70 sena tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew qed ifakkar is-70 sena ta' demokrazija fl-azzjoni – mill-ewwel assemblea tiegħu fl-1952, aktar b'saħħtu minn qatt qabel matul żminijiet diffiċli.

L-ewwel sessjoni tal-Assemblea Komuni tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar saret sebgħin sena ilu fi Strażburgu. Din is-sessjoni tat bidu għall-Parlament Ewropew kif nafuh illum.

Matul is-snin, l-Unjoni kibret minn 6 pajjiżi Ewropej għal 27 Stat Membru fejn id-demokrazija, id-drittijiet fundamentali, l-istabbiltà u t-tkabbir tal-ekonomija huma fil-qalba tat-trawwim tagħha. Il-Parlament kien attur ewlieni fl-iżvilupp tal-UE, u kiber minn 78 rappreżentant nazzjonali fl-1952 għal 705 Membru tal-PE tal-lum, eletti b'mod dirett.

"F'70 sena l-assemblea kibret u kompliet tissaħħaħ, minn korp konsultattiv b'setgħat limitati għal istituzzjoni vera li tħaddan id-demokrazija Ewropea u li tesprimi l-opinjoni pubblika Ewropea," qalet Roberta Metsola, il-President tal-Parlament Ewropew matul is-sessjoni plenarja ta' Settembru.

Bħala l-uniku parlament multilingwi, multipartitiku u transnazzjonali elett direttament fid-dinja, huwa forum b'saħħtu għad-dibattitu politiku u għat-teħid tad-deċiżjonijiet b'setgħat leġiżlattivi u baġitarji li jaffettwaw miljuni ta' ċittadini tal-UE.

"Fl-Ukrajna għaddejja gwerra illegali li teqred, toqtol u ddgħajjef ir-rieda politika tal-poplu. Għaldaqstant, illum aktar minn qatt qabel ninsabu konxji mill-importanza li niddefendu l-vuċi demokratika taċ-ċittadini u l-valuri demokratiċi Ewropej li din il-Kamra tirrappreżenta," qalet il-President.

Nhar it-Tlieta 22 ta' Novembru, il-Parlament se jorganizza ċerimonja speċjali biex jiċċelebra l-kisbiet storiċi u leġiżlattivi ta' dawn l-aħħar 70 sena.

Kronoloġija tal-Parlament Ewropew