Relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit: il-passi li jmiss  

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE ma jfissirx it-tmiem tal-kooperazzjoni.

Għaddejjin taħditiet biex jiġi determinat kif it-tnejn se jaħdmu flimkien fuq kull punt mill-kummerċ sat-trasport u l-ġlieda kontra l-kriminalità.

L-UE u r-Renju Unit jiffaċċjaw ħafna mill-istess isfidi, bħat-tibdil fil-klima u l-kooperazzjoni bejn il-pulizija u għandhom ħafna x'jiggwadanjaw jekk jaħdmu flimkien fuq dawn il-kwistjonijiet.

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ, li ġie rratifikat miż-żewġ partijiet, ikopri l-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit u dawk taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu f'partijiet oħra tal-UE, l-impenji finanzjarji tar-Renju Unit meħuda bħala Stat Membru, kif ukoll kwistjonijiet dwar il-fruntieri (speċjalment bejn ir-Renju Unit u r-Repubblika tal-Irlanda), u dan jeħtieġ li jiġi implimentat fit-totalità tiegħu.

Ir-relazzjonijiet futuri se jkunu parti minn ftehim separat, li bħalissa qed jiġi nnegozjat abbażi tad-dikjarazzjoni politika li ġiet approvata u rratifikata miż-żewġ partijiet.

Il-pożizzjoni tal-Parlament

F'riżoluzzjoni adottata fit-12 ta' Frar, il-Membri tal-PE appellaw għal ftehim komprensiv li jinkludi kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni li għandhom jiġu ggarantiti permezz ta' impenji robusti u ftehim dwar is-sajd.

Fid-29 ta' Mejju, David McAllister, President tal-Grupp ta' Koordinazzjoni tar-Renju Unit tal-Parlament, qal f'dikjarazzjoni: "Il-Parlament mhux se jagħti l-kunsens tiegħu għal ftehim li ma jinkludix dispożizzjonijiet dwar kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, drittijiet fundamentali, governanza robusta u qafas stabbli għas-sajd.

Huwa jqis ukoll li l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, iffirmat b'mod konġunt mill-Prim Ministru tar-Renju Unit, hija kruċjali."

Fil-15 ta' Ġunju, il-President tal-Parlament David Sassoli attenda konferenza dwar it-taħditiet li għaddejjin mal-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel u l-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen. Wara l-konferenza, huma għamlu dikjarazzjoni konġunta.

Fit-18 ta' Ġunju, il-Parlament adotta rapport li fih il-Membri tal-PE nnotaw b'dispjaċir li, wara erba' ċikli ta' negozjati, ma nkiseb ebda progress reali fid-diskussjonijiet, u li għad hemm differenzi sostanzjali.

X'se jiġi kopert mill-ftehim dwar ir-relazzjonijiet futuri

Il-kwistjonijiet fi kwalunkwe ftehim dwar ir-relazzjonijiet futuri jvarjaw mill-iskambju ta' prodotti u servizzi sal-ambjent, ir-riċerka, l-edukazzjoni eċċ.

Waħda min-negozjati ewlenin se tikkonċerna l-kundizzjonijiet u l-prinċipji għall-kummerċ futur, inklużi l-kwistjonijiet ta' tariffi possibbli, l-istandards tal-prodotti, kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, is-sajd, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u kif jissolva t-tilwim.

Iċ-ċittadini

Id-drittijiet taċ-ċittadini huma protetti mill-ftehim dwar il-ħruġ. Iċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit u ċ-ċittadini Brittaniċi fl-UE għandhom id-dritt li jkomplu jgħixu u jaħdmu fl-istess post fejn jinsabu bħalissa. Dan is-suġġett se jibqa' wieħed ta' tħassib ewlieni għall-Parlament Ewropew, pereżempju fir-rigward tal-libertà ta' moviment u l-kopertura tas-saħħa għaċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit. Il-Membri tal-PE qed isegwu mill-qrib kif qed jiġi implimentat il-ftehim dwar il-ħruġ.

Skeda taż-żmien

Skont il-ftehim dwar il-ħruġ, se jkun hemm perjodu ta' tranżizzjoni sal-aħħar ta' Diċembru 2020. Matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, ir-Renju Unit se jibqa' jkollu aċċess għas-suq uniku u se jkun soġġett għal-leġiżlazzjoni tal-UE, għalkemm mhux se jkun għadu jista' jsawwar liġijiet ġodda tal-UE.

L-għan huwa li t-taħditiet jiġu konklużi qabel it-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni. Tista' ssir talba waħda biex jiġi estiż il-perjodu ta' tranżizzjoni, iżda d-deċiżjoni dwar dan trid tittieħed qabel l-1 ta' Lulju.

Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim sa tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni, ir-Renju Unit se jinnegozja mal-UE skont ir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

Aqra dwar il-miżuri li hemm fis-seħħ biex itaffu l-impatt ta' ħruġ mingħajr ftehim.

Kif jaħdmu n-negozjati

L-eks Kummissarju Michel Barnier imexxi n-negozjati f'isem l-UE, abbażi tal-linji gwida politiċi maħruġa mill-Kunsill Ewropew. Is-Sur Barnier mexxa wkoll in-negozjati dwar il-ftehim dwar il-ħruġ.

Il-Membri tal-PE jistgħu jinfluwenzaw in-negozjati billi jadottaw riżoluzzjonijiet li jistabbilixxu l-pożizzjoni tal-Parlament. Il-Parlament waqqaf grupp ta' kuntatt tar-Renju Unit, immexxi mill-President tal-Kumitat AFET, David McAllister (PPE, il-Ġermanja), biex jikkollabora mas-Sur Barnier, in-negozjatur tal-UE, u jikkoordina mal-kumitati parlamentari li huma involuti.

Kwalunkwe ftehim jista' jidħol fis-seħħ biss jekk jiġi approvat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Għall-kuntrarju tal-ftehim dwar il-ħruġ, huwa possibbli wkoll li l-ftehim dwar ir-relazzjonijiet futuri, jekk jirreferi għal kompetenzi li l-UE tikkondividi mal-Istati Membri, ikollu wkoll jiġi approvat mill-parlamenti nazzjonali. Dan jeħtieġ ukoll li jiġi approvat mir-Renju Unit.

The UK and the EU will continue to work together in many areas