L-emissjonijiet ta' CO2 mill-karozzi: fatti u ċifri (infografika) 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Qatt saqsejt lilek innifsek kemm CO2 jarmu fl-arja l-karozzi? U jekk il-vetturi elettriċi humiex tassew alternattiva aktar nadifa? Ara l-infografika tagħna biex issir taf.

It-trasport huwa responsabbli għal kważi 30% tal-emissjonijiet totali ta' CO2 tal-UE, li minnhom 72% ġejjin mit-trasport bit-triq. Bħala parti mill-isforzi biex tnaqqas l-emissjonijiet ta' CO2, l-UE stabbiliet il-mira li l-emissjonijiet mit-trasport tnaqqashom b'60% sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

L-emissjonijiet mit-trasport qed jiżdiedu

Mhux se jkun faċli li nilħqu din il-mira, peress li r-rata tat-tnaqqis tal-emissjonijiet battiet. Setturi oħra naqqsu l-emissjonijiet mill-1990 'l hawn, iżda hekk kif aktar nies qed isiru aktar mobbli, l-emissjonijiet ta' CO2 mit-trasport qed jiżdiedu.

L-isforzi maħsuba biex itejbu l-effiċjenza tal-fjuwil tal-karozzi l-ġodda wkoll qed iħallu anqas effetti. Fl-2017, wara tnaqqis kostanti, il-karozzi ġodda rreġistrati ħarġu medja ta' 0.4 grammi ta' CO2 aktar għal kull kilometru milli fl-2016.

Biex trażżan din ix-xejra, l-UE qed tipproponi miri ġodda ta' emissjonijiet ta' CO2, bil-għan li tnaqqas l-emissjonijiet ta' ħsara minn karozzi u vannijiet ġodda. Id-deputati Ewropej adottaw ir-regoli l-ġodda fis-27 ta' Marzu.

Evoluzzjoni tal-emissjonijiet ta' CO2 fl-UE skont is-settur (1990–2016)  

Il-karozzi huma sors ewlieni ta' tniġġis

L-emissjonijiet ta' CO2 mit-trasport tal-passiġġieri jvarjaw b'mod sinifikanti skont il-mod tat-trasport. Il-karozzi tal-passiġġieri huma dawk li jniġġsu l-aktar, u huma responsabbli għal 60.7% tal-emissjonijiet totali ta' CO2 mit-trasport bit-triq fl-Ewropa.

B'medja ta' 1.7 passiġġier għal kull karozza fl-Ewropa, modi oħra tat-trasport, bħall-karozzi tal-linja, bħalissa huma alternattiva aktar nadifa.

Il-karozzi huma responsabbli għal 60% tal-emissjonijiet ta' CO2 mit-trasport  

Il-karozzi elettriċi qed jirrankaw, iżda huma aktar nodfa?

Hemm żewġ modi kif innaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 mill-karozzi: billi nagħmlu l-vetturi aktar effiċjenti jew billi nibdlu l-fjuwil l-jużaw. Illum, il-maġġoranza tal-karozzi fl-Ewropa jużaw il-petrol jew id-diesel (89%); madankollu, l-elettriku qed jirranka.

Minkejja li sal-lum rebħu sehem żgħir mis-suq (madwar 1.5% tal-vetturi tal-passiġġieri ġodda rreġistrati), l-għadd ta' reġistrazzjonijiet ta' karozzi elettriċi ġodda fl-UE baqa' jikber matul dawn l-aħħar ftit snin. Fl-2017, il-bejgħ żdied b'51 % fuq l-2016.

Biex inwieġbu l-mistoqsija "karozza kemm tipproduċi CO2?" irridu nqisu mhux biss is-CO2 li joħroġ waqt l-użu, iżda wkoll l-emissjonijiet ikkawżati mill-produzzjoni u l-iskrappjar tagħha.

Il-produzzjoni u l-iskrappjar ta' karozza elettrika huma anqas favorevoli għall-ambjent minn karozza b'magna ta' kombustjoni interna, u l-livell ta' emissjonijiet minn vetturi elettriċi jvarja skont kif jiġi ġġenerat l-elettriku.

Madankollu, meta titqies it-taħlita medja ta' enerġija fl-Ewropa, il-karozzi elettriċi diġà qed juru li huma aktar nodfa minn vetturi li jaħdmu bil-petrol. Billi s-sehem tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli mistenni li jikber fil-futur, il-ħsara għall-ambjent mill-karozzi elettriċi se tkompli tonqos.

L-emissjonijiet ta' CO2 mill-karozzi għal kull tip ta' fjuwil u għall-karozzi elettriċi  

Azzjonijiet oħra tal-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra

Skont il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, l-UE impenjat ruħha li, sal-2030, tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra b'tal-anqas 40% fis-setturi ekonomiċi kollha meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

Minbarra li stabbilew miri għall-emissjonijiet tal-karozzi, l-MPE adottaw il-miżuri li ġejjin biex jgħinu lill-UE twettaq dan l-impenn:


Ara l-infografika tagħna dwar il-progress tal-UE fl-għanijiet tagħha għat-tibdil fil-klima.