Theddidiet għas-saħħa: Intejbu t-tħejjija u l-ġestjoni tal-kriżijiet tal-UE 

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

©Vchalup/AdobeStock  

Programm ġdid tal-UE bil-għan li jsaħħaħ is-sistemi tas-saħħa Ewropej biex jirrispondu aħjar għal kriżijiet transfruntieri kbar fil-futur, bħall-pandemija tal-COVID-19.

It-tifqigħa tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa li l-pajjiżi tal-UE jikkooperaw u jikkoordinaw aħjar fi żminijiet ta' kriżi u li jsaħħu l-kapaċità tal-UE li tirrispondi b'mod effikaċi għal theddidiet transfruntieri ġodda u futuri għas-saħħa.


Abbażi tat-tagħlimiet meħuda, programm ġdid tal-Unjoni għas-saħħa li jismu "l-UE għas-Saħħa" għandu l-għan li jelimina n-nuqqasijiet evidenzjati mill-pandemija. L-Istati Membri huma primarjament kompetenti għall-politika tas-saħħa iżda l-UE tista' tikkomplementa u tappoġġa l-miżuri nazzjonali u tadotta leġiżlazzjoni f'setturi speċifiċi.


Skopri aktar dwar il-politika tas-saħħa tal-UE.


Minbarra protezzjoni aħjar mill-kriżijiet u ġestjoni aħjar tagħhom permezz tat-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri u l-għoti ta' kura aħjar, il-programm l-UE għas-Saħħa għandu wkoll l-għan li jrawwem l-innovazzjoni u l-investiment u jtejjeb is-saħħa.

3 prijoritajiet ewlenin tal-"UE għas-Saħħa" 
  • Protezzjoni tal-persuni minn theddidiet transfruntieri serji għas-saħħa 
  • Disponibbiltà aħjar ta' mediċini 
  • Sistemi tas-saħħa aktar b'saħħithom 

"UE għas-Saħħa" huwa parti mill-pjan ta' rkupru "Next Generation EU".

Fit-13 ta' Novembru, il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-programm il-ġdid tal-UE dwar is-saħħa. Il-membri tal-PE talbu li jkun hemm Mekkaniżmu Ewropew ta' Rispons dwar is-Saħħa biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE fi żminijiet ta' kriżi, sistema Ewropea ta' monitoraġġ tal-iskarsezza tal-mediċini u apparat mediku, enfasi akbar fuq il-prevenzjoni tal-mard u d-diġitalizzazzjoni permezz ta' Rekord Ewropew tas-Saħħa elettronika.

Fil-Ftehim proviżorju dwar il-baġit fit-tul tal-UE għall-2021-2027 li ntlaħaq fl-10 ta' Novembru, it-tim tal-Parlament innegozja żieda fil-baġit għal dan il-programm għal EUR 5.1 biljuni mill-EUR 1.7 biljun proposti mill-Istati Membri.

Issa jeħtieġ li l-Parlament u l-Kunsill jinnegozjaw l-aħħar regoli, ħalli l-programm ikun jista' jiġi implimentat mill-bidu tal-2021.

Il-programm se jkopri l-perjodu 2021-2027, iżda l-azzjonijiet kollha relatati mal-irkupru ta' wara l-kriżi għandhom jiġu applikati fl-ewwel snin.


X'ipproponiet il-Kummissjoni? L-indirizzar tat-theddidiet transfruntieri għas-saħħa

Il-programm għandu l-għan li jsaħħaħ il-prevenzjoni, it-tħejjija, is-sorveljanza u r-rispons fi żminijiet ta' kriżi u li jtejjeb il-koordinazzjoni tal-kapaċità f'każ ta' emerġenza. Għandu l-għan li jibni riżervi ta' mediċini u provvisti mediċi, persunal u esperti tal-kura tas-saħħa u li jipprovdi assistenza teknika.


Ir-"RescEU" - li huwa parti mill-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE - se jkompli jipprovdi reazzjoni rapida u jiffoka fuq il-kapaċitajiet ta' reazzjoni diretta għall-kriżijiet, filwaqt li "l-UE għas-Saħħa" jinkludi kumulazzjoni ta' riżervi mediċi strateġiċi għal użu aktar fit-tul u riżerva ta' persunal mediku li jista' jiġi mobilizzat f'każ ta' kriżi.


Il-mediċini u l-provvisti mediċi jsiru disponibbli u affordabbli

L-UE trid tappoġġa l-isforzi biex jiġu mmonitorjati l-iskarsezzi tal-mediċini, tal-apparati mediċi u ta' prodotti (tal-kura tas-saħħa) oħra rilevanti għall-kriżi, u tillimita d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet ta' mediċini u ingredjenti farmaċewtiċi attivi minn pajjiżi terