COVID-19: attenzjoni għall-prattiki qarrieqa u żleali online 

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

©Ngampol/Adobe Stock  

L-UE qed tieħu azzjoni kontra l-kummerċjanti online li jisfruttraw il-biża' marbuta mat-tifqigħa tal-coronavirus biex ibigħu kuri foloz jew jgħollu l-prezzijiet.

Minħabba l-kwarantina u l-iżolament ta' ħafna nies, ix-xiri online qed jiżdied. Waqt li nippruvaw nipproteġu ruħna u lill-familja tagħna mill-virus, xi kummerċjanti japprofittaw minn din l-ansjetà biex ibigħu kuri foloz jew prodotti li, allegatament, jipprevjenu l-infezzjoni bi prezzi għoljin ħafna.

 

Dawn il-frodi jirrigwardaw diversi prodotti fosthom maskri u brieret, mediċini u sanitizzaturi tal-idejn irreklamati b'mod qarrieq bħala "l-unika kura kontra l-coronavirus" jew "l-unika protezzjoni kontra l-coronavirus" u mibjugħa bi prezz ferm ogħla mill-valur reali. Il-kummerċjanti jużaw ukoll tattiki oħrajn, pereżempju jgħidu li l-prodott dalwaqt jispiċċa biex iġiegħlu lill-konsumatur jixtrih.

 

Għal xiex għandek toqgħod għassa?

Trid toqgħod għassa għal xi sinjali bħal dawn li jistgħu juruk li hemm qerq:

  • stqarrijiet espliċiti jew impliċiti li prodott jista' jipprevjeni jew ifejjaq il-COVID-19;
  • l-użu ta' sorsi mhux uffiċjali bħal nies li jagħmluha tabirruħhom tobba biex isostni l-istqarrijiet tagħhom;
  • l-użu ta' ismijiet jew logos ta' awtoritajiet governattivi, esperti uffiċjali jew istituzzjonijiet internazzjonali li minnhom il-kummerċjanti jippretendu li għandhom l-appoġġ iżda mingħajr ma jagħtu hyperlinks jew referenzi għal dokumenti uffiċjali;
  • affermazzjonijiet li l-prodott huwa "disponibbli llum biss", "jinbiegħ malajr”", eċċ.;
  • affermazzjonijiet vagi bħal "l-orħos prezz fis-suq", "l-uniku prodott li jista' jfejjaq l-infezzjoni tal-COVID-19" eċċ.;
  • prezzijiet eżorbitanti minħabba, allegatament, is-setgħat ta' fejqan tal-prodotti.

 

Jekk tiltaqa' ma' affermazzjonijiet qarrieqa jew mhux ikkonfermati minn provi fuq pjattaforma online, uża l-għodda li tippermettilek tirrapporta l-preżenza tagħhom lill-operaturi tal-pjattaforma. Kun af li xi drabi huma l-ħbieb jew il-familjari, li jkunu sfaw imqarrqa, li qasmu miegħek din l-informazzjoni falza mhux għal t'apposta, iżda biex mingħalihom jgħinuk.

 

Dejjem fittex sorsi li tista' tafda biex ikollok informazzjoni dwar il-coronavirus: gvernijiet nazzjonali, awtoritajiet tas-saħħa jew organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinja tas-Saħħa.

 

X'qed tagħmel l-UE f'dan ir-rigward?

Biex twaqqaf il-prattiki qarrieqa online dwar il-coronavirus, il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-konsumatur tal-Istati Membri varaw numru ta' miżuri komuni. Fl-20 ta' Marzu, dawn l-awtoritajiet ħarġu pożizzjoni komuni dwar l-prattiki qarrieqa u żleali l-aktar komuni biex jgħinu lill-pjattaformi online jidentifikaw aħjar dawn il-prattiki illegali, ineħħuhom u jevitaw milli jerġgħu jitfaċċaw oħrajn simili.

 

Fit-23 ta' Marzu, Didier Reynders, il-Kummissarju għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi, kiteb ittra lil diversi pjattaformi, midja soċjali, magni tat-tiftix u swieq online biex jitlobhom jikkooperaw billi jneħħu mill-pjattaformi tagħhom il-prattiki qarrieqa bħal kuri foloz għall-coronavirus.

 

Fl-UE id-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali tipprojbixxi ċerti prattiki, fosthom dawk li jqarrqu bil-konsumaturi f'dawk li huma benefiċċji jew riżultati mistennija minn prodott billi jaffermaw li jista' jfejjaq marda jew li huwa disponibbli għal żmien limitat biss. Il-kummerċjanti għandhom juru bil-provi li l-prodott għall-bejgħ jista' jfejjaq marda. L-operaturi tal-pjattaformi attivi fl-UE li jsiru jafu b'attività illegali fuq is-siti web tagħhom huma obbligati li jintervjenu.

 

Biex jinħoloq spazju diġitali aktar sikur għall-utenti u għall-kumpaniji fl-UE kollha, il-Kummissjoni Ewropea qalet li biħsiebha tipproponi Liġi ġdida dwar is-Servizzi Diġitali sa tmiem l-2020.

 

Fl-20 ta' Ottubru, il-Parlament adotta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu u enfasizza l-prinċipju ta' "dak li hu illegali offline huwa wkoll illegali online". Qal ukoll li l-protezzjoni tal-konsumaturi u s-sikurezza tal-utenti għandhom ikunu l-prinċipji gwida. Il-Parlament appella wkoll għal rekwiżiti aktar severi għall-pjattaformi u għas-servizzi ta' intermedjazzjoni online biex jaffrontaw il-kummerċjanti diżonesti jew frawdolenti li jbigħu online prodotti foloz, illegali jew perikolużi.

 

F'riżoluzzjoni adottata f'Novembru 2020, il-Parlament reġa' talab sikurezza aħjar tal-prodotti. L-Ewroparlamentari jridu aktar miżuri li jiżguraw li l-prodotti kollha li jinbiegħu fl-UE jkunu sikuri, sew jekk jinbiegħu online jew fil-ħwienet, sew jekk minn produtturi tal-UE jew ta' pajjiżi terzi. L-Ewroparlamentari qed jitolbu sorveljanza tas-suq aħjar, aktar kontroll u aktar responsabbiltà għas-swieq diġitali, u dawn se jiġu rikjesti japplikaw l-istess regoli kemm lill-kumpaniji tal-UE kif ukoll lil dawk ta' pajjiżi terzi li jbigħu l-prodotti tagħhom l-UE.