Sassoli dwar il-corona: Dan huwa żmien gravi u l-Parlament mhux se jibqa' idu f'idu

Jeħtieġ li l-UE tkun minn ta' quddiem biex terġa' tvara l-ekonomija Ewropea wara l-kriżi tal-corona, qal il-President Sassoli lill-mexxejja tal-UE fis-26 ta' Marzu

European Parliament President, David Sassoli, intervention at the video conference European Summit meeting, today in Brussels.
David Sassoli

Huwa u jitkellem fil-bidu ta' vidjokonferenza mal-mexxejja tal-UE ddedikata għall-indirizzar tat-tifqigħa tal-Covid-19, Sassoli qal li, minkejja li bħalissa rridu nikkonċentraw fuq miżuri marbuta mas-saħħa, jeħtiġilna wkoll naħsbu dwar kif “nerġgħu nvaraw l-ekonomija Ewropea u nħarsu l-impjiegi u l-mudell soċjali tagħna”.

“Diġà nafu żgur li t-tifqigħa tal-Covid19 se tiskatta kontrazzjoni bla preċedent tal-ekonomija Ewropea, f'waqt meta ġa kienet qed tbati minn tkabbir kajman u minn rata tal-inflazzjoni baxxa wisq. Ma nistgħux naffordjaw li l-kriżi gravi tas-saħħa li għaddejjin minnha llum tiżviluppa fi kriżi finanzjarja, ekonomika, soċjali u politika.”

Sassoli semma l-miżuri sinifikanti li l-UE diġà qed tieħu, bħall-pakkett li ressqet il-Kummissjoni Ewropea, imma qal ukoll li kien jeħtieġ li nfasslu strumenti ġodda. Qal ukoll li kien importanti li l-kapital tal-Bank Ewropew tal-Investiment jiżdied biex il-Bank jkun jista' jappoġġja l-impriżi żgħar u ta' daqs medju.

Inizjattiva oħra li l-President semma kienet il-ħtieġa ta' mekkaniżmu ta' dejn komuni “li jippermettilna niksbu l-fondi fis-suq abbażi ta termini ndaqs għal kulħadd u niffinanzjaw il-politiki meħtieġa biex nerġgħu nvaraw l-Unjoni wara din il-pandemija”.

Sassoli żied jgħid: “Ħadd ma għandu jieħu pass lura. Kulħadd għandu jkun kommess li jipproteġi l-pajjiżi tagħna. Din il-kriżi jew se tiżvela l-kapaċità reali tagħna li nibnu l-futur tal-Ewropa, jew inkella se tfisser id-disfatta tal-proġett Ewropew.”

Sostna li kien kruċjali li niżguraw li l-istituzzjonijiet tal-UE jibqgħu jaħdmu. “Jeħtiġilna nagħtu prova liċ-ċittadini tagħna li l-Unjoni Ewropea hija r-risposta t-tajba għal din l-emerġenza u għall-kriżi li se tiġi warajha.”

“Il-Parlament se jibqa' miftuħ u nittamaw li dalwaqt ikollna l-miżuri meħtieġa għall-votazzjonijiet. Dan huwa żmien gravi u l-Parlament mhux se jibqa' idu f'idu,” sostna l-President.