Futur tal-Ewropa: il-panels taċ-ċittadini jiffinalizzaw ir-rakkomandazzjonijiet

Wara żewġ ċikli ta' laqgħat, il-panels taċ-ċittadini lesti jippreżentaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar kif l-UE għandha tinbidel. Skopri aktar.

F'dawn l-aħħar xhur, 800 ċittadin ħadu sehem fl-erba' panels taċ-ċittadini Ewropej biex iħejju r-rakkomandazzjonijiet dwar kif l-UE għandha tindirizza l-isfidi li għandha quddiemha f'diversi oqsma. Kull panel iltaqa' darbtejn, waqt żewġ weekends – l-ewwel fis-sede tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu u mbagħad online.

Il-parteċipanti fil-panels tkellmu ma' esperti, identifikaw il-problemi u ffurmaw sottogruppi biex jiddiskutu s-soluzzjonijiet possibbli għall-isidi Ewropej. Fit-tielet ċiklu ta' laqgħat, li għandu jsir f'diversi bliet Ewropej, ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom se jiġu finalizzati.

Id-dettalji kollha dwar il-laqgħat li jmiss tal-panels taċ-ċittadini

Se jkun hemm ukoll sessjonijiet plenarji tal-Konferenza, fejn ir-rappreżentanti tal-panels se jippreżentaw l-ideat tagħhom lill-membri tal-istituzzjonijiet tal-UE, tal-parlamenti nazzjonali u tal-gvernijiet u tal-partijiet ikkonċernati l-oħra.

Il-lagħqat l-oħra tal-panels u tal-plenarji tal-Konferenza suppost se jsiru skont dan il-programm:

aqgħat tal-panels taċ-ċittadini u tal-plenarji tal-Konferenza

  • 10-12 ta' Diċembru 2021, panel 2 (demokrazija Ewropea, valuri, drittijiet, stat tad-dritt, sigurtà), Firenze, l-Italja
  • 7-9 ta' Jannar 2022, panel 3 (tibdil fil-klima, ambjent, saħħa), Natolin, il-Polonja
  • 21-22 ta' Jannar - Plenarja tal-Konferenza, Strasburgu, Franza
  • 11-13 ta' Frar, Ir-Raba' Panel (l-UE fid-dinja, migrazzjoni), Maastricht, l-Olanda
  • 25-27 ta' Frar, L-Ewwel Panel (ekonomija aktar b'saħħitha, ġustizzja soċjali, impjiegi, edukazzjoni, kultura, żgħażagħ, sport, trasformazzjoni diġitali), Dublin, l-Irlanda
  • 11-12 ta’ Marzu, Plenarja tal-Konferenza, Strasburgu, Franza

U wara x'se jsir?

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija proċess uniku li jimmira li jittrasforma l-ideat taċ-ċittadini f'impenji konkreti għall-istituzzjonijiet tal-UE.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-panels taċ-ċittadini u l-ideat li ġew kondiviżi fuq il-pjattaforma diġitali tal-Konferenza se jiffurmaw il-bażi tad-diskussjonijiet li se jsiru matul il-plenarji tal-Konferenza. F'din l-okkażjoni, iċ-ċittadini jiltaqgħu mar-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE, tal-parlamenti nazzjonali, tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u mas-soċjetà ċivili.

Ir-rapport finali tal-Konferenza se jitħejja mill-Bord Eżekuttiv li jikkonsisti mill-membri tal-Parlament Ewropew, rappreżentanti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll osservaturi. Ir-rapport se jitħejja f'kollaborazzjoni sħiħa mal-plenarja, li minnha se tiddependi l-approvazzjoni tiegħu. Imbagħad, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni se jieħdu azzjonijiet abbażi tal-konklużjonijiet tar-rapport.

Aqsam l-ideat tiegħek dwar il-futur tal-Ewropa fuq il-pjattaforma tal-Konferenza!

Skopri aktar: