L-Istat tal-UE: Il-MPE jiddibattu miżuri biex tissaħħaħ l-Ewropa 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Id-dibattitu annwali dwar l-Istat tal-UE ffoka fuq pjanijiet ġodda tal-UE biex jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima, ir-razziżmu, it-theddid għas-saħħa u l-migrazzjoni.

Dikjarazzjoni dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea

Il-President tal-KummissjoniEwropea Ursula von der Leyen ġiet fil-Parlament Ewropew fi Brussell biex twassal l-ewwel diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea. Fih ħarset lura lejn dak li għamlet il-Kummissjoni matul is-sena li għaddiet u żvelat sensiela ta’ inizjattivi ġodda tal-UE, li mbagħad ġew diskussi mal-MEPs matul id-dibattitu.


Il-pjanijiet li ħabbret jinkludu miżuri biex jitnaqqsu r-restrizzjonijiet tas-suq uniku, strateġija ġdida għaż-żona Schengen, proposta biex tiżdied il-mira tal-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal mill-inqas 55 % u l-investiment fit-teknoloġiji diġitali. Hija qalet ukoll li jeħtieġ li jitħaffef il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE.


Fir-rigward tal-affarijiet barranin, hija enfasizzat il-ħtieġa għal kollaborazzjoni f’korpi internazzjonali, iżda rrikonoxxiet il-ħtieġa li l-UE tmexxi r-riformi tal-WHO u tad-WTO. Fir-rigward taċ-Ċina, hija qalet li l-fatt li dan il-pajji huwa sieħeb importanti fi kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, dan m’għandux iwaqqaf lill-UE milli titkellem dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem.


Il-President Von der Leyen tkellmet dwar l-impatt li kellu l-coronavirus u qalet li l-avveniment ta’ din is-sena għamilha ċara li hemm bħonn li tinbena Unjoni Ewropea tas-Saħħa aktar b’saħħitha: “Wasal iż-żmien li nagħmlu dan u li nibdew nagħmlu dan realtà. Issa rridu nieħdu l-ewwel tagħlimiet mill-kriżi tas-saħħa.”


Von der Leyen ħeġġet li jiżdiedu l-isforzi biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni. “Il-migrazzjoni hija sfida Ewropea u l-Ewropa kollha għandha tagħmel il-parti tagħha,” hija qalet.


Il-President tal-Kummissjoni ħabbret pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskors ta’ mibegħda. Hija kienet ukoll favur id-drittijiet tal-persuni LGBTQI u għar-rikonoxximent reċiproku tar-relazzjonijiet familjari fl-UE.


“Il-futur se jkun dak li nagħmlu minnu. U l-Ewropa se tkun dak li nixtiequ li tkun. Irridu nieqfu nippruvaw inkissru l-Unjoni u naħdmu biex nibnuha, nagħmluha aktar b’saħħitha u nibnu d-dinja li nixtiequ ngħixu fiha,” hija ikkonkludiet.

L-Istat tal-UE  

Ir-reazzjonijiet tal-MPE

Il-MPE kienu ġeneralment favur ħafna mill-inizjattivi l-ġodda mħabbra, iżda wkoll ħerqana li jenfasizzaw oqsma oħra li fuqhom l-UE għandha tiffoka.


Il-kap tal-PEE, Manfred Weber (DE) qal li l-ħolqien tal-impjiegi għandu jkun prijorità: “Ħu l-Italja, 40 % taż-żgħażagħ fl-Italja għadhom qiegħda. U qatt ma nistgħu naċċettaw ġenerazzjoni mitlufa oħra fl-Unjoni Ewropea tal-lum.” Huwa żied jgħid: “Tista’ tonfoq il-flus tal-fond ta’ rkupru darba biss u l-prijorità tagħna hija l-futur tal-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-Ewropa.” Weber enfasizza wkoll il-ħtieġa li l-UE titkellem b’vuċi waħda dwar kwistjonijiet barranin. Fir-rigward tal-Belarus, huwa qal: “Jekk irridu nkunu kredibbli jeħtieġ li nuru lin-nies li qed joħorġu fit-toroq f’Minsk li l-Ewropa qiegħda fuq in-naħa tagħhom.”


Il-kap tal-S&D, Iratxe García Pérez (ES) tkellem dwar l-isfidi differenti li qed tiffaċċja l-Ewropa. Hija argumentat favur taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, u qalet: “Huwa biss b’dan il-mod li ser inkunu nistgħu ninvestu fi tranżizzjonijiet ekoloġiċi u soċjali inkluż mingħajr ma nħallu lil ħadd lura.” Hija qalet li kienet kuntenta bil-mira l-ġdida tal-2030 ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet iżda qalet li jeħtieġ li ma ninsewx li “n-nies huma parti minn dawn it-tranżizzjonijiet, għalhekk neħtieġu strateġija biex niġġieldu l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal u inkluża paga minima,”. Hija appellat għal appoġġ għas-settur kulturali u l-ħolqien ta’ pjattaforma kulturali Ewropea biex “iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jikkollaboraw u jsaħħu n-nisġa kulturali Ewropea”.


Il-kap ta’ Renew, Dacian Ciolos (RO) qal li l-Ewropa għamlet progress konsiderevoli f’dawn l-aħħar xhur: “M’hemm l-ebda dubju li l-pjan ta’ rkupru huwa pass storiku ‘l quddiem u huwa eempju tas-setgħa tal-Unjoni u l-kapaċità tagħna li negħlbu l-kriżijiet flimkien.” Madankollu, huwa enfasizza l-ħtieġa li l-istat tad-dritt jiġi rrispettat bħala prinċipju ewlieni f’dak li għandu x’jaqsam mal-fondi, biex tinżamm il-fiduċja tan-nies: “[...] l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti mill-korruzzjoni u l-kunflitti ta’ interess.” Huwa faħħar ir-reazzjoni tal-Kummissjoni għas-sejħa tal-Parlament għall-valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar il-klima, u l-pjanijiet diġitali tiegħu.


Il-kap ta’ ID, Nicolas Bay (FR) ilmenta n-nuqqas ta’ miżuri ta’ protezzjoni tas-suq fl-Ewropa fl-eqqel tal-kriżi sanitarja, kif ukoll ir-regoli ambjentali stretti li jdgħajfu l-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej: “Dan ma jgħinx l-indipendenza u l-prosperità futura tal-Ewropa, anzi se jagħmel li l-Ewropa tkun dejjem aktar fraġli fix-xena dinjija.”


Il-kopresident tal-Ħodor, Ska Keller (DE) ikkritikat il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni tal-migranti fil-fruntieri esterni tal-UE. “Is sitwazzjoni li ninsabu fiha hija tal-mistħija [...] u hija r-responsabbiltà kollettiva tagħna bħala Ewropej,” qalet, filwaqt li ħeġġet lill-Kummissjoni biex tiġġieled mal-Istati Membri favur kundizzjonijiet adegwati, “biex nagħmluha prijorità ewlenija biex ngħinu lin-nies fil-bżonn u mhux biex inċedu għal dan l-istat diżastruż li ninsabu fih”. Hija laqgħet il-mira proposta ta’ tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet sal-2030.“Il-klima ma tistax tintuża f’negozjati u jeħtieġ li navvanzaw malajr”.


Il-kap tal-ECR, Ryszard Antoni Legutko (PL) qal li l-aħħar deċennju kien ta’ taqlib għall-UE, u li llum ninsabu f’qagħda agħar milli konna għaxar snin ilu. “Kull sena matul dawn l-aħħar għaxar snin, smajna minn kull President tal-Kummissjoni li futur radikali qed jistenniena u l-ġranet tal-glorija tal-UE huma biss madwar ir-rokna, dment li l-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet Ewropej jirċievu aktar kompetenzi... Illum inqas u inqas nies madwar l-Ewropa jieħdu dan il-messaġġ bis-serjetà.”


Il-kopresident tal-GUE/NGL, Manon Aubry (FR), ikkritikat id-diskors talli ma semmiex il-kriżi tas-solidarjetà li teżisti fl-UE, eżemplifikata mit-tax havens, jew kwistjonijiet relatati mal-istat tad-dritt fil-Polonja u fl-Ungerija. Hija kkritikat ukoll l-objettiv ta’ 55 % ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-klima bħala mhux biżżejjed. “Sabiex nindirizzaw l-isfidi li qed niffaċċjaw, irridu nibdlu kollox. L-uniku fokus tagħna għandu jkun l-ambjent u l-aspetti soċjali,” qalet, filwaqt li appellat għall-ġustizzja fiskali, u t-tmiem tat-tax havens fl-Ewropa.


B’reazzjoni għal dak li qalu l-MPE, il-President von der Leyen appellat għal “approċċ kostruttiv lejn il-migrazzjoni”. “Kull sena madwar żewġ miljun persuna jiġu l-Ewropa u 140,000 refuġjat. Għandna nkunu kapaċi nimmaniġġjaw dawn il-flussi.” Hija qalet li l-Kummissjoni se tressaq proposta leġiżlattiva l-ġimgħa d-dieħla. Dwar l-istat tad-dritt, hija qalet li l-Kummissjoni kienet qed tieħu “l-aktar approċċ sistematiku u l-aktar komprensiv fl-istorja tagħna”.