Ir-rispons tal-UE għat-tibdil fil-klima 

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

It-tibdil fil-klima se jolqot lil kulħadd. Ritratt ta' Ezra Comeau-Jeffrey fuq Unsplash  

Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija prijorità għall-Parlament. Hawn taħt issib id-dettalji tas-soluzzjonijiet li qed jaħdmu fuqhom l-UE u l-Parlament.

Nillimitaw it-tisħin globali: kwistjoni ta' żieda ta' 2°C

 

It-temperaturi globali medji żdiedu b'mod sinifikanti mir-rivoluzzjoni industrijali, u l-aħħar deċennju (2009-2018) kien l-aktar deċennju sħun li qatt ġie rreġistrat. Mit-18-il sena l-aktar sħan ta' dejjem, 17 seħħew mill-2000 'l hawn.

Id-data mis-Servizz dwar it-Tibdil fil-Klima tal-Programm Copernicus turi li l-2019 kienet ukoll l-aktar sena sħuna li qatt ġiet irreġistrata fl-Ewropa. Il-maġġoranza tal-evidenza tindika li dan huwa dovut għaż-żieda tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra prodotti mill-attività tal-bniedem.

It-temperatura medja globali llum hija bejn 0.91 u 0.96°C ogħla milli kienet fi tmiem is-seklu 19. Ix-xjentisti jqisu ż-żieda ta' 2°C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali bħala livell ta' limitu b'konsegwenzi perikolużi u katastrofiċi għall-klima u għall-ambjent.

Din hija r-raġuni li għaliha l-komunità internazzjonali taqbel li t-tisħin globali jeħtieġ li jibqa' sew taħt iż-2°C.

Għaliex huwa importanti r-rispons tal-UE?

 

Skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, l-Unjoni Ewropea hija t-tielet l-akbar emittent ta' gassijiet b'effett ta' serra fid-dinja, wara ċ-Ċina u l-Istati Uniti. Fl-2017, is-settur tal-enerġija kien responsabbli għal 80,7 % tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-UE. L-isforzi komuni tal-mitigazzjoni huma kruċjali, għax it-tibdil fil-klima jolqot lill-pajjiżi kollha tal-UE, anki jekk ma jolqothomx bl-istess mod.

Ir-reġjun tal-Mediterran jista' jistenna aktar sħana estrema u anqas xita, waqt li l-pajjiżi tar-reġjun kontinentali se jħabbtu wiċċhom ma' riskju akbar ta' xmajjar li jfuru u ta' nirien tal-foresti.

L-isforzi tal-UE qed jagħtu l-frott. Fl-2008, l-UE stabbiliet il-mira li sal-2020 tnaqqas l-emissjonijiet b'20 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Nistgħu ngħidu li tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq dan l-għan: fl-2015, il-livell ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-UE rrappreżenta tnaqqis ta' 22 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990.

Ara l-infografiċi tagħna dwar it-tibdil fil-klima fl-Ewropa.

L-UE u l-politika internazzjonali dwar il-klima

 

L-UE hija attur ewlieni fin-negozjati dwar il-klima tan-NU. Fl-2015, hija rratifikat il-Ftehim ta' Pariġi, l-ewwel ftehim universali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. L-għan tiegħu huwa li jnaqqas it-tibdil fil-klima billi jżomm żieda ta' 1.5 C fit-temperatura globali meta mqabbla maż-żminijiet preindustrijali.

Skont il-Ftehim ta' Pariġi, l-UE hija impenjata li sal-2030 tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra b'tal-anqas 40% taħt il-livelli tal-1990. Barra minn hekk, skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-UE wiegħdet li tikseb emissjonijiet netti żero sal-2050. Hija daħħlet fis-seħħ diversi miżuri biex tilħaq din il-mira.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew

 

F'Novembru 2019, il-Parlament iddikjara emerġenza klimatika, fejn stieden lill-Kummissjoni tallinja l-proposti kollha tagħha mal-mira li t-tisħin globali jiġi limitat għal taħt il-1.5°C u tiżgura li l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra jitnaqqsu b'mod sinifikanti.

