Il-pjan finanzjarju ta' triljun ewro tal-Ewropa għall-klima  

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

© Shutterstock.com/Franco Lucato  

Skopri kif l-Ewropa bi ħsiebha tiffinanzja proġetti biex tindirizza t-tibdil fil-klima u tappoġġja r-reġjuni li huma l-aktar milquta mit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika.

Ftit aktar minn xahar wara l-preżentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta dettaljata dwar kif se tiffinanzjah. Il-Pjan ta' Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa mfassal biex jattira mill-inqas triljun euro f'investiment pubbliku u privat matul l-għaxar snin li ġejjin.

 

Għaliex huwa importanti

 

It-trasformazzjoni tal-UE f'ekonomija newtrali għall-klima sal-2050 se tkun teħtieġ investiment massiv f'teknoloġiji ta' enerġija nadifa. Skont l-istimi tal-Kummissjoni Ewropea, l-ilħuq tal-mira provviżorja ta' tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra (GHG) ta' 40 % sal-2030 tkun teħtieġ EUR 260 biljun f'investiment addizzjonali annwali.

Skopri aktar dwar ir-rispons tal-UE għat-tibdil fil-klima 

 

Minn fejn se jiġu l-flus

 

Madwar nofs il-flus għandhom jiġu mill-baġit fit-tul tal-UE permezz ta' diversi programmi li jikkontribwixxu għal proġetti dwar il-klima u l-ambjent, pereżempju, permezz ta' fondi agrikoli, il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni, Orizzont Ewropa, u l-programm LIFE.

Dan imbagħad jattira EUR 114-il biljun addizzjonali f'kofinanzjament mill-pajjiżi tal-UE. Mistennija jiġu mobilizzati b'kemm jiswew madwar EUR 300 biljun ta' investiment privat u pubbliku permezz ta' InvestEU u l-fondi tal-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti ta' Emissjonijiet tal-UE (ETS), u EUR 100 biljun oħra għandhom jiġu attirati permezz tal-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta l-ġdid, li huwa mfassal biex jappoġġja lir-reġjuni u lill-komunitajiet li huma l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika, pereżempju r-reġjuni li jiddependu ħafna mill-faħam.

 

Il-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta

 

Il-mekkaniżmu se jkun ibbażat fuq tliet pilastri:

  • il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF)
  • finanzjament minn InvestEU
  • selfiet mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) appoġġjat mill-baġit tal-UE

Dawn l-istrumenti kollha mistennija jattiraw EUR 100 biljun f'investimenti pubbliċi u privati – flus li jistgħu jintużaw biex il-ħaddiema jitgħallmu ħiliet ġodda għall-impjiegi tal-futur, biex jingħata appoġġ lin-negozji biex joħolqu opportunitajiet ġodda ta' impjieg kif ukoll biex isiru investimenti f'enerġija nadifa u fl-iżolament tad-djar.

        

1) Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

L-investimenti tal-fond għandhom jgħinu lil dawk ir-reġjuni li huma partikolarment dipendenti mill-fjuwils fossili, bħall-faħam, li jipprovdi madwar kwart tal-ġenerazzjoni tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea. Is-settur tal-faħam tal-UE jimpjega 238,000 ruħ fil-minjieri tal-faħam u fl-impjanti tal-enerġija f'aktar minn 100 reġjun Ewropew mill-Polonja sa Spanja. Fl-2015, kien hemm 128 minjiera tal-faħam fi 12-il pajjiż tal-UE u 207 impjant tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam f'21 pajjiż tal-UE.

Meta kien qed jippreżenta l-proposta lill-MEPs fl-14 ta' Jannar, Frans Timmermans, il-Kummissarju responsabbli għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, qal: "Dan huwa messaġġ lill-minaturi tal-faħam fl-Asturias, fil-Maċedonja tal-Punent jew fis-Silesia, lill-ħassada tal-pit fil-midlands Irlandiżi, lir-reġjuni tal-Baltiku li jiddependu fuq iż-żejt tax-shale u ħafna oħrajn. Nafu li qed tiffaċċjaw triq aktar diffiċli lejn in-newtralità klimatika u nafu li l-prospett ta' futur differenti - wieħed aktar nadif - jista' jkun prospett ġeneralment pożittiv iżda t-triq biex taslu għalih illum tidher skoraġġanti. Dan il-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta ta' mill-inqas EUR 100 biljun huwa wegħda li l-UE tinsab miegħek f'din it-tranżizzjoni."

F'Mejju 2020, il-Kummissjoni emendat il-proposta għall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, fil-kuntest tal-pjan tal-UE għall-irkupru ekonomiku - the Next Generation EU, biex tlaħħaq mal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Il-finanzjament propost ta' EUR 7.5 biljun mill-baġit fit-tul tal-UE żdied għal EUR 10 biljun, flimkien ma' EUR 30 biljun fi dħul estern mill-Istrument Ewropew għall-Irkupru. Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta se jipprovdi għotjiet għall-appoġġ soċjali, għar-rivitalizzazzjoni ekonomika u għall-proġetti ta' restawr tal-art.

Skopri aktar dwar il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.

 

2) Skema speċjali fl-ambitu tal-programm InvestEU

L-iskema InvestEU jenħtieġ li tipprijoritizza l-finanzjament għall-klima u timmobilizza total ta' EUR 45 biljun ta' investiment fi proġetti ta' "Tranżizzjoni Ġusta" mill-2021 sal-2027.

Maħluq fl-2018, InvestEU huwa l-programm ta' investiment ewlieni propost mill-UE biex tingħata spinta lill-ekonomija Ewropea.

Fi tmiem Mejju 2020, fil-qafas ta' Next Generation EU , il-Kummissjoni pproponiet li żżid il-baġit ta' InvestEU u tirdoppja l-flus għall-infrastruttura sostenibbli għal EUR 20 biljun mit-total ta' EUR 75 biljun garantiti mill-baġit tal-UE.

 

3) Faċilità ta' self għas-settur pubbliku

Aktar finanzjament jista' jiġi minn faċilità ta' self għas-settur pubbliku - EUR 1.5 biljun f'għotjiet mill-baġit fit-tul u sa EUR 10 biljun f'selfiet tal-BEI - b'EUR 25 sa EUR 30 biljun addizzjonali f'investimenti tal-awtoritajiet pubbliċi biex jgħinu lit-territorji l-aktar affettwati jlaħħqu mal-ispejjeż tad-dekarbonizzazzjoni.

Il-fondi jkunu jmorru għall-investimenti li jvarjaw mill-enerġija u t-trasport san-networks ta' tisħin distrettwali u t-trasport pubbliku.

 

Il-passi li jmiss

F'Lulju, il-Kumitat REGI approva l-istabbiliment tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta iżda appella għal baġit akbar, kamp ta' applikazzjoni usa' u mekkaniżmu ta' premji.

Il-Parlament hu mistenni jivvota dwar il-pożizzjoni tiegħu waqt is-sessjoni plenarja ta'Settembru.