Il-President Metsola: "Kunu ċerti li ssemmgħu leħinkom"

Il-President tal-Parlament, Roberta Metsola, wieġbet mistoqsijiet f'xandira diretta fuq il-media soċjali dwar is-saħħa, it-tibdil fil-klima u l-inugwaljanza. Skopri x'qalet.

Roberta Metsola
Il-President Metsola: "Kunu ċerti li ssemmgħu leħinkom"

Fit-8 ta' Frar, f'intervista f'xandira diretta fuq Facebook, Roberta Metsola, il-President tal-Parlament Ewropew li għadha kemm ġiet eletta dan l-aħħar, ikkummentat ir-riżultati tal-aħħar stħarriġ tal-opinjoni Ewrobarometru u tkellmet dwar is-saħħa pubblika, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-faqar u l-inugwaljanza, il-promozzjoni ta' leġiżlazzjoni aktar inklużiva u t-tisħiħ tar-rwol tal-Parlament fl-UE.

Il-prijoritajiet tal-Ewropej: saħħa pubblika, klima u ġlieda kontra l-faqar

Skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat fit-8 ta' Frar, iċ-ċittadini tal-UE jridu li l-Parlament Ewropew jagħti prijorità lis-saħħa pubblika. Għalkemm l-UE m'għandhiex ħafna kompetenzi fil-qasam tas-saħħa, il-President Metsola qalet li, fil-mument tal-bżonn, l-UE għaqqdet il-forzi biex iġġib tagħmir u vaċċini, ħalli ċ-ċittadini kollha tal-UE jkollhom aċċess indaqs. "Il-Parlament Ewropew kien fuq quddiem nett u mexxa l-offensiva".
Prijorità oħra għaċ-ċittadini hija t-tibdil fil-klima. Mistoqsija jekk l-UE hijiex qiegħda tagħmel biżżejjed biex tilħaq l-objettivi tal-klima tagħha, Metsola wieġbet li qatt mhu biżżejjed, għax din hija kwistjoni urġenti.

Ma nistgħux nistennew aktar u ngħidu li (l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima) hija xi ħaġa li tista' ssir mill-ġenerazzjoni tal-futur
Roberta Metsola
President tal-Parlament Ewropew

Dwar il-klima, il-President Metsola qalet li l-Parlament kien u se jkompli jkun ambizzjuż ħafna, u li fir-rigward tal-objettivi tal-klima se jkompli jixpruna lill-istituzzjonijiet l-oħra jmorru lil hinn, iżda żiedet li issa hu ż-żmien li nimplimentaw dak li qbilna bejnietna.

Fir-rigward tar-rwol tal-UE fil-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanza, il-President Metsola saħqet fuq il-bżonn li tingħata attenzjoni lill-kwistjonijiet tal-ġeneru, billi n-nisa kienu dawk li ntlaqtu l-agħar mill-pandemija tal-COVID-19. Fakkret li l-fondi bla preċedent li ġew approvati bħala parti mill-pakkett ta' rkupru ekonomiku se jkun fihom appoġġ favur it-tranżizzjoni ekoloġika u t-tranżizzjoni diġitali, li se jgħinu biex jimtlew il-lakuni li għadhom jidhru f'ċerti pajjiżi tal-UE.

Dwar it-tilqim, il-President qalet li l-UE għandha tkompli tqajjem kuxjenza, billi f'ċerti pajjiżi l-livelli ta' tilqim għadhom baxxi wisq.

Leġiżlazzjoni inklużiva

Il-President Metsola faħħret il-promozzjoni u d-difiża tad-drittijiet LGBTIQ min-naħa tal-Parlament u enfasizzat il-kundanna tiegħu għar-rigress f'dawk id-drittijiet f'pajjiżi bħall-Polonja u l-Ungerija. Qalet ukoll li l-Parlament għandu jaġixxi biex jiġġieled kontra l-inugwaljanza bejn il-ġeneri, bħad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa.

Dwar is-saħħa u d-drittijiet riproduttivi, il-President qalet li: "il-pożizzjoni tal-Parlament hija estremament ċara: id-drittijiet għandhom ikunu rispettati u promossi kullimkien u din hi l-pożizzjoni li se nippromwovi bħala President tal-Parlament Ewropew. Il-pożizzjoni tiegħi hija dik tal-Parlament Ewropew."

Involviment maż-żgħażagħ dwar il-futur tal-UE

Bħala t-tielet mara fit-tmun tal-Parlament Ewropew, il-President Metsola qalet li hija grata lin-nisa li ġew qabilha talli kissru l-ostakli. Il-parir li tagħti lit-tfajliet huwa dan: "Kunu ċerti li ssemmgħu leħinkom. Tistennew qatt li ħaddieħor jitkellem għalikom. Għandkom leħen li jista' jkun daqstant qawwi u l-integrità tal-argument tagħkom jista' jkollu rwol daqstant importanti."

Il-President stiednet liż-żgħażagħ jesprimu l-ideat tagħhom dwar l-Ewropea billi jipparteċipaw fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. "Ibagħtu l-messaġġi tagħhom, se nisimgħuhom. Hi r-responsabbiltà tagħna, għax fl-2024 se jkolli nikkonvinċi [lil kulħadd], flimkien mal-kollegi tiegħi, li vallapena nżommuh dan il-post, għax qegħdin naħdmu għalikom", qalet b'referenza għall-elezzjonijiet Ewropej.

Tisħiħ tar-rwol tal-Parlament fl-UE

Il-President Metsola qalet li l-Parlament għandu "opportunità tad-deheb" biex jittrasforma ruħu f'istituzzjoni moderna, effettiva u effiċjenti, u biex jislet tagħlima mill-pandemija. Enfasizzat li l-Parlament irid is-setgħa li jipproponi liġijiet ġodda, għax l-Ewropej iridu li jagħmel aktar peress li huwa l-unika istituzzjoni tal-UE eletta direttament. "Għandna nevitaw li ninħbew wara l-assenza ta' rieda jew disponibbiltà politika billi ngħidu li m'hemmx soluzzjoni."