10 affarijiet li qed tagħmel l-UE fil-ġlieda kontra l-coronavirus

Skopri x'qed tagħmel l-UE biex ittaffi l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19, tipproteġi lin-nies u l-ekonomija u tippromwovi s-solidarjetà.

10 affarijiet li qed tagħmel l-UE biex tiġġieled il-koronavirus

L-istituzzjonijiet Ewropej qed jiġġieldu kontra t-tixrid tal-coronavirus u jgħinu lil dawk l-Istati Membri li jkollhom bżonn tagħmir u appoġġ. Aktar fit-tul, l-Unjoni Ewropea qed taħdem biex ittaffi l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi. Dawn t'hawn taħt huma 10 passi li ħadet l-UE biex tiġġieled il-COVID-19.

 


1. Innaqqsu t-tixrid tal-virus

Biex jitnaqqas it-tixrid tal-virus fl-Ewropa u lil hinn minnha, l-UE għalqet il-fruntieri esterni tagħha għall-ivvjaġġar mhux essenzjali, filwaqt li kompliet tara li oġġetti essenzjali jibqgħu jiċċirkolaw fl-Unjoni kollha bl-introduzzjoni ta' korsiji ħodor. Hemm previsti riżorsi addizzjonali għaċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, li joħroġ valutazzjonijiet tar-riskju rapidi u aġġornamenti epidemjoloġiċi dwar it-tifqigħa.

 

2. Nipprovdu tagħmir mediku

Fil-qafas tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, il-pajjiżi tal-UE issa għandhom aċċess rapidu għar-riżerva ta' tagħmir mediku RescEU – l-ewwel waħda tat-tip tagħha – li tinkludi ventilaturi u maskri protettivi. Barra minn hekk, l-UE ħarġet sejħa għal offerti internazzjonali fuq skala kbira ħafna li tippermetti lill-Istati Membri jixtru tagħmir u mediċini flimkien u qed timmobilizza €3.08 biljun f'għajnuna biex jinxtraw iżjed testijiet u tgħin lill-persunal mediku jikkura l-pazjenti. L-UE organizzat ukoll ġabra fuq l-internet bil-għan li tinġabar somma inizjali ta' €7.5 biljun għal tilqimiet, mediċini u dijanjostika għall-ġlieda kontra l-coronavirus mad-dinja kollha.

 

3. Nippromwovu r-riċerka

Orizzont 2020, il-programm ta' riċerka tal-UE, qed jiffinanzja 18-il proġett ta' riċerka u 151 tim fl-Ewropa kollha biex tkun tista' tinstab tilqima kontra l-COVID-19 malajr kemm jista' jkun. L-għan hu li jittejbu d-dijanjostika, l-istat ta' tħejjija, il-ġestjoni klinika u t-trattament.

 

4. Nistimulaw is-solidarjetà Ewropea

Il-Parlament Ewropew ta l-appoġġ tiegħu għal regoli ġodda li jippermettu lill-Istati Membri jitolbu assistenza finanzjarja mill-Fond ta' Solidarjetà tal-UE biex ikopru l-emerġenzi tas-saħħa. Bit-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tal-fond, din is-sena l-Istati Membri se jkollhom sa €800 miljun għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiġġieldu l-pandemija tal-coronavirus.

 

Agħti ħarsa lejn il-kronoloġija tal-azzjoni tal-UE kontra l-coronavirus.

 

5. Niggarantixxu l-irkupru tal-UE

Biex tgħin lill-UE tirkupra mill-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija, il-Kummissjoni Ewropea se toħroġ bi proposta ġdida għall-baġit fit-tul tal-UE għall-2021-2027, li se jkun fiha pakkett ta' stimolu. L-MEPs talbu pakkett ta' rkupru u rikostruzzjoni massiċċ iffinanzjat minn baġit fit-tul akbar għall-UE, fondi u strumenti finanzjarji Ewropej eżistenti, kif ukoll mill-hekk imsejħa bonds ta' rkupru. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreżentat il-pjan direzzjonali għal wara l-lockdown tagħha għal strateġija ta' ħruġ koordinata b'testijiet fuq skala kbira u materjal protettiv għaċ-ċittadini.

 

6. Nappoġġjaw l-ekonomija

L-UE qed tipproponi pakkett ta' għajnuna ta' €540 biljun biex tiġi indirizzata l-kriżi u jingħata appoġġ lill-ħaddiema, in-negozji u l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Bank Ċentrali Ewropew qed jalloka €750 biljun biex itaffi d-dejn tal-gvernijiet matul il-kriżi, kif ukoll €120 biljun f'taffija kwantitattiva u €20 biljun f'xiri ta' djun. L-MEPs ivvutaw ukoll biex €37 biljun mill-fondi strutturali eżistenti jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pajjiżi tal-UE sabiex jiġġieldu l-kriżi tal-coronavirus u jappoġġjaw il-qasam tas-saħħa, in-negozji u l-ħaddiema.

 

7. Inħarsu l-impjiegi

Biex jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu jistgħu jżommu l-impjieg meta l-kumpaniji jiqfilhom ix-xogħol minħabba l-kriżi tal-coronavirus, il-Kummissjoni pproponiet għajnuna għal xogħol b'ħinijiet iqsar bl-appoġġ tal-istat (SURE). Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea mmobilizzat €1 biljun mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi f'garanziji biex tħeġġeġ lill-banek u selliefa oħra jipprovdu sa €8 biljun f'likwidità b'appoġġ għal madwar 100,000 intrapriża Ewropea.

 

8. Nirrimpatrijaw iċ-ċittadini tal-UE

Għexieren ta' eluf ta' Ewropej li spiċċaw maqbudin f'pajjiż ieħor minħabba t-tifqigħa ttieħdu lura pajjiżhom bis-saħħa tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.

 

9. Ngħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw quddiem il-pandemija

Il-Kummissjoni mmobilizzat €20 biljun biex tgħin lil pajjiżi sħab terzi fil-ġlieda kontra l-kriżi bħala parti minn pakkett tal-UE għal rispons globali kkoordinat biex tiġi indirizzata l-firxa tal-COVID-19.

 

10. Niżguraw informazzjoni preċiża

It-tixrid ta' diżinformazzjoni dwar il-coronavirus iqiegħed is-saħħa tan-nies f'riskju. L-MEPs talbu li jkun hemm sors ta' informazzjoni fil-livell Ewropew biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għal informazzjoni preċiża u vverifikata bil-lingwa tagħhom u talbu lill-kumpaniji tal-midja soċjali jindirizzaw id-diżinformazzjoni u d-diskors ta' mibegħda.

A doctor in Personal Protective Equipment holding blood test tube with COVID-19 label ©Chinnapong/AdobeStock
©Chinnapong/AdobeStock