It-tibdil fil-klima: użu aħjar tal-foresti tal-UE bħala bjar tal-karbonju 

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Kun af kif l-UE trid tuża l-kapaċità tal-foresti li jassorbu s-CO2 biex tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima u biex tkompli tnaqqas l-impronta tal-karbonju permezz tal-infografika tagħna.

L-UE nediet diversi inizjattivi biex tnaqqas l-emissjonijiet. Peress li l-foresti għandhom rwol kruċjali fil-qbid tad-diossidu tal-karbonju mill-atmosfera li inkella jikkontribwixxi għat-tisħin globali, l-UE qed taħdem fuq regoli biex iżżid il-bjar tal-karbonju tagħha.

Il-Kumitat għall-Ambjent tal-Parlament ivvota favur aġġornament tar-regoli li jirregolaw is-settur tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) fis-17 ta' Mejju. Il-MPE se jivvotaw dwar ir-regoli aġġornati f'Ġunju.

Aqra aktar biex tiskopri fatti u ċifri ewlenin dwar il-foresti fil-pajjiżi tal-UE u x'qed jipproponi l-Parlament biex isaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jaqbdu d-diossidu tal-karbonju mill-atmosfera.

L-importanza tal-foresti fl-UE: fatti ewlenin

Il-foresti tal-UE jassorbu kull sena l-ekwivalenti ta' 7% tal-emissjonijiet totali ta' gassijiet b'effett ta' serra fl-UE.

L-UE tiftaħar li għandha 159 miljun ettaru ta' foresti, li jkopru 43.5% tal-erja tal-art tagħha. Il-kopertura tal-foresti tista' tvarja konsiderevolment minn pajjiż tal-UE għal ieħor, minn ftit aktar minn 10% f'Malta għal kważi 70% fil-Finlandja.

Minbarra li jservu bħala bjar tal-karbonju, il-foresti jipprovdu bosta servizzi tal-ekosistema: huma jgħinu biex jipproteġu l-ħamrija mill-erożjoni, jipparteċipaw fiċ-ċiklu tal-ilma, iħarsu l-bijodiversità billi jservu ta' ħabitat għal bosta speċijiet, u jirregolaw il-klima lokali.

Il-foresti jokkupaw 43.3% tal-art tal-UE  

Liema settur se jintlaqat mil-leġiżlazzjoni?

Il-pjanijiet riveduti jikkonċernaw is-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija, li jkopri prinċipalment l-art forestali u l-art agrikola, kif ukoll l-art li l-użu tagħha nbidel minn, jew għal, wieħed minn dawn l-użi.

Dan is-settur jerħi l-gassijiet b'effett ta' serra pereżempju, permezz ta' bidliet fl-użu tal-art, speċjalment meta l-foresti jintużaw għal xi ħaġa oħra, bħar-raba', meta jinqatgħu s-siġar, jew minħabba bhejjem fuq art agrikola.

Madankollu, huwa wkoll l-uniku settur li jista' jneħħi s-CO2 mill-atmosfera, prinċipalment permezz tal-foresti.

Dwar xiex qed jinsisti l-Parlament?

Il-MPE jridu jżidu l-bjar naturali tal-karbonju tal-UE, pereżempju billi jirrestawraw l-artijiet mistagħdra u t-torbiera mistagħdra, iħawlu foresti ġodda u jwaqqfu d-deforestazzjoni. Dan għandu jwassal għal tnaqqis saħansitra akbar tal-emissjonijiet tal-UE lil hinn mill-mira ta' 55% stabbilita għall-2030.

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu inklużi l-emissjonijiet mhux tas-CO2 mill-agrikoltura għas-settur tal-użu tal-art ma sabitx l-appoġġ tal-membri tal-kumitat ambjentali tal-Parlament li jaħsbu li t-tneħħija mill-bjar tal-karbonju – liema huma volatili u fraġli min-natura tagħhom stess – ma għandhomx jintużaw biex jikkumpensaw għal emissjonijiet oħra. It-tnaqqis drastiku tal-emissjonijiet minn setturi oħra għandha tibqa' l-prijorità.

Il-Parlament irid li l-Kummissjoni tistabbilixxi miri speċifiċi għall-pajjiżi tal-UE għall-assorbiment tas-CO2 fis-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija għal kull ħames snin, ibda mill-2035.

Il-MPE jipproponu wkoll li l-istati membri jingħataw aktar flessibilità fil-kisba tal-miri jekk ikunu ġew affettwati minn disturbi naturali bħal nirien fil-foresti, pesti jew maltempati.

L-isforzi tal-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra

Ir-reviżjoni tar-regoli dwar l-użu tal-art u l-forestrija hija parti mill-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" li għandu l-għan li jwettaq il-mira tal-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra b'mill-inqas 55% sal-2030, kif stabbilit fil-Liġi dwar il-Klima.

Biċċiet oħra ta' leġiżlazzjoni fil-pakkett jinkludu proposti, fost l-oħrajn dwar, l-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, il-kondiviżjoni tal-isforzi bejn il-pajjiżi tal-UE, l-emissjonijiet tal-karozzi, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika.

Dan l-artiklu ġie ppubblikat oriġinarjament fit-13 ta' Settembru 2017 u ġie aġġornat minn żmien għal żmien.