L-istat tad-dritt: mekkaniżmu ġdid biex jipproteġi l-baġit u l-valuri tal-UE 

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Rule of law is laid down in the EU treaties as one of the values on which the Union is based ©Helmutvogler /Adobe Stock  

L-UE qed tħejji regoli li jagħmluha possibbli li jitwaqqfu l-pagamenti mill-baġit tal-UE lill-Istati Membri li ma jirrispettawx l-istat tad-dritt.

Fil-5 ta' Novembru 2020 in-negozjaturi tal-Parlament laħqu ftehim proviżorju mal-Presidenza tal-Kunsill dwar leġiżlazzjoni li tistabbilixxi mekkaniżmu li jkun jippermetti s-sospensjoni ta' pagamenti baġitarji lil Stat Membru jekk dan jikser l-istat tad-dritt.

Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni trid tittieħed mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata dwar il-proposta tal-Kummissjoni.

L-Ewroparlamentari wissew li l-valuri Ewropej jinsabu fil-periklu u li l-fondi tal-UE mill-baġit fit-tul u mill-pjan ta' rkupru ma għandhomx jitqiegħdu f'idejn dawk li jaħdmu kontra d-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fl-Ewropa.

F'rapport adottat fis-7 ta' Ottubru, l-Ewroparlamentari appellaw għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Ewropa kollha permezz ta' mekkaniżmu ġdid u sanzjonijiet effettivi fir-rigward ta' Stati Membri li jkunu qed jiksru l-istat tad-dritt. Huma insistew ukoll li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jaqblu dwar regoli ċari li jorbtu l-għoti ta' fondi tal-UE lil Stat Membru mar-rispett tal-istat tad-dritt.


X'inhu l-istat tad-dritt

L-istat tad-dritt huwa stabbilit fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea bħala wieħed mill-valuri li fuqhom hija bbażata l-UE. Dan ifisser li l-gvernijiet għandhom ikunu marbuta bil-liġi, li m'għandhomx jieħdu deċiżjonijiet arbitrarji u li ċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jikkontestaw l-azzjonijiet tagħhom fi qrati indipendenti.

L-istat tad-dritt iħaddan ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li b'mod inġust tiffavorixxi xi wħud askapitu ta' oħrajn, u jipproteġi l-libertà tal-midja, biex b'hekk jiżgura li l-pubbliku jkun infurmat kif xieraq dwar l-azzjonijiet tal-gvern.

L-istat tad-dritt inissel tħassib b'mod mifrux fost l-Ewropej. Fi stħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2019, mill-inqas 85% tal-parteċipanti mill-UE kollha qiesu li kull wieħed mill-aspetti differenti tal-istat tad-dritt huwa essenzjali jew importanti. Skont stħarriġ ieħor, ta' Ottubru 2020, 77% tal-Ewropej jaqblu mal-idea li l-Unjoni għandha tagħti fondi biss lil dawk l-Istati Membri li l-gvern nazzjonali tagħhom jimplimenta l-istat tad-dritt u l-prinċipji demokratiċi.



Mekkaniżmi li l-UE diġà għandha għall-protezzjoni tal-istat tad-dritt

L-UE għandha għodod eżistenti għad-dispożizzjoni tagħha biex tipproteġi l-istat tad-dritt. Fit-30 ta' Settembru, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-ewwel rapport annwali dwar l-istat tad-dritt li jimmonitorja kemm l-iżviluppi pożittivi kif ukoll dawk negattivi, relatati mal-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha. Ilha timmonitorja lir-Rumanija u lill-Bulgarija minn mindu dawn il-pajjiżi saru membri tal-UE fl-2007.

Hemm ukoll djalogu dwar l-istat tad-dritt fil-Kunsill u l-Presidenza Ġermaniża attwali qed tippjana li f'Novembru jkollha diskussjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, u li dawn jibdew b'ħames pajjiżi tal-UE.

Jekk il-Kummissjoni taħseb li Stat Membru jkun qed jikser id-dritt tal-UE, hija tista' tibda proċeduri ta' ksur li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet finanzjarji determinati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Proċedura oħra, skont l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tippermetti lill-Kunsill jifformula rakkomandazzjonijiet jew jiddeċiedi b'unanimità dwar sanzjonijiet fil-konfront ta' Stat Membru, inkluża s-sospensjoni tad-drittijiet ta' adeżjoni.

L-argument favur aktar miżuri

l-Ewroparlamentari argumentaw li l-għodod eżistenti mhumiex biżżejjed. Filwaqt li fil-Kunsill għaddejjin seduti ta' smigħ, skont l-Artikolu 7, fir-rigward tal-Polonja u tal-Ungerija, il-Parlament esprima d-dispjaċir tiegħu dwar in-nuqqas ta' progress sinifikanti min-naħa taż-żewġ Stati Membri fl-indirizzar tal-kwistjonijiet.

Waqt dibattitu fil-plenarja tal-5 ta' Ottubru, l-Ewroparlamentari laqgħu pożittivament ir-rapport annwali dwar l-istat tad-dritt li nediet il-Kummissjoni, iżda appellaw għal aktar azzjoni għall-infurzar. "Il-monitoraġġ waħdu mhux se jġib lura l-indipendenza ġudizzjarja fil-Polonja, u lanqas mhu se jsalva lil Index media [mezz tax-xandir] fl-Ungerija," dan qalu Michal Šimečka (Renew Europe, is-Slovakkja).

Is-Sur Šimečka fassal rapport, adottat fis-7 ta' Ottubru, li jitlob li jkun hemm mekkaniżmu li jikkonsolida l-istrumenti eżistenti u jistabbilixxi Ċiklu Annwali ta' Monitoraġġ, b'rakkomandazzjonijiet, kalendarji u objettivi speċifiċi għall-pajjiż għall-implimentazzjoni. Iċ-ċiklu għandu jservi bħala l-bażi għall-attivazzjoni tal-Artikolu 7 jew għas-sospensjoni l-fondi baġitarji għal Stat Membru.

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE

Il-korruzzjoni jew qrati li ma jkunux indipendenti jistgħu jfissru li ma jkun hemm l-ebda protezzjoni kontra l-użu ħażin tal-flus tal-UE allokati lil Stat Membru. Il-Kummissjoni ressqet proposta leġiżlattiva fl-2018 li għandha l-għan li tiddefendi l-interessi finanzjarji tal-UE, jekk jinstabu nuqqasijiet fl-istat tad-dritt.

Il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta fil-bidu tal-2019. Il-fajl huwa marbut mal-eżitu tan-negozjati dwar il-baġit fit-tul tal-UE u l-Parlament insista li ftehim dwar il-baġit tal-2021-2027 huwa possibbli biss jekk isir progress suffiċjenti f'din il-leġiżlazzjoni.

F'Lulju 2020, il-mexxejja tal-UE qablu li jintroduċu l-kundizzjonalità marbuta mar-rispett tal-istat tad-dritt, jiġifieri li jagħmlu l-għoti tal-fondi tal-UE lil Stat Membru subordinat għar-rispett tiegħu għall-istat tad-dritt. Fil-bidu tal-ħarifa, il-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill ressqet proposta ta' kompromess, li l-Ewroparlamentari kkritikaw bħala insuffiċjenti matul dibattitu plenarju tal-5 ta' Ottubru.

"Mekkaniżmu li qatt ma jista' jiġi attivat fil-prattika minħabba "backdoors" jew proċessi indeċiżivi jservi biss l-interessi ta' dawk li jixtiequ li ma jittieħdu l-ebda miżuri," qal Petri Sarvamaa (PPE, il-Finlandja).

Ftehim mal-Kunsill

L-Ewroparlamentari bdew negozjati mal-Kunsill f'Ottubru. Il-korapporteurs tal-Parlament dwar il-fajl huma Petri Sarvamaa u Eider Gardiazabal Rubial (S&D, Spanja).

Intlaħaq ftehim fil-5 ta' Novembru. In-negozjaturi tal-Parlament kisbu kamp ta' applikazzjoni wiesa' tal-leġiżlazzjoni filwaqt li żguraw li din ma tapplikax biss għal każijiet ta' korruzzjoni u frodi, iżda se tkopri wkoll ksur ta' valuri fundamentali bħal-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem inklużi d-drittijiet tal-minoranzi.

It-test maqbul jipproteġi wkoll lill-benefiċjarji finali tal-fondi bħall-istudenti, il-bdiewa jew l-NGOs. Huma se jkunu jistgħu jitolbu l-ammonti dovuti lilhom mingħand il-Kummissjoni. "Għalina kien kruċjali li l-benefiċjarji finali ma jiġux ikkastigati għall-għemil ħażin tal-gvernijiet tagħhom u li jkomplu jirċievu fondi li ġew imwiegħda lilhom," qalet Eider Gardiazabal Rubial.