It-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju: miri u miżuri tal-UE  

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

The EU is committed to drastically cutting harmful greenhouse gas emissions ©AP Images/European Union-EP  

Aqra dwar il-miżuri li l-Unjoni Ewropea qed tieħu biex tilħaq il-miri tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju f'setturi differenti, bil-għan li tipprevjeni t-tibdil fil-klima.

Sabiex jiġi evitat tibdil perikoluż fil-klima, l-UE wegħdet li tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050. Din il-mira u mira interim aġġornata għat-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030 se jsiru legalment vinkolanti jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jilħqu ftehim dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Klima.

Il-liġi dwar il-Klima hija parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, li huwa l-pjan direzzjonali tal-UE lejn in-newtralità klimatika. Il-Parlament Ewropew li ilu żmien twil jinsisti għal aktar ambizzjoni fil-miri tal-UE dwar il-klima, adotta l-pożizzjoni tiegħu għal-leġiżlazzjoni l-ġdida fis-7 ta' Ottubru 2020. Il-Membri tal-PE appellaw biex il-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 tiġi ristretta għal 60% taħt il-livell tal-1990 mill-mira attwali ta' 40% u biex il-pajjiżi individwali kollha tal-UE jilħqu n-newtralità klimatika sal-2050.

Ara l-infografika tagħna dwar il-progress tal-UE lejn l-ilħiq tal-miri tagħha dwar it-tibdil fil-klima.

Biex tilħaq il-miri tagħha, l-Unjoni Ewropea ħarġet b'leġiżlazzjoni ambizzjuża.

Skema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet għall-industrija


L-iskema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju mill-industrija billi tobbliga lill-kumpaniji jkollhom permess għal kull tunnellata ta' CO2 li jiġġeneraw. Il-kumpaniji jeħtiġilhom jixtru dawn il-permessi permezz ta' rkantijiet. Hemm xi inċentivi biex jagħtu spinta lill-innovazzjoni fis-settur.

L-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet kienet l-ewwel suq maġġuri tal-karbonju fid-dinja, u għadha l-akbar wieħed. Tirregola madwar 40% tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-UE u tkopri madwar 11,000 impjant tal-enerġija u tal-manifattura fl-UE. L-għan hu li l-emissjonijiet jonqsu bi 43% meta mqabbla ma' dawk tal-2005.

Skopri aktar dwar kif taħdem l-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet u kif qed tiġi rriformata bħalissa.

L-indirizzar tal-emissjonijiet tal-karbonju minn setturi oħra

Is-setturi li mhumiex koperti mill-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet – bħat-trasport, l-agrikoltura, il-bini u l-ġestjoni tal-iskart – għadhom jammontaw għal bejn wieħed u ieħor 60% tal-emissjonijiet globali tal-UE. L-emissjonijiet minn dawn is-setturi se jitnaqqsu bi 30% sal-2030 meta mqabbla mal-2005.

Dan se jsir permezz ta' miri nazzjonali maqbula għall-emissjonijiet li huma kkalkulati abbażi tal-prodott gross domestiku per capita. Pajjiżi tal-UE bi dħul baxx se jingħataw għajnuna.

Skopri x'inhuma l-miri tal-Istati Membri u kif se jiġu appoġġati l-pajjiżi tal-UE li huma anqas sinjuri.


Il-ġestjoni tal-foresti għat-tibdil fil-klima

Il-foresti tal-UE jassorbu kull sena l-ekwivalenti ta' 8.9% tal-emissjonijiet kollha tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-UE. L-UE trid tuża din ir-riżorsa biex tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima.

Liġijiet ġodda għandhom l-għan li jipprevjenu emissjonijiet ikkawżati mid-deforestazzjoni u jobbligaw kull Stat Membru jikkumpensa għall-bidliet fl-użu tal-artijiet li jagħtu lok għal emissjonijiet tas-CO2, permezz ta' ġestjoni aħjar tal-foresti tagħhom jew billi jkabbru l-meded ta' dawk il-foresti.

Ara l-infografika tagħna biex issir taf kif l-UE tuża l-foresti biex tikkumpensa għall-emissjonijiet tal-karbonju.

Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karozzi:

Il-karozzi u l-vannijiet jipproduċu 15% tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-UE. L-UE adottat leġiżlazzjoni biex issaħħaħ l-istandards tal-emissjonijiet tal-karozzi. Il-Parlament qed jitlob ukoll miżuri li jiffaċilitaw il-bidla lejn vetturi elettriċi u ibridi.

Skopri aktar dwar il-miri ġodda tas-CO2 għall-karozzi.