Is-sistema tal-UE għall-Iskambju tal-Emissjonijiet (ETS) u r-riforma tagħha fil-qosor

Is-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju tal-industrija. Skopri kif taħdem u għaliex ġiet riformata.

X'inhi s-sistema tal-UE għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet ?

Għalkemm l-UE hija t-tielet l-akbar emissjonijiet tas-CO2 fid-dinja, issegwi wkoll l-aktar mira ambizzjuża dwar il-klima: li tnaqqas l-emissjonijiet b'mod sostanzjali sal-2030 u tnaqqashom għal emissjonijiet netti żero sal-2050.

 

Imnedija fl-2005 bħala parti mill-pakkett "lesti għall-mira ta' 55 %", is-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS) hija waħda mill-għodod stabbiliti mill-Unjoni Ewropea biex tilħaq dan il-għan. Hija timmira speċifikament l-industrija.

 

Kif taħdem?

 

Is-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, imsejjaħ ukoll ‘il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas’, tobbliga lil aktar minn 10,000 impjant tal-enerġija u fabbrika li jkollhom permess għal kull tunnellata ta’ CO2 li jarmu. Dan għandu jipprovdi inċentiv finanzjarju biex iniġġsu inqas: inqas tniġġes, inqas tħallas. Il-kumpaniji jridu jixtruhom permezz tal-irkanti u l-prezz jiġi affettwat mid-domanda u l-provvista.

 

Madankollu, uħud mill-permessi ġew allokati bla ħlas, b’mod partikolari f’setturi f’riskju li l-kumpaniji jċaqilqu l-produzzjoni lejn partijiet oħra tad-dinja b’limitazzjonijiet ta’ emissjonijiet inqas stretti.

 

Ir-regolazzjoni tal-prezz tal-karbonju

 

Wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, dawn il-permessi kienu ħafna irħas, minħabba li d-domanda għalihom naqset, filwaqt li l-provvista baqgħet kostanti.

 

Li jkollok surplus kbir u prezzijiet baxxi jiskoraġġixxi lill-kumpaniji milli jinvestu fit-teknoloġija ekoloġika, u b'hekk ixekkel l-effiċjenza tas-sistema fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

 

Biex tegħleb din il-problema, l-UE ħolqot ir-Riżerva ta' Stabbiltà tas-Suq (MSR) fl-2015 biex tallinja aħjar il-provvista u d-domanda tal-kwoti billi tpoġġi 24 % tal-kwoti kollha tal-ETS f'riżerva, li minnha jistgħu jiġu rilaxxati f'każ ta' nuqqas. F'Marzu 2023, l-MSR ġiet estiża sal-2030 biex tipproteġi lill-UE kontra tnaqqis fil-prezzijiet tas-CO2 minħabba xokkijiet esterni bħal Covid-19. Prezzijiet orħos tas-CO2 ikun ifisser li hemm inqas inċentiv għall-industrija biex tnaqqas il-gassijiet serra.

 

Riforma tal-ETS taħt il-Patt Ekoloġiku tal-UE

 

Biex tallinja s-sistema tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet mal-miri ogħla ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-UE qablet f'Diċembru 2022 dwar aġġornament tas-sistema, li tnaqqas l-emissjonijiet tal-industrija b’62 % sal-2030.

 

X'inhuma r-riformi?

 

Meta mqabbla mal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, il-Membri tal-PE riedu għanijiet aktar ambizzjużi. Il-bidliet wara l-ftehim bejn il-Parlament u l-gvernijiet tal-UE jinkludu:

 

  • It-tnaqqis ulterjuri tan-numru ta' kwoti annwali disponibbli sal-2030 biex jitnaqqsu l-emissjonijiet b’62 % sal-2030, punt perċentwali aktar mill-proposta tal-Kummissjoni (61 %).
  • Żieda fil-finanzjament għal teknoloġiji innovattivi u biex tiġi mmodernizzata s-sistema tal-enerġija permezz ta' Fond ta' Innovazzjoni u Fond ta' Modernizzazzjoni. Sehem mid-dħul mis-sistema tal-kummerċ il-ġdida se jiġi allokat lill-Fond Soċjali għall-Klima, li għandu l-għan li jappoġġja l-familji u n-negozji affettwati mill-faqar enerġetiku.
  • It-tneħħija gradwali ta' kwoti b'xejn lill-industrija sal-2034, filwaqt li l-Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Fruntiera tal-Karbonju tal-UE fl-istess ħin se jiddaħħal gradwalment u jibda jaħdem bis-sħiħ sal-2034. Il-mekkaniżmu japplika prezz tal-karbonju għal oġġetti importati minn pajjiżi inqas ambizzjużi u jipprevjeni lill-kumpaniji milli jmexxu l-produzzjoni lejn pajjiż b'regoli inqas stretti dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.
  • Estensjoni tas-sistema biex tinkludi t-trasport marittimu,
  • L-inklużjoni ta' emissjonijiet minn installazzjonijiet ta' inċinerazzjoni ta' skart muniċipali mill-2024.
  • Il-ħolqien ta’ sistema separata għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS II) għall-bini u t-trasport bit-triq mill-2027. L-ETS II tista’ tiġi posposta sal-2028 biex tipproteġi liċ-ċittadini, jekk il-prezzijiet tal-enerġija jkunu eċċezzjonalment għoljin u jitwaqqaf mekkaniżmu ġdid għall-istabbiltà tal-prezzijiet biex jiġi żgurat li jekk il-prezz ta’ kwota fl-ETS II jogħla ‘l fuq minn EUR 45, jiġu rilaxxati 20 miljun kwota addizzjonali.
  • Ir-reviżjoni tal-ETS għall-avjazzjoni għandha l-għan li telimina gradwalment il-kwoti bla ħlas għas-settur tal-avjazzjoni sal-2026 u li tippromwovi l-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli.

 

Id-dħul kollu mill-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet għandu jintuża esklussivament għal attivitajiet relatati mal-klima.

 

Tgħallem aktar dwar kif l-UE trid tnaqqas l-emissjonijiet mill-ajruplani u l-vapuri.

 

L-isfond

 

Il-Membri tal-PE u l-gvernijiet tal-UE laħqu ftehim dwar Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet aktar ambizzjuża f’Diċembru 2022. F’April 2023, il-Parlament approva l-verżjoni riveduta u l-Kunsill approvaha. Id-direttiva daħlet fis-seħħ f’Mejju 2023.

 

Sforzi tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra

 

Hemm miżuri oħra biex jgħinu lill-UE timplimenta l-impenji tagħha taħt il-ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, billi tnaqqas l-emissjonijiet fis-setturi ekonomiċi kollha:

 

 

Ara l-infografika tagħna dwar il-progress tal-UE biex tilħaq il-miri tagħha tal-2020 għat-tibdil fil-klima.

 

Dan huwa aġġornament ta' artiklu ppubblikat oriġinarjament fl-4 ta' Lulju 2017.

Aktar dwar is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet u r-riforma