwar il-Migrazzjoni

Il-Kummissjoni mistennija tippreżenta Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Asil, la darba jkun intlaħaq ftehim preliminari mill-Istati Membri dwar il-baġit tal-UE. Il-Kumitat tal-Parlament għal-Libertajiet Ċivili bħalissa qed jaħdem fuq rapport dwar perkorsi legali ġodda għall-migrazzjoni tal-ħaddiema lejn l-UE.


Id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji

L-UE qed taħdem fuq regoli ġodda biex issaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji, inkluż kumpens ogħla f'każ ta' dewmien u aktar assistenza għall-persuni b'diżabilità. Il-mira hija li dan il-file leġiżlattiv jiġi mitmum qabel l-2021, li l-Kummissjoni pproponiet li għandha tkun is-Sena Ewropea tal-Ferroviji. Wara interruzzjoni kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, in-negozjati interistituzzjonali komplew f'Ġunju.


Il-finanzjament kollettiv

F'Marzu 2018, bħala parti mill-pjan tagħha ta' azzjoni għall-Fintech, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regolament dwar il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv. Is-suq tal-finanzjament kollettiv tal-UE huwa sottożviluppat meta kkomparat mal-ekonomiji dinjin ewlenin oħrajn minħabba nuqqas ta' regoli komuni fl-UE. Preċiżament sentejn wara, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament laħaq ftehim proviżorju fuq il-proposta mal-Kunsill.