It-tibdil fil-klima: l-użu tal-foresti tal-UE bħala kumpens għall-emissjonijiet tal-karbonju 

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Giant Redwood Forest Canopy - ©AP Images/European Union-EP  

Kun af kif l-UE trid tuża l-kapaċità tal-foresti li jassorbu s-CO2 fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u biex jagħmlu tajjeb għall-emissjonijiet tal-karbonju fis-settur tal-użu tal-art.

Il-foresti għandhom rwol kruċjali fiż-żamma tal-ekosistema tagħna, pereżempju billi jaqbdu d-diossidu tal-karbonju mill-atmosfera li inkella kien jikkontribwixxi għat-tisħin globali. L-UE qed taħdem fuq pjanijiet sabiex kull Stat Membru jikkumpensa għall-emissjonijiet kkawżati mid-deforestazzjoni. F'Diċembru 2017 il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim li dwaru l-MEPs se jivvutaw fuq matul is-sessjoni plenarja ta' April fi Strasburgu. Kompli aqra biex issir taf aktar dwar għaliex il-foresti huma daqshekk importanti u x'qed jipproponi l-Parlament bħala kumpens għall-emissjonijiet tas-CO2 kkawżati mid-deforestazzjoni.

 

Il-foresti tal-UE:

L-UE għandha 182 miljun ettaru ta' foresti, li jkopru 43 % tal-art tagħha. L-ammont ta' art forestali tvarja ħafna minn Stat Membru għall-ieħor. Fil-fatt seba' pajjiżi waħedhom jirrappreżentaw aktar minn 70 % tat-total tal-art forestali tal-UE: Il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, Spanja u l-Iżvezja.

 

Għaliex il-foresti huma importanti

Il-foresti jipprovdu għadd ta' servizzi ekosistemiċi: huma jgħinu biex jipproteġu l-ħamrija mill-erożjoni, jipparteċipaw fiċ-ċiklu tal-ilma, iħarsu l-bijodiversità billi jservu ta' ħabitat għal bosta speċijiet, u jirregolaw il-klima lokali. Il-foresti b'saħħithom huma wkoll kruċjali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali, minħabba li jaqbdu d-dijossidu tal-karbonju mill-atmosfera. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar is-settur tal-art għandha l-għan li tisfrutta dan il-potenzjal bħala parti mill-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima.

 

Liema settur se jiġi affettwat mil-leġiżlazzjoni?

Il-pjanijiet il-ġodda jikkonċernaw is-settur tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija - kultant magħrufa wkoll bit-taqsira LULUCF - u li jikkonsisti l-aktar minn art bil-foresti u art agrikola, kif ukoll art li l-użu tagħha nbidel minn, jew għal, wieħed minn dawn l-użi.

Dan is-settur jerħi l-gassijiet b'effett ta' serra: pereżempju, permezz ta' bidliet fl-użu tal-art, speċjalment meta l-foresti jintużaw għal xi ħaġa oħra, bħar-raba', meta jinqatgħu s-siġar, jew minħabba bhejjem fuq art agrikola.

Madankollu, huwa wkoll l-uniku settur li jista' jneħħi s-CO2 mill-atmosfera, prinċipalment permezz tal-foresti. Il-foresti tal-UE jassorbu l-ekwivalenti ta' 10.9 % tal-emissjonijiet kollha tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-UE kull sena.

 

Dwar xiex qed jinsisti l-Parlament?

L-MEPs ma jridux li jkun hemm emissjonijiet kkawżati mid-deforestazzjoni u qed jappellaw ukoll sabiex kull pajjiż tal-UE jkun obbligat jikkumpensa għall-bidliet fl-użu tal-art, li jwasslu għal emissjonijiet tas-CO2, permezz ta' ġestjoni aħjar tal-foresti tagħhom jew billi jżiduhom.

Ir-regolament propost jistabbilixxi qafas legali mill-2021 'il quddiem u huwa f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi.

 

L-isforzi tal-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra
Il-proposta biex jiġu indirizzati l-effetti tat-tibdil fl-użu tal-art fuq il-foresti hija waħda minn tliet proposti li jgħinu lill-UE tonora l-impenji tagħha skont il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. L-għan huwa li l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-UE jitnaqqsu b'tal-anqas 40 % fis-setturi ekonomiċi kollha sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
Iż-żewġ proposti l-oħrajn jikkonċernaw reviżjoni tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, li tkopri l-emissjonijiet mill-industrija, u r-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, li jkopri setturi li mhumiex koperti mis-sistema tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, bħat-trasport, l-agrikoltura, il-bini u l-immaniġġar tal-iskart.