Globalizzazzjoni: il-politika kummerċjali tal-UE u d-drittijiet tal-bniedem 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Importazzjonijiet tat-tessuti: Il-Membri tal-PE jinsistu dwar regoli tal-UE biex jitrażżan l-isfruttament tal-ħaddiema  

Il-globalizzazzjoni u l-kummerċ internazzjonali jistgħu jaffettwaw id-drittijiet tal-bniedem, u għalhekk il-politika kummerċjali tal-UE tinkludi għodod li jipproteġuhom. Skopri kif hawnhekk.

Il-kummerċ internazzjonali u l-globalizzazzjoni għandhom potenzjal kbir biex joħolqu l-impjiegi fl-UE u lil hinn minnha. Madankollu, il-kompetizzjoni globali li qed tikber tista' tipperikola d-drittijiet tal-bniedem billi pereżempju twassal għall-isfruttament tal-ħaddiema. Peress li d-drittijiet tal-bniedem huma prijorità tal-politika barranija tagħha, l-UE tuża l-politika kummerċjali tagħha biex tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi li mhumiex fl-UE permezz ta' ftehimiet kummerċjali preferenzjali, kif ukoll restrizzjonijiet kummerċjali unilaterali.

Aċċess preferenzjali għall-kummerċ

Waħda mill-għodod ewlenin tal-UE biex tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema f'pajjiżi mhux tal-UE hija s-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SPĠ). Din l-iskema tagħti aċċess kummerċjali preferenzjali għas-suq tal-UE lil 90 pajjiż li qed jiżviluppaw. Madankollu, dan jiddependi fuq kemm dawn jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem. L-aċċess jista' jiġi rtirat meta jseħħ ksur sistematiku.

L-istrateġija tal-UE għandha l-għan li tħeġġeġ il-progress gradwali permezz tad-djalogu u l-monitoraġġ. Is-sanzjonijiet jintużaw biss f'każijiet estremi. Is-sospensjoni tal-preferenzi tas-SPĠ seħħet tliet darbiet: mal-Myanmar fl-1997, il-Bjelorussja fl-2007 u s-Sri Lanka fl-2010.

Filwaqt li l-iskema wasslet lill-pajjiżi benefiċjarji biex jagħmlu bidliet leġiżlattivi u istituzzjonali fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, f'għadd ta' pajjiżi l-implimentazzjoni seħħet aktar bil-mod.

Ir-restrizzjonijiet kummerċjali

L-UE tista' wkoll timponi restrizzjonijiet kummerċjali unilaterali jew tistabbilixxi obbligi ta' diliġenza dovuta għall-importaturi biex jiżguraw li l-flus mill-kummerċ mal-UE ma jkunux qed jintużaw biex jiffinanzjaw il-kunflitt u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-pajjiżi.

L-UE għandha wkoll regoli stretti biex tipprevjeni l-użu ta' oġġetti u teknoloġiji Ewropej għal intenzjonijiet mhux etiċi x'imkien ieħor, pereżempju sustanzi mediċi li jistgħu jintużaw fl-eżekuzzjonijiet.

L-importazzjonijiet ta' oġġetti li l-produzzjoni tagħhom hija relatata ma' ksur tad-drittijiet tal-bniedem huma wkoll ristretti, inklużi l-minerali ta' kunflitt u oġġetti li jistgħu jintużaw għat-tortura.

Projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' minerali ta' kunflitt

L-UE ħadet passi biex tipprojbixxi l-importazzjoni ta' minerali relatati mal-kunflitti.

Fl-2002, wara li rrikonoxxiet l-impatt li l-kummerċ internazzjonali tad-djamanti għandu fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-UE adottat regoli li jipprojbixxu l-importazzjonijiet kollha ta' djamanti mhux maħduma mingħajr ċertifikat ta' oriġini. B'mod simili, minerali użati fil-produzzjoni pereżempju ta' apparat ta' teknoloġija għolja ħafna drabi jirriżultaw minn pajjiżi milquta minn kunflitt. Id-dħul miksub minn minerali esportati lejn l-UE ta' spiss sostnew rewwixti armati.

Biex jipprevjenu l-kummerċ internazzjonali ta' minerali milli jiffinanzjaw il-kunflitt u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem , fl-2017 il-Membri tal-PE adottaw regoli li jobbligaw lill-importaturi tal-UE ta' landa, tungstenu, tantalju u deheb biex iwettqu kontrolli ta' diliġenza dovuta fuq il-fornituri tagħhom. Ir-regolament se jidħol fis-seħħ mill-2021.



Projbizzjoni dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti għal tortura

Ir-regoli tal-UE jipprojbixxu kwalunkwe kummerċ f'oġġetti u servizzi li jistgħu jikkontribwixxu għal tortura jew għal eżekuzzjoni.

Mill-2004 daħlet fis-seħħ sistema ta' kontroll tal-esportazzjoni li tiċċekkja u tipprojbixxi l-prodotti li jistgħu jintużaw b'mod ħażin fuq il-persuni. Hija meħtieġa awtorizzazzjoni għal oġġetti li għandhom għanijiet leġittimi iżda li jistgħu jintużaw ukoll bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bħalma huma sustanzi mediċinali.

Ir-regoli jinkludu wkoll projbizzjoni fuq il-kummerċjalizzazzjoni u t-tranżitu ta' tagħmir użat għal trattament krudili, inuman u degradanti li ma għandu l-ebda użu prattiku ieħor għajr eżekuzzjoni jew tortura, bħal siġġijiet elettriċi jew sistemi awtomatiċi ta' injezzjoni tad-drogi.

Kontroll tal-esportazzjoni għall-kummerċ f'oġġetti li jistgħu jintużaw bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem

L-UE għandha regoli biex tiżgura li l-prodotti u t-teknoloġiji oriġinarjament prodotti għall-użu ċivili fl-Ewropa ma jkunux jistgħu jintużaw bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

L-oġġetti b'użu doppju huma prodotti, softwer, jew teknoloġija li, barra l-iskop oriġinali tagħhom, jistgħu jiġu abbużati. Eżempji ta' użi oħra jinkludu l-iżvilupp ta' armi, it-twettiq ta' attakki terroristiċi, l-ispjunaġġ fuq in-nies, jew l-infiltrazzjoni tas-sistemi tal-kompjuters, il-hacking tal-kompjuters, jew l-interċettazzjoni tal-mobiles.

Qed jiġi diskuss aġġornament tar-regoli li jinkludi kontrolli aktar stretti fuq l-esportazzjoni, is-senserija, it-tranżitu u t-trasferiment ta' oġġetti b'użu doppju filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi. Il-kontrolli tal-esportazzjoni huma ffaċilitati permezz ta' lista komuni tal-UE ta' oġġetti b'użu doppju.

Regoli tal-UE biex jiġi evitat l-isfruttament tal-ħaddiema

Fl-2017, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li titlob li r-regoli tal-UE jobbligaw lill-fornituri tat-tessuti u tal-ħwejjeġ jirrispettaw id-drittijiet tal-ħaddiema. Huwa ppropona sistema ta' obbligi ta' diliġenza dovuta, li tfisser investigazzjoni fl-istandards tad-drittijiet tal-bniedem qabel ma jsir ftehim kummerċjali. Pajjiżi li mhumiex fl-UE jridu jikkonformaw man-normi tal-UE biex jipproduċu tessuti sostenibbli u etiċi. Il-Parlament irid ukoll li l-UE u l-Istati Membri jippromwovu l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-pagi u s-sigħat tax-xogħol ma' pajjiżi sħab fis-settur tal-ħwejjeġ.



It-tħaddim tat-tfal u xogħol furzat

Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-2016 titlob modi biex tiġi traċċata l-evidenza dwar xogħol furzat u tħaddim tat-tfal. Il-miżuri jinkludu t-tikkettar ta' prodotti ħielsa mit-tħaddim tat-tfal, l-għoti ta' preferenza kummerċjali lil pajjiżi li jissodisfaw ċerti standards tax-xogħol u l-projbizzjoni tal-importazzjoni ta' prodotti magħmula minn tħaddim tat-tfal.

L-implimentazzjoni ta' mekkaniżmu effettiv ta' traċċabbiltà għandha twassal għal projbizzjoni totali fuq prodotti bħal dawn. Ir-riżoluzzjoni tappella wkoll biex il-ġlieda kontra x-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal tiġi inkluża fil-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli ta' ftehimiet tal-UE biex jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem permezz tal-kummerċ internazzjonali.