Il-Coronavirus: pariri prattiċi għas-sikurezza tas-safar

Wara lockdown li dam għaddej ix-xhur, l-ivvjaġġar u t-turiżmu reġgħu bdew bil-mod. X'tirrakkomanda l-Unjoni Ewropea biex l-ivjaġġar isir b'mod sikur.

©DisobeyArt/Adobe Stock
©DisobeyArt/Adobe Stock

Hekk kif il-pajjiżi tal-UE qed ineħħu ftit ftit il-miżuri ta' konfinament, l-Ewropej x'aktarx se jkunu jistgħu jivvjaġġaw dan is-sajf, jekk is-sitwazzjoni tas-saħħa u r-restrizzjonijiet nazzjonali jippermettu.

Filwaqt li n-nies jeħtieġ li jieħdu prekawzjonijiet u jsegwu struzzjonijiet dwar is-saħħa u s-sikurezza mill-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet linji gwida u rakkomandazzjonijiet biex jgħinuk tivvjaġġa b'mod sikur:

10 rakkomandazzjonijiet għal safar bla periklu waqt il-kriżi tal-coronavirus

  • Irriżerva l-biljetti u agħmel online check-in biex tevita l-kju meta jkun possibbli.
  • Irrispetta d-distanzi bejnek u ħaddieħor meta tibgħat il-bagalji, waqt il-kontrolli tas-sigurtà, l-imbark u meta tiġbor il-bagalji.
  • Abbord jista' jkun permess numru inqas ta' passiġġieri u tista' tintalab tpoġġi 'l bogħod mill-passiġġieri li ma jgħixux fl-istess dar miegħek.
  • Meta d-distanzi bejnek u ħaddieħor ikunu diffiċli li jinżammu, tista' tintalab tilbes maskra.
  • Abbord jaf ma jkunux aktar disponibbli l-ikel, ix-xorb u oġġetti oħra.
  • Il-kumpaniji tat-trasport jistgħu jinstallaw barrieri protettivi, pereżempju bejn il-passiġġieri u x-xufier. Tista' tintalab tirkeb mill-bieb ta' wara.
  • Ikun tajjeb li x-xufiera, kull darba li jieqfu, jiftħu awtomatikament il-bibien biex il-passiġġieri ma jkollhomx għalfejn imissu l-buttuni jew il-manki.
  • L-istazzjonijiet, il-portijiet u l-ajruporti għandhom jiggarantixxu tindif u diżinfezzjoni regolari u jipprovdu prodotti sanitizzanti/diżinfettanti anki abbord.
  • Għandu jkun hemm ventilazzjoni adegwata fil-mezzi kollha tat-trasport.
  • Il-passiġġieri jistgħu jagħżlu bejn rimborż jew rotta alternattiva għall-biljetti kkanċellati. Jekk il-kumpanija tat-trasport toffri vawċer, xorta għandek id-dritt titlob rimborż.