Il-Premju LUX tal-Udjenza 2021 jingħata lil Collective

Il-President David Sassoli ta l-Premju LUX tal-Pubbliku lil Collective matul ċerimonja fi Strasburgu nhar l-Erbgħa.

Id-dokumentarju "Collective" jirbaħ il-Premju tal-Udjenza LUX tal-2021

“Wara l-perjodu li għadna kemm għexna, il-ħtieġa li n-nies jingħaqdu flimkien, mhux biss fl-ispazji għad-dibattitu, iżda wkoll f’postijiet bħas-swali taċ-ċinema, qed tikber u hija urġenti,” qal il-President matul iċ-ċerimonja. “Il-kultura u ċ-ċinema mhumiex biss espressjonijiet tal-kreattività jew tal-vitalità ekonomika tagħna, iżda jenfasizzaw ukoll il-pluraliżmu u l-vitalità demokratika tas-soċjetajiet tagħna.”

Iż-żewġ films l-oħra magħżula għall-premju kienu: Another Round tad-direttur Daniż Thomas Vinterberg u Corpus Christi tad-direttur Pollakk Jan Komasa.

Aqra aktar dwar in-nominati tal-Premju LUX tal-Udjenza.

Il-klassifikazzjoni finali ġiet iddeterminata billi ngħaqdu il-medji tal-vot tal-udjenza u l-vot tal-MPE, b’kull grupp jammonta għal 50%.

Il-pandemija tal-COVID-19 laqtet ħażin ħafna l-industrija kreattiva u taċ-ċinema. Il-wiri fiċ-ċinema tat-tliet finalisti kienu limitati, u ġew sostitwiti primarjament b’wiri online u avvenimenti. L-udjenzi setgħu jivvutaw fuq il-films sat-23 ta’ Mejju, u l-MPE sat-8 ta’ Ġunju.


Dwar il-film rebbieħ

Collective tad-direttur Rumen Alexander Nanau (it-titolu oriġinali Colectiv) huwa dokumentarju dwar nightclub f’Bukarest li ħa n-nar bir-riżultat li qatel 27 żagħżugħ fl-2015 u ħalla 180 midruba. Id-dokumentarju jsegwi tim ta’ ġurnalisti li jinvestigaw għaliex 37 mill-vittmi tal-ħruq mietu fi sptarijiet għalkemm il-feriti tagħhom ma kinux ta’ theddida għall-ħajja. Huwa jikxef nepotiżmu u korruzzjoni tal-biża’ li kienu r-raġuni ta’ bosta mill-imwiet, iżda juri wkoll li persuni kuraġġużi u determinati jistgħu jegħlbu s-sistemi korrotti.

Din is-sena Collective ġie nominat għal Oscar fil-kategoriji tal-aqwa film barrani u l-aqwa dokumentarju.


Konferenza stampa u avvenimenti relatati

Segwi l-konferenza stampa mar-rebbieħ, il-finalisti l-oħra, il-European Film Academy u l-President tal-Kumitat għall-Kultura, Sabine Verheyen (PPE, DE), mis-13.15 sas-14.00 CET.

Ingħaqad mal-Facebook live tagħna mar-rebbieħ fis-14.00 CET.

Interessat fiċ-ċinema Ewropea wara l-COVID-19? Segwi l-webinar fuq il-paġna tal-Facebook tal-Premju LUX.


Il-Premju LUX tal-Udjenza

Permezz tal-Premju LUX tal-Udjenza, il-Parlament jingħaqad mal-European Film Academy biex jilħaq udjenza usa'. Grazzi għall-premju ċinematografiku tiegħu, il-Parlament ilu, sa mill-2007, jipprovdi appoġġ tanġibbli għad-distribuzzjoni tal-films Ewropej billi jipprovdi sottotitoli fl-24 lingwa tal-UE għall-films fil-kompetizzjoni finali. Il-premju LUX bena reputazzjoni li jagħżel koproduzzjonijiet Ewropej li jinvolvu ruħhom fi kwistjonijiet politiċi u soċjali attwali u li jħeġġu d-dibattitu dwar il-valuri tagħna.

Il-Kummissjoni Ewropea u n-network Europa Cinemas huma wkoll sħab fil-Premju LUX.


Għal aktar informazzjoni