Il-Politika Agrikola Komuni: L-UE kif tappoġġa lill-bdiewa?

Mill-appoġġ lill-bdiewa sal-ħarsien tal-ambjent, il-politika agrikola tal-UE tkopri firxa ta' suġġetti. Tgħallem kif l-agrikoltura tal-UE hija ffinanzjata, l-istorja tagħha u l-futur tagħha.

X'inhi l-Politika Agrikola Komuni?


L-UE tappoġġa l-biedja permezz tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) tagħha. Stabbilita fl-1962, għaddiet minn numru ta' riformi biex l-agrikoltura ssir aktar ġusta għall-bdiewa u aktar sostenibbli.

Hemm madwar 10 miljun azjenda agrikola fl-UE u s-setturi tal-biedja u tal-ikel flimkien jipprovdu kważi 40 miljun impjieg fl-UE.

Ara l-filmat tagħna dwar il-kronoloġija tal-PAK biex tara kif żviluppat il-politika agrikola.


Kif tiġi ffinanzjata l-PAK?

Il-PAK hija ffinanzjata permezz tal-baġit tal-UE. Skont il-baġit fit-tul2021-2027, twarrbu €386.6 biljun għall-biedja. Hija maqsuma f'żewġ partijiet:

  • €291.1 biljun għall-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG), li jipprovdi appoġġ għad-dħul għall-bdiewa
  • €95.5 biljun għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), li jinkludi finanzjament għaż-żoni rurali, l-azzjoni dwar il-klima u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali.



Kif inhi l-agrikoltura tal-UE llum?

Il-bdiewa u s-settur agrikolu ntlaqtu mill-COVID-19 u l-UE introduċiet miżuri speċifiċi biex tappoġġa l-industrija u d-dħul tagħha. Minħabba dewmien fin-negozjati dwar il-baġit ir-regoli attwali dwar kif għandhom jintefqu l-fondi tal-PAK se jibqgħu validi sal-2023. Dan kien jeħtieġ ftehim tranżitorju biex jiġi protett id-dħul tal-bdiewa u tiġi garantita s-sigurtà tal-ikel.


Skopri aktar fatti u ċifri dwar l-agrikoltura fl-infografika tagħna


Din ir-riforma se tissarraf f'PAK li tirrispetta aktar l-ambjent? (H2)


L-agrikoltura tal-UE hija responsabbli għal madwar 10 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra. Ir-riforma għandha twassal għal politika agrikola tal-UE li tirrispetta aktar l-ambjent, tkun aktar ġusta u trasparenti, qalu l-Membri tal-PE, wara li ntlaħaq ftehim mal-Kunsill. Il-Parlament irid jorbot il-PAK mal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima filwaqt li jżid l-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ u għall-farms żgħar u ta' daqs medju. Il-Parlament approva l-aħħar riforma agrikola f'Novembru 2021. Din se tidħol fis-seħħ fl-2023 u se:

  • ssaħħaħ il-bijodiversità u se taderixxi mal-liġijiet u l-impenji ambjentali u klimatiċi tal-UE.
  • talloka 10% tal-pagamenti diretti lill-farms żgħar u ta' daqs medju
  • toħloq riżerva permanenti għall-kriżijiet biex tintuża meta l-prezzijiet jew is-swieq ikunu instabbli
  • tapplika penali għal dawk li jiksru r-regoli tax-xogħol

Il-politika agrikola hija marbuta mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt tal-Kummissjoni Ewropea, li għandha l-għan li tipproteġi l-ambjent u tiżgura ikel tajjeb għas-saħħa għal kulħadd, filwaqt li tiżgura wkoll l-għajxien tal-bdiewa.

Aktar dwar l-agrikoltura:


Tgħarrif