Relazzjoni UE-Ġappun: ftehim kummerċjali ġdid - il-bidu ta' era ġdida  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

©AP images/European Union-EP  

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġappun mistennija jitjiebu sew bl-iffirmar ta' ftehim kummerċjali ewlieni u permezz ta' sħubija strateġika.

Minkejja li l-UE u l-Ġappun diġà jgawdu minn relazzjonijiet tajba, huma qablu li jtejbu s-sħubija tagħhom fl-isfond ta' tensjonijiet u ta' protezzjoniżmu internazzjonali li dejjem qed jiżdiedu.


Il-ftehim kummerċjali propost se jagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji Ewropej li jesportaw lejn il-Ġappun, filwaqt li sħubija strateġika ppjanata se tagħti spinta lill-kooperazzjoni fir-rigward ta' sfidi komuni bħas-sigurtà u l-ambjent.


Il-Membri tal-Parlament Ewropew ivvutaw fuq iż-żewġ ftehimiet matul il-plenarja ta' Diċembru. Il-ftehimiet se jkollhom jiġu approvati wkoll mill-Kunsill qabel ma jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ.


Il-kummerċ


Il-kumpaniji tal-UE jesportaw aktar minn EUR 58 biljun f'oġġetti u EUR 28 biljun f'servizzi lejn il-Ġappun fis-sena, iżda l-ftehim kummerċjali se jagħti spinta ulterjuri billi jneħħi l-bqija tal-ostakli għall-kummerċ. Dawn jinkludu l-eliminazzjoni ta' 90 % ta' tariffi fuq aktar minn 90 % tal-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Ġappun. Dan mistenni jwassal biex l-esportaturi tal-UE jiffrankaw madwar EUR 1 biljun f'dazji doganali fis-sena. Barra minn hekk, il-Ġappun se jirrikonoxxi l-istatus speċjali ta' aktar minn 200 prodott agrikolu Ewropew minn reġjuni speċifiċi, magħrufa bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi. Se jittieħdu miżuri wkoll biex jitnaqqsu l-ostakli mhux tariffarji, pereżempju billi jkun hemm dipendenza fuq standards internazzjonali minflok rekwiżiti Ġappuniżi speċifiċi.


Il-Membru tal-PE ewlieni, Pedro Silva Pereira, membru Portugiż tal-Grupp S&D, qal li l-ftehim kien qed jiġi konkluż fi żmien importanti: "Il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun jibgħat sinjal f'waqtu li jappoġġa kummerċ miftuħ u ġust ibbażat fuq il-valuri u r-regoli fi żmien ta' protezzjoniżmu dejjem jiżdied u politika kummerċjali erratika mill-President tal-Istati Uniti Donald Trump. Dan il-ftehim jirrappreżenta wkoll opportunità għall-Unjoni Ewropea (UE) fl-Asja-Paċifiku, speċjalment minħabba l-irtirar tal-Istati Uniti mill-ftehim ta' kummerċ ħieles reġjonali tas-Sħubija Trans-Paċifika (TPP) u jgħin fil-promozzjoni ta' valuri tal-UE u ta' standards għoljin fir-reġjun."


Il-Membru tal-PE qal li l-ftehim jirrigwarda ħafna aktar minn sempliċement l-istimolar tal-kummerċ: "Dan il-ftehim se jrawwem mhux biss rabtiet ekonomiċi bilaterali aktar mill-qrib, iżda wkoll kooperazzjoni konkreta dwar l-iżvilupp sostenibbli bħall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Dan il-ftehim jista', barra minn hekk, isaħħaħ il-koordinazzjoni fuq kwistjonijiet multilaterali mal-Ġappun u jgħin fit-tfassil ta' regoli għall-ekonomija globali f'konformità mal-istandards għoljin u l-valuri kondiviżi tagħna ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt."


Sħubija Strateġika


Il-Ftehim ta' Sħubija Strateġika huwa patt legalment vinkolanti, li jkopri l-kooperazzjoni fuq firxa ta' kwistjonijiet. Il-Membru tal-PE ewlieni, Alojz Peterle, membru Sloven tal-Grupp PPE, qal: "[Dan] se japprofondixxi l-kooperazzjoni mal-Ġappun f'setturi ewlenin, li jittrattaw suġġetti bħat-tibdil fil-klima, ir-riċerka dwar is-saħħa u ċ-ċiberkriminalità. Din is-sħubija hija tweġiba għall-isfidi globali kurrenti li tmur lil hinn mill-fruntieri u tikkonferma wkoll l-impenn tagħna għal ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli."


Mudell għal pajjiżi oħra


Iż-żewġ Membri tal-PE qalu li l-ftehimiet rawhom bħala mudelli possibbli għal kooperazzjoni ma' pajjiżi oħra.


Silva Pereira qal: "Dan huwa l-ewwel ftehim kummerċjali tal-UE b'impenn favur l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi li jiġġieled kontra t-tibdil fil-klima u b'kapitoli ddedikati għall-governanza korporattiva u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Il-ftehim jirrispetta l-istandards għoljin tal-UE dwar il-ħarsien tal-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-sikurezza tal-ikel u d-drittijiet tax-xogħol, iħares is-servizzi pubbliċi u jirrispetta d-dritt li jirregola."


Peterle qal: "Iż-żewġ ftehimiet kienu possibbli peress li l-UE u l-Ġappun huma sħab li jaħsbuha bl-istess mod b'valuri kondiviżi ta' demokrazija u b'viżjoni komuni għall-kummerċ globali u l-kooperazzjoni [...] standards għoljin u r-rieda li jiġu indirizzati l-isfidi globali kurrenti jeħtieġ li jkunu l-pedament ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni futuri."