Ir-rispons tal-UE għall-migrazzjoni u l-ażil

L-Ewropa tattira ħafna migranti u persuni li jfittxu l-ażil. Skopri kif l-UE qed ittejjeb il-politika tagħha dwar l-ażil u l-migrazzjoni.

Ritratt tal-Gwardja tal-Kosta Ellenika tal-Greċja tersaq lejn dgħajsa li fiha 43 rifuġjat Sirjan fil-Baħar Mediterran, lil hinn mill-kosta ta' Lesbos, il-Greċja.
Il-Gwardja tal-Kosta Ellenika tal-Greċja tersaq lejn dgħajsa li fiha 43 rifuġjat Sirjan fil-Baħar Mediterran © UNHCR/Andrew McConnell

Fl-2015 kien hemm 1.83 miljun qsim illegali fil-fruntieri esterni tal-UE. Filwaqt li dan naqas għal madwar 330 000 fl-2022, il-Parlament qed jaħdem fuq għadd ta’ proposti biex jirrimedja n-nuqqasijiet fil-politika tal-UE dwar l-ażil u l-migrazzjoni: mir-riforma tas-sistema tal-ażil sat-tisħiħ tas-sigurtà tal-fruntieri, it-titjib tal-migrazzjoni legali tal-ħaddiema u l-promozzjoni tal-integrazzjoni tar-refuġjati.

Ir-riforma tas-sistema Ewropea tal-ażil

 

L-applikanti għall-ażil: solidarjetà mal-pajjiżi l-aktar esposti

 

B'reazzjoni għall-kriżi tar-refuġjati fl-2015, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposti biex tirriforma s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA) fl-2016, liġijiet ġodda biex tissostitwixxi s-Sistema ta’ Dublin, li tistabbilixxi regoli biex tiddetermina l-allokazzjoni tal-applikanti tal-ażil fost il-pajjiżi tal-UE. Is-Sistema ta’ Dublin poġġiet piż kbir fuq għadd limitat ta’ pajjiżi tal-UE bi fruntieri esterni minħabba li kienu responsabbli għall-ipproċessar tal-biċċa l-kbira tat-talbiet għall-ażil peress li dawn kienu l-ewwel pajjiż tal-UE li fih daħlu l-migranti.

 

Biex tittejjeb din is-sitwazzjoni, fl-2020, il-Kummissjoni pproponiet Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Ir-regolament tal-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni għandu jissostitwixxi r-regolament attwali ta' Dublin bil-għan li jiġu ssimplifikati r-regoli u jitqassar il-limiti ta' żmien.

 

Is-sistema l-ġdida tal-ażil għandha l-għan li tappoġġja lill-pajjiżi ta’ quddiem fi żminijiet ta’ pressjoni billi tintroduċi sistema ġdida ta’ solidarjetà minn pajjiżi oħra tal-UE. Is-sistema l-ġdida tiġi bi flessibbiltà, peress li l-pajjiżi tal-UE se jkunu jistgħu jagħżlu kif jistgħu jgħinu lill-pajjiżi l-oħra tal-UE li jirċievu ħafna migranti jew billi jaċċettaw persuni li jfittxu ażil mill-pajjiż tal-ewwel dħul, jew billi jipprovdu kontribuzzjonijiet finanzjarji jew appoġġ tekniku, meta jkun meħtieġ. Il-Membri tal-PE approvaw il-patt il-ġdid dwar il-migrazzjoni u l-ażil fi Frar 2024. Il-pakkett mistenni jiġi adottat formalment wara l-approvazzjoni finali tal-Parlament f’April.

 

It-tiġdid tal-aġenzija tal-UE għall-ażil

 

Fl-2021, il-Parlament appoġġa t-trasformazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO) fl-Aġenzija tal-UE għall-Ażil. L-aġenzija mġedda tgħin biex il-proċeduri tal-ażil fil-pajjiżi tal-UE jsiru aktar uniformi u aktar malajr.

 

Il-500 espert tagħha se jipprovdu appoġġ aħjar lis-sistemi nazzjonali tal-ażil li jiffaċċjaw għadd kbir ta’ każijiet, u b’hekk il-ġestjoni ġenerali tal-migrazzjoni tal-UE ssir aktar effiċjenti u sostenibbli. Barra minn hekk, l-aġenzija l-ġdida hija inkarigata bil-monitoraġġ tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-proċeduri ta’ protezzjoni internazzjonali u l-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza fl-Istati Membri.