B'reazzjoni, il-Kummissjoni von der Leyen ipproponiet il-Patt Ekoloġiku Ewropew, pjan direzzjonali biex l-Ewropa ssir kontinent newtrali mil-lat tal-klima sal-2050. Wieħed mill-objettivi tiegħu huwa qafas legali għall-klima – il-liġi tal-UE dwar il-klima.

Il-pjan tal-UE għal Ewropa aktar ekoloġika u aktar sostenibbli jkopri firxa wiesgħa ta' setturi u jinkludi għanijiet bħal: il-preservazzjoni tal-bijodiversità, l-iżgurar ta' sistema alimentari aktar f'saħħitha, it-tisħiħ tal-ekonomija ċirkolari, kif ukoll il-promozzjoni tal-investiment ekoloġiku u l-għoti tas-setgħa lill-industriji għal tranżizzjoni ekoloġika filwaqt li jittaffa l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni fuq il-ħaddiema u l-komunitajiet.

Aqra aktar dwar il-Patt Ekoloġiku.

Il-Finanzjament tal-UE għall-klima

 

Sabiex tiffinanzja l-Patt Ekoloġiku, f'Jannar 2020 il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa Sostenibbli, li għandu l-għan li jattira mill-inqas triljun euro ta' investiment pubbliku u privat matul l-għaxar snin li ġejjin.

Fil-qafas tal-pjan ta' investiment, il-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta huwa mfassal biex jappoġġja lir-reġjuni u l-komunitajiet li huma l-aktar affettwati minn tranżizzjoni ekoloġika, pereżempju r-reġjuni li jiddependu ħafna fuq il-faħam.

Biex tinkoraġġixxi l-investiment f'attivitajiet ambjentalment sostenibbli u biex tevita li l-finanzjament imur għal proġetti ta' "greenwashing" li jsostnu li jkunu ekoloġiċi, iżda fir-realtà ma jkunux, l-UE introduċiet regoli ġodda biex tiddefinixxi dak li jikkwalifika bħala attività ekoloġika jew sostenibbli.

Innaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra

 

L-UE daħħlet fis-seħħ tipi differenti ta' mekkaniżmi skont is-settur.

Biex tnaqqas l-emissjonijiet mill-impjanti tal-enerġija u l-industrija, l-UE daħħlet fis-seħħ l-ewwel suq tal-karbonju ewlieni. Bl-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS), il-kumpaniji jeħtiġilhom jixtru l-permessi biex jarmu d-CO2, u b'hekk anqas ma jniġġsu, anqas iħallsu. Din is-sistema tkopri 45 % tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-UE.

Għal setturi oħrajn, bħall-kostruzzjoni jew l-agrikoltura, it-tnaqqis se jinkiseb permezz ta' ftehimiet dwar miri nazzjonali għall-emissjonijiet, li huma kkalkulati abbażi tal-prodott domestiku gross per capita tal-pajjiżi.

Fir-rigward tat-trasport bit-triq, fir-rebbiegħa tal-2019, il-Parlament Ewropew appoġġja l-leġiżlazzjonijiet biex l-emissjonijiet tad-CO2 jitnaqqsu b'37,5 % għall-karozzi ġodda, b'31 % għall-vannijiet u b'30 % għat-trakkijiet ġodda sal-2030. L-UE trid ukoll tuża l-kapaċità tal-foresti li jassorbu d-CO2 biex tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima. Fl-2017, il-Membri tal-Parlament Ewropew ivvotaw favur regolament għall-prevenzjoni tal-emissjonijiet li jirriżultaw mid-deforestazzjoni u mit-tibdil fl-użu tal-art.

Ara aktar dettalji dwar il-miżuri tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra.

Nindirizzaw l-isfida tal-enerġija

 

L-UE tiġġieled ukoll it-tibdil fil-klima b'politika ġdida dwar l-enerġija nadifa adottata mill-Parlament fl-2018. L-enfasi hija fuq li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli kkunsmata jiżdied għal 32 % sal-2030 u li tinħoloq il-possibbiltà li n-nies jipproduċu l-enerġija ekoloġika tagħhom stess.

Barra minn hekk, l-UE trid ittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija b'32,5 % sal-2030 u, għalhekk, adottat leġiżlazzjoni dwar il-binjiet u l-apparat domestiku.

Skopri aktar dwar il-miżuri tal-UE biex tippromwovi l-enerġija nadifa.