Il-Futur tal-Ewropa: proposti dwar id-demokrazija, ir-riforma tal-UE

Modi kif jista' jiġi żgurat ir-rispett tal-valuri tal-UE, tissaħħaħ id-demokrazija u tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni huma fost il-proposti tal-panel li sar f'Firenze.
Il-laqgħa ta' madwar 200 ċittadin Ewropew saret bejn l-10 u t-12 ta' Diċembru fil-kuntest tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Din kienet it-tielet u l-aħħar sessjoni tal-panel taċ-ċittadini Ewropej iddedikata għad-demokrazija Ewropea, il-valuri u d-drittijiet, l-istat tad-dritt u s-sigurtà. Minħabba s-sitwazzjoni attwali tal-COVID-19, il-membri tal-panel setgħu wkoll jingħaqdu b'mod remot.
Ir-rakkomandazzjonijiet jiffukaw fuq ħames suġġetti:
- il-garanzija tad-drittijiet u tan-nondiskriminazzjoni;
- il-protezzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt;
- ir-riforma tal-UE;
- il-bini ta' identità Ewropea;
- it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini.
Il-parteċipanti vvutaw fuq 42 rakkomandazzjoni li ġew miġbura fit-tliet sessjonijiet li saru minn Settembru 'l hawn. Biex jiġi adottat, suġġeriment kien jeħtieġlu jiġi appoġġat minn tal-inqas 70 % tal-parteċipanti. Tlieta biss ma laħqux il-limitu.
"Kellna tlett ijiem impenjattivi ħafna, iżda interessanti. Ħafna nies għandhom diversi opinjonijiet differenti, iżda xorta rnexxielna naslu għal xi ħaġa tassew kbira flimkien", qalet Gabriele Elisabeth Schulze Hobeling,mill-Ġermanja.
Skopri x'inhuma l-panels taċ-ċittadini Ewropej u l-objettiv tagħhom.
Il-garanzija tad-drittijiet u tan-nondiskriminazzjoni
Biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fl-UE, il-membri tal-panels issuġġerew li jiġu stabbiliti kwoti fuq il-post tax-xogħol għal gruppi vulnerabbli, bħall-minoranzi, in-nisa, iż-żgħażagħ u l-anzjani. Il-kumpaniji li jilħqu dawn il-kwoti jkollhom aċċess għal sussidji jew ħelsien mit-taxxa.
Ir-rakkomandazzjonijiet inkludew ukoll sanzjonijiet għall-kumpaniji li jiksru r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u li jiġu stabbilliti standards minimi għall-indipendenza tal-midja.
Il-protezzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt
Il-protezzjoni tal-valuri tal-UE ħarġet bħala waħda mill-prijoritajiet. Il-membri tal-panels irrakkomandaw li jinbidel il-mekkaniżmu li jagħmel ir-riċeviment tal-fondi tal-UE minn pajjiżi kundizzjonali fuq ir-rispett għall-istat tad-dritt. Iċ-ċittadini riedu li l-ksur kollu tal-istat tad-dritt jiġi sanzjonat, minflok dak biss li jaffettwa l-baġit tal-UE.
Huma qalu li l-UE għandha wkoll tieħu azzjoni biex tiżgura li l-midja ma tinħatafx jew tiġi influwenzata mill-politiċi u għandha tiżgura l-pluraliżmu tal-midja.
Ir-riforma tal-UE
Il-panel irrakkomanda l-bdil tal-ismijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE li jista' jgħin biex jiċċara r-rwoli tagħhom. Il-parteċipanti appoġġaw ukoll il-possibbiltà ta' votazzjoni tal-partijiet fil-livell tal-UE u konsultazzjoni maċ-ċittadini dwar kwistjonijiet estremament importanti permezz ta' referenda madwar l-UE skattati mill-Parlament Ewropew.
Il-panel appella għal investiment tal-UE f'impjiegi ta' kwalità u kwalità tal-ħajja (l-edukazzjoni, is-saħħa, l-akkomodazzjoni, il-kura għall-anzjani u l-persuni b'diżabilità) u ssuġġerixxa li l-fondi għal dawn l-investimenti għandhom jiġu minn taxxi fuq korporazzjonijiet kbar.
Il-bini ta' identità Ewropea
Xi ideat tal-panel li għandhom l-għan li jsaħħu l-identità tal-UE jinkludu l-indirizzar tal-populiżmu u d-diżinformazzjoni, it-titjib tal-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet tal-UE fil-midja u l-opportunità ta' lezzjonijiet dwar id-demokrazija u l-valuri tal-UE lill-migranti.
"Irrid li n-nies jikkondividu valuri komuni u rrid li ċ-ċittadini Ewropej jaraw li aħna lkoll l-istess. Għandna għanijiet komuni u sfidi komuni u għandna verament ningħaqdu flimkien biex naħdmu fuq dan," qal Daniel van Lomwel min-Netherlands.
It-tisħiħ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini
Biex jinvolvu aħjar lill-Ewropej, il-membri tal-panel issuġġerew l-istabbiliment ta' assemblej taċ-ċittadini, aktar kooperazzjoni bejn l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u programmi għall-iskejjel dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. Irrakkomandaw ukoll li terġa' tinfetaħ id-diskussjoni dwar Kostituzzjoni Ewropea.
"Normalment, ladarba n-nies iħossu li huma involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet, dan jgħinhom jifhmu aħjar li dawn l-affarijiet qed jitwettqu għalihom. Għaldaqstant jipparteċipaw aktar u jafdaw l-organizzazzjoni nnifisha għaliex ikunu proprjament involuti fil-proċess," qal Jarno Hilvenius mill-Finlandja.