 

L-għoti ta’ fondi tal-UE għall-ażil

 

Fl-2021, il-Membri tal-PE appoġġaw il-ħolqien ta’ Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (IBMF) ġdid u qablu li jallokaw EUR 6.24 biljun għalih. L-IBMF għandu jgħin biex itejjeb il-kapaċitajiet tal-pajjiżi tal-UE fil-ġestjoni tal-fruntieri filwaqt li jiżgura li d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati. Se tikkontribwixxi wkoll għal politika komuni u armonizzata dwar il-viżi u se tintroduċi miżuri protettivi għall-persuni vulnerabbli li jaslu fl-Ewropa, b’mod partikolari t-tfal mhux akkumpanjati.

 

Il-Parlament approva wkoll il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) imġedded ta' EUR 9.88 biljun għall-2021–2027. Il-fond il-ġdid għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-politika komuni dwar l-ażil, l-iżvilupp tal-migrazzjoni legali f’konformità mal-ħtiġijiet tal-Istati Membri, l-appoġġ għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari. Il-fondi għandhom iservu wkoll biex iħeġġu lill-Istati Membri jaqsmu r-responsabbiltà tal-ospitar tar-refuġjati u ta’ dawk li jfittxu l-ażil b’mod aktar ġust.

Rispons għall-kriżi tar-refuġjati Ukreni

 

Minbarra s-sistema tal-ażil, l-UE stabbiliet ukoll mekkaniżmi ta’ protezzjoni temporanji għal gruppi speċifiċi ta’ refuġjati jew persuni spostati. Wieħed minn dawn il-mekkaniżmi huwa d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, li tipprovdi qafas għall-għoti ta’ protezzjoni temporanja fil-każ ta’ wasla ta' massa tan-nies. Id-direttiva ġiet adottata għall-ewwel darba fl-2001 b’reazzjoni għall-kunflitt fil-Balkani.

 

Għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, l-Unjoni Ewropea attivat id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja wara l-invażjoni militari tar-Russja fl-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022. L-UE rreaġixxiet malajr u wriet solidarjetà fl-azzjoni billi għenet lin-nies fil-bżonn. Dan kien jinkludi l-għajnuna umanitarja diretta, l-assistenza ta’ emerġenza għall-protezzjoni ċivili, l-appoġġ fil-fruntiera, kif ukoll l-għoti ta’ protezzjoni lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra u li jidħlu fl-UE.

Is-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE u l-ġestjoni tal-flussi migratorji

 

Il-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet ta’ dawk li jfittxu l-ażil

 

Il-Parlament Ewropew ilu jaħdem biex jissikka l-kontrolli fil-fruntieri u jtejjeb il-kapaċità tal-Istati Membri li jintraċċaw persuni li jidħlu fl-Ewropa.

 

Biex isir dan, il-patt il-ġdid dwar il-migrazzjoni u l-ażil jipproponi proċess ta’ skrinjar aħjar, proċess ta’ ażil aktar mgħaġġel fil-fruntieri u ritorni rapidi għall-applikanti tal-ażil miċħuda.

 

L-għan tal-proċess ta' skrinjar il-ġdid huwa li jipprovdi mod aktar mgħaġġel biex tiġi identifikata l-proċedura l-korretta li l-awtoritajiet għandhom japplikaw għal tali persuna li tidħol fl-UE mingħajr ma tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-dħul. Il-proċedura tinkludi identifikazzjoni, kontrolli tas-saħħa u tas-sigurtà, u it-teħid tal-marki tas-swaba’ u r-reġistrazzjoni fid-database tal-Eurodac.

 

Il-patt jinkludi wkoll il-possibbiltà ta’ proċedura aktar mgħaġġla u simplifikata għat-talbiet għall-ażil direttament wara l-iskrinjar. Dawn għandhom jitlestew fi 12-il ġimgħa, inklużi l-appelli. Fil-każ ta’ rifjut jew ċaħda ta’ talba, l-applikant miċħud għandu jiġi nnotifikat immedjatament bid-deċiżjoni tar-ritorn, u għandu jiġi rritornat fi żmien 12-il ġimgħa.

 

Persuni soġġetti għall-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera mhumiex awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-pajjiż rispettiv.

It-tisħiħ tal-Frontex, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

Il-Frontex, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, tgħin fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera.

L-influss tar-refuġjati fl-2015 għamel pressjoni enormi fuq l-awtoritajiet tal-fruntieri nazzjonali. Il-Parlament appella għat-tisħiħ tal-Frontex u l-Kummissjoni Ewropea pproponiet li testendi l-mandat tal-Frontex u li tittrasformah f’Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta żviluppata bis-sħiħ, bil-għan li ssaħħaħ il-ġestjoni u s-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE u tappoġġa lill-gwardji tal-fruntieri nazzjonali.

Din tnediet uffiċjalment fil-fruntiera esterna Bulgara mat-Turkija f’Ottubru 2016. Il-Frontex tappoġġa lill-UE u lill-pajjiżi ta’ Schengen fl-aspetti kollha tal-ġestjoni tal-fruntieri, mill-appoġġ fuq il-post u l-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera, is-sorveljanza mill-ajru u l-ġbir ta’ informazzjoni, biex tgħin fil-proċeduri ta’ ritorn.

Il-Frontex għandha korp permanenti attwali ta’ aktar minn 2,000 gwardja tal-fruntiera. Hemm pjanijiet biex dan jiżdied għal 10,000 gwardja tal-fruntiera sal-2027.

 

F’Diċembru 2023, il-Membri tal-PE adottaw riżoluzzjoni li fiha talbu lill-Frontex tikkonforma mad-drittijiet fundamentali fl-operazzjonijiet tal-fruntieri, kif ukoll għal aktar responsabbiltà u trasparenza fil-ħidma tal-aġenzija.

 

Kontrolli fil-fruntieri interni

 

Il-pajjiżi tal-UE ilhom idaħħlu mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri fiż-żona Schengen matul dawn l-aħħar ftit snin, u dawn il-kontrolli spiss idumu għal perjodi twal. Sabiex tippreserva l-moviment liberu filwaqt li tindirizza theddid ġenwin għas-sigurtà, il-Kummissjoni ressqet proposta fl-2021 biex tirrevedi r-regoli għaż-żona Schengen.

 

Fi Frar 2024, il-Parlament laħaq ftehim provviżorju mal-gvernijiet nazzjonali dwar regoli li jiċċaraw li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri tibqa’ l-aħħar għażla. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jerġgħu jintroduċu kontrolli bħala eċċezzjoni meta jkun hemm theddida serja għall-politika pubblika jew is-sigurtà interna.

 

Tali kontrolli jkunu limitati għal perjodu ta' xahar u jistgħu jittawlu biss sa tliet xhur fil-każ ta' theddid imprevedibbli. Fil-każ ta' theddid prevedibbli, tali kontrolli jistgħu jibqgħu minn sitt xhur sa sentejn.

 

Bħala alternattiva għall-kontrolli fil-fruntieri interni, ir-regoli l-ġodda jippromwovu l-kooperazzjoni tal-pulizija fir-reġjuni tal-fruntieri biex jindirizzaw movimenti mhux awtorizzati fiż-żona Schengen. Ċittadini mhux tal-UE maqbuda bi status irregolari spiss jaslu minn pajjiż ieħor tal-UE, għalhekk jekk iż-żewġ pajjiżi jkollhom rondi konġunti, il-migranti irregolari jistgħu jiġu trasferiti lura lejn l-ewwel pajjiż tal-UE. Il-Membri tal-PE jridu jeskludu diversi kategoriji, inklużi minorenni mhux akkumpanjati, minn tali ritorni.

 

Il-ftehim huwa mistenni li jiġi adottat formalment f'April 2024.

It-titjib tar-rotot legal tal-migrazzjoni

 

Alternattivi sikuri għal dawk li jfittxu ażil


Mill-2015 'l hawn, skemi ta' risistemazzjoni sponsorjati mill-UE għenu lil aktar minn 119,000 persuna vulnerabbli li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali jsibu kenn fl-UE.

 

Ir-risistemazzjoni hija alternattiva sikura u legali għal dawk li jfittxu ażil għal vjaġġi irregolari, u hija bbażata fuq referenzi mill-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati, l-UNHCR.

 

Taħt l-iskema ta’ Risistemazzjoni u Ammissjoni Umanitarja tal-UE tal-2024-2025, 14-il pajjiż tal-UE wiegħdu li jirrisistemaw 61,000 persuna.

 

Ir-risistemazzjoni hija wkoll element importanti tal-ftehim bejn l-UE u t-Turkija dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni. Minn Marzu 2016 'l hawn, aktar minn 40,000 Sirjan ġew risistemati f'pajjiżi tal-UE.

 

Minbarra dawn l-iskemi, bħala parti mir-reviżjoni tas-sistema tal-ażil u l-migrazzjoni, fl-2016 il-Kummissjoni pproponiet Qafas ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni li permezz tiegħu l-UE titbiegħed minn skemi ta’ risistemazzjoni ad hoc u minflok tadotta pjan ta' risistemazzjoni u ammissjoni umanitarja tal-UE ta’ sentejn. Taħt dan il-pjan, il-pajjiżi tal-UE se joffru risistemazzjoni b’mod volontarju lil nies partikolarment vulnerabbli. Il-pjan għandu jsemmi n-numru massimu totali ta' persuni li għandhom jiġu ammessi, il-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE, u l-prijoritajiet ġeografiċi ġenerali.

 

Il-Membri tal-PE kkonfermaw l-appoġġ tagħhom għall-ftehim provviżorju dwar il-qafas il-ġdid ta' Risistemazzjoni tal-UE fi Frar 2024. Huwa mistenni li jiġi adottat formalment f'April 2024

 

Permessi tax-xogħol għal migranti ekonomiċi

 

L-UE qed taħdem ukoll biex tagħti spinta lill-migrazzjoni legali biex tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema, timla l-lakuni fil-ħiliet u tagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku permezz ta’:

 

  • Il-Karta Blu tal-UE: permess tax-xogħol u tar-residenza għal ħaddiema b’ħiliet għolja li mhumiex mill-UE.
  • Il-permess uniku: permess kombinat ta’ xogħol u residenza, validu għal sentejn u speċifiku għall-pajjiż.

  • L-istatus ta’ residenti fit-tul fl-UE jippermetti liċ-ċittadini mhux tal-UE li jibqgħu u jaħdmu fl-UE għal perjodu indefinit. Ladarba jingħata, l-individwu jista’ jiċċaqlaq u jaħdem fi ħdan il-blokk.

It-trawwim tal-integrazzjoni tar-refuġjati fl-Ewropa

 

Il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni f’azzjoni

 

L-UE qed tieħu wkoll passi biex tgħin lill-migranti jintegraw fis-soċjetà fil-pajjiżi l-ġodda tagħhom. Il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni 2021–2027 jipprovdi finanzjament dirett lill-awtoritajiet lokali u reġjonali għal politiki u programmi ta’ integrazzjoni li jiffukaw fuq il-konsulenza, l-edukazzjoni, il-lingwa u taħriġ ieħor bħal korsijiet ta’ orjentazzjoni ċivika u gwida professjonali.

 

It-titjib tal-kundizzjonijiet għar-refuġjati

 

Id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza qed tiġi riveduta biex tiżgura standards ta’ akkoljenza ekwivalenti madwar il-pajjiżi tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kundizzjonijiet materjali, kura tas-saħħa u standard ta’ għajxien adegwat għal dawk li jitolbu protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jillimitaw ukoll il-movimenti ta’ dawk li jfittxu ażil minn pajjiż tal-UE għal ieħor.

 

Sabiex ikollhom opportunitajiet aħjar biex jgħixu b’mod indipendenti u jintegraw, l-applikanti għall-ażil għandhom jitħallew jaħdmu mhux aktar tard minn disa' xhur mid-data tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom. Huma se jkollhom aċċess għal korsijiet tal-lingwa, kif ukoll korsijiet ta’ edukazzjoni ċivika jew taħriġ vokazzjonali. It-tfal kollha li jitolbu l-ażil għandhom jiġu rreġistrati fl-iskola mhux aktar tard minn xahrejn wara l-wasla tagħhom u l-minuri mhux akkumpanjati se jinħatrilhom gwardjan.

 

L-applikanti għall-ażil se jkollhom aċċess għal kundizzjonijiet ta’ akkoljenza biss fil-pajjiż li jkun qed jittratta l-applikazzjoni tagħhom.

Fi Frar 2024, il-kumitat tal-libertajiet ċivili tal-Parlament appoġġja ftehim milħuq f’Diċembru 2022 mal-Kunsill dwar dawn ir-regoli. Huwa mistenni li jidħol fis-seħħ wara l-approvazzjoni finali tal-Parlament f’April 2024.