Sanna Marin: l-UE teħtieġ awtonomija strateġika fl-enerġija, fl-ikel, fid-difiża 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

F'diskors lill-Membri fit-13 ta' Settembru, il-PM tal-Finlandja ħeġġet lill-Ewropa ssostni militarment lill-Ukrajna u żżid l-indipendenza enerġetika tal-UE bir-rinnovabbli.

Hija u titkellem fi Strasburgu bħala parti mis-sensiela ta' dibattiti "Din hija l-Ewropa", il-Prim Ministru qalet li l-Ukreni wrew il-kuraġġ u r-reżistenza tagħhom u l-gwerra għandhom jirbħuha – alternattiva oħra m'hemmx. Qalet li għalhekk l-Ewropej jeħtiġilhom ikomplu jagħtu l-għajnuna lill-Ukrajna, u jkunu lesti jadottaw sanzjonijiet u restrizzjonijiet għall-viżi saħansitra eħrex fil-konfront tar-Russja.

Marin kompliet tgħid li l-azzjonijiet tar-Russja mingħajr viżjoni fit-tul diġà wasslu għal Alleanza tal-Punent saħansitra aktar magħquda, mhux l-inqas bil-Finlandja u bl-Iżvezja japplikaw biex isiru membri tan-NATO.

Rigward is-sitwazzjoni volatili tas-swieq tal-enerġija, talbet biex fit-terminu qasir jittieħdu miżuri biex jitbaxxa l-prezz tal-elettriku u jiġu indirizzati t-turbolenza fis-swieq u l-probemi fin-negozjar tad-derivattivi. Fit-terminu medju u twil se jkunu biss l-investimenti fl-enerġiji rinnovabbli u mingħajr karbonju, aktar networks ta' trażmissjoni u faċilitajiet tal-ħżin li se jtemmu l-kriżi enerġetika. Sostniet li l-investimenti fit-tranżizzjoni ekoloġika se jżidu wkoll l-awtonomija tagħna u, għalhekk, il-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" irid jimxi 'l quddiem mingħajr ma tonqos l-ambizzjoni.

L-UE wriet il-kapaċità tagħha li tieħu azzjoni f'diversi kriżijiet, qalet Marin. Fl-istess ħin, dawn il-kriżijiet kixfu vulnerabbiltajiet u l-UE jmissha issa ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha: fl-enerġija, fil-produzzjoni tal-materjal tad-difiża, fis-sovranità tal-ikel u fit-teknoloġija.

Biex tirreaġixxi għall-kriżijiet u għall-isfidi, l-UE għandha bżonn baġit suffiċjenti. Fl-istess ħin, Marin qalet li l-illaxkar tar-regoli fiskali tal-UE mhuwiex l-aħjar mod biex tiġi riformata l-Unjoni Ewropea. Għamlet ukoll appell għal aktar titjib fl-ordni ekonomiku tal-UE bbażat fuq ir-regoli, bil-għan li tkun tista' tqis aħjar il-kwistjonijiet soċjali, l-impjiegi u l-ambjent.

Il-kriżi attwali mhijiex l-ewwel waħda li għaddiet minnha l-Ewropa, u lanqas mhi se tkun l-aħħar, qalet il-Prim Ministru, u talbet lill-UE tirreżisti l-estorsjoni enerġetika, tibqa' magħquda u żżomm il-valuri tagħha: l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem.

Reazzjonijiet mill-Membri tal-PE

Il-Membri tal-PE laqgħu d-deċiżjoni tal-Finlandja li tapplika biex issir membru tal-NATO u staqsew x'inhuma l-ideat Finlandiżi għall-iżvilupp tas-swieq u tan-networks tal-enerġija Ewropej. Għamlu appell biex l-għaqda Ewropea tibqa' soda quddiem l-estorsjoni enerġetika u talbu li jsiru riformi fis-swieq tal-enerġija.

Uħud mill-kelliema saħqu fuq l-importanza tas-sigurtà tal-ikel biex tiġi indirizzata t-tattika ta' Putin. Il-Membri semmew ukoll il-vantaġġi li s-suq komuni Ewropew iġib lill-pajjiżi tal-UE u ddeploraw id-diffikultajiet li l-mexxejja nisa, bħal Sanna Marin, għad għandhom quddiemhom.