Il-Ġimgħa LUX tal-Pubbliku: ara l-films u vvota għalihom  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-poster tat-tliet finalisti tal-films tal-LUX Audience Award Another Round, Collective and Corpus Christi  

Skopri fejn tista' tara l-films nominati għall-Premju LUX tal-udjenza 2021 ġewwa pajjiżek u kif tivvota għall-film favorit tiegħek.

Il-film li anke rebaħ Oscar ta' Thomas Vintenberg Another Round, Collective ta' Alexander Nanau u Corpus Christi ta' Jan Komasa (nominati għall-Oscars fl-2021 u l-2020 rispettivament) huma t-tliet films finalisti għall-Premju LUX tal-Udjenza 2021 tal-Parlament Ewropew u tal-European Film Academy.

Kif tista' tara l-films

Tista' tara t-tliet films mingħajr ħlas matul il-Ġimgħa LUX tal-Pubbliku mill-10 sas-16 ta' Mejju fuq l-internet, u sottotitolati bil-lingwa tiegħek.

Segwi d-dibattitu live mat-tliet diretturi fuq FB, il-Ġimgħa l-14 ta' Mejju fil-17.00 CET.

Films li qed jikkompetu

Another Round tad-direttur Daniż Thomas Vinterberg (titlu oriġinali Druk)

Smajt bit-teorija ta' psikologu Norveġiż li ammont żgħir ta' alkoħol fid-demm jiftħilna moħħna, iżid il-kreattività u jżommna kuntenti? Erba' għalliema tal-iskola postsekondarja jesperimentaw din it-teorija, iżda dik li għall-ewwel tidher li kienet kura għall-kriżi tal-mezza età, tispiċċa tmur żmerċ. Il-film ta' Vinterberg mhuwiex biss dwar ix-xorb. Għandu messaġġ aktar profond dwar kif jiġu ffaċċjati l-ħafna tlajja u nżul tal-ħajja u kif inkunu onesti dwarhom.

Another Round rebaħ l-Oscar għall-aħjar film barrani fl-2021. Il-kumpanija ta' produzzjoni ta' Leonardo DiCaprio qed tippjana li terġa' taħdem dan il-film bl-Ingliż

Collective tad-direttur Rumen Alexander Nanau (titlu oriġinali Colective)

Dan id-dokumentarju mqanqal huwa msemmi għal nightclub f'Bucharest fejn nar traġiku qatel 27 żagħżugħ u żagħżugħa fl-2015 u ħalla 180 oħra midruba. Id-dokumentarju jsegwi tim ta' ġurnalisti li jinvestigaw għalfejn 37 vittma ta' ħruq mietu fl-isptarijiet minkejja l-fatt li l-ġrieħi tagħhom ma kinux ta' theddida għall-ħajja. Huma jiżvelaw in-nepotiżmu u l-korruzzjoni li jiswew il-ħajjiet, iżda juru wkoll li persuni kuraġġużi u determinati jistgħu jittrasformaw is-sistemi korrotti.

Collective ġie nominat għall-Oscar fil-kategoriji tal-aħjar film barrani u tal-aħjar dokumentarju ta' din is-sena.

Corpus Christi tad-direttur Pollakk Jan Komasa (titlu oriġinali Boże Ciało)

Il-film huwa bbażat parzjalment fuq l-istorja reali ta' detenut żagħżugħ li jesperjenza trasformazzjoni spiritwali u li jrid isir qassis. Bi skerz tad-destin, huwa jispiċċa responsabbli ta' parroċċa f'raħal remot Pollakk. Hekk kif tiżviluppa l-istorja, huwa jiffaċċja sigriet traġiku li qed jeqred lill-komunità. Permezz tal-istorja ta' dan il-predikatur kariżmatiku, Komasa jirrifletti dwar l-elementi li jsawru komunità u dak li jagħmilna suxxettibbli kemm għal mexxejja foloz kif ukoll għal dawk reali.

Corpus Cristi ġie nominat għall-Oscar fil-kategorija tal-aħjar film barrani fl-2020.

Kif tivvota

Dis-sena, ir-rebbieħ se jintgħażel mill-MPE u mill-udjenzi, kull grupp jammonta għal 50% tal-voti. Tista' tikklassifika kull film billi tagħtih bejn stilla u ħames stilel fuq www.luxaward.eu sat-23 ta' Mejju. Tista' tbiddel il-preferenza tiegħek, iżda l-aħħar vot tiegħek biss jgħodd. Ivvota biex ikollok il-possibbiltà tattendi ċ-ċeremonja li jmiss tal-Premju Ċinematografiku Ewropew tal-Udjenza f'Diċembru 2021.

Informazzjoni dwar il-Premju LUX tal-Udjenza


Il-Parlament Ewropew nieda l-Premju LUX fl-2007 bil-għan li jappoġġa l-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-films Ewropej, jistimula riflessjoni fuq kwistjonijiet politiċi u soċjali kurrenti u jiċċelebra l-kultura Ewropea.

Dis-sena, il-Parlament ingħaqad mal-European Film Academy,

mal-Kummissjoni Ewropea u man-network ta' Europa Cinemas biex iwasslu l-premju bl-isem il-ġdid, il-Premju LUX tal-Udjenza, lil udjenza usa'.

It-tliet finalisti ġew kollha sottotitolati bil-lingwi uffiċjali tal-UE. Il-film rebbieħ se jiġi wkoll adattat għal dawk bi problemi tal-vista u tas-smigħ.