L-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) u r-riforma tagħha fil-qosor 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Is-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju tal-industrija. Skopri kif taħdem u għaliex tinħtieġ riforma.

Fis-6 ta' Frar 2018, l-MEPs adottaw pjanijiet għal riforma tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet. Kompli aqra u skopri aktar dwarha

 

X'inhi s-sistema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tal-UE?

Għalkemm l-UE hija t-tielet l-akbar emittent tas-CO2 fid-dinja, hija wkoll impenjat ruħha li tilħaq l-għan l-aktar ambizzjuż dwar il-klima: li tnaqqas l-emissjonijiet b'tal-anqas 40 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990;

Is-sistema tal-iskambju tal-emissjonijiet (ETS), li tnediet fl-2005, hija waħda mill-għodod imwaqqfa mill-Unjoni Ewropea biex tilħaq dan il-għan, u hija diretta speċifikament għall-industrija.

 

Kif taħdem? 

L-iskema tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tobbliga lil aktar minn 11,000 impjant tal-enerġija u fabbrika li jkollhom permess għal kull tunnellata ta' CO2 li jipproduċu. Dan għandu jipprovdi inċentiv finanzjarju biex dawn iniġġsu anqas: anqas ma wieħed iniġġes, anqas ikollu jħallas. Il-kumpaniji jeħtieġ li jixtruhom permezz ta' rkanti u l-prezz tagħhom huwa affettwat mid-domanda u l-provvista.
Madankollu, uħud mill-permessi jiġu allokati mingħajr ħlas, b'mod partikolari fis-setturi fejn hemm ir-riskju li l-kumpaniji jċaqalqu l-produzzjoni tagħhom lejn partijiet oħrajn tad-dinja b'restrizzjonijiet anqas rigorużi fuq l-emissjonijiet.

Infografika: Il-progress tal-UE fl-għanijiet tagħha għat-tibdil fil-klima

Għaliex tinħtieġ riforma?

Bħalissa dawn il-permessi huma rħas ħafna, minħabba li d-domanda għalihom naqset minħabba l-kriżi ekonomika, filwaqt li l-provvista baqgħet kostanti.
Is-sistema tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet kienet ikkaratterizzata minn żbilanċ kbir bejn il-provvista u d-domanda tal-kwoti tal-emissjonijiet, li wassal għal eċċess ta' madwar 2.1 biljun kwota fl-2013. L-eċċess naqas bi ftit fl-2014 u mbagħad naqas b'mod sinifikanti għal 1.78 biljun kwota fl-2015 u għal 1.69 biljun kwota fl-2016.

Meta jkun hemm eċċess kbir u prezzijiet baxxi l-kumpaniji ma jkollhomx inċentiv li jinvestu f'teknoloġiji ħodor, u b'hekk l-effiċjenza tal-iskema fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima tiġi mfixkla.

http://www.europarltv.europa.eu/mt/player.aspx?pid=c784dbeb-8ddd-4ae5-8baf-a55300a7c9c7

X'inhi r-riforma tal-ETS?

Id-Direttiva tal-ETS tkopri l-perjodu sal-2020. Ir-riforma tagħha għandha l-għan li tfassal il-futur tas-suq tal-karbonju tal-UE għall-perjodu ta' wara l-2020, u fiha pjanijiet biex tingħata spinta lit-trażżin tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi. Sabiex ittella' l-prezzijiet, il-proposta tinkludi żieda fit-tnaqqis annwali tal-kwoti tal-emissjonijiet li jiġu rkantati.

Biex titnaqqas il-provvista żejda, l-MEPs iridu li r-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq (MSR) tirdoppja l-kapaċità tagħha li telimina l-eċċess ta' kwoti tal-emissjonijiet fis-suq. L-MSR għandha l-għan li tallinja aħjar il-provvista tal-kwoti mad-domanda billi tqiegħed il-kwoti żejda f'riżerva, li minnha jkunu jistgħu jiġu rilaxxati f'każ li jkun hemm nuqqas. Meta tiġi attivata, l-MSR tassorbi sa 24 % tal-eċċess ta' krediti żejda f'kull sena ta' irkanti.

Il-proposta tintroduċi wkoll żewġ fondi ġodda biex tgħin sabiex titrawwem l-innovazzjoni u tiġi indirizzata t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju:

  1. il-Fond għall-Innovazzjoni se jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-enerġija rinnovabbli, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju u proġetti ta' innovazzjoni b'livell baxx ta' karbonju
  2. il-Fond għall-Modernizzazzjoni se jgħin biex jaġġorna s-sistemi tal-enerġija fil-pajjiżi tal-UE bi dħul aktar baxx

 

L-isforzi tal-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra

Qed jiġu diskussi żewġ biċċiet oħra ta' leġiżlazzjoni sabiex jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, sabiex l-emissjonijiet fl-UE fis-setturi kollha tal-ekonomija jitnaqqsu b'tal-anqas 40 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990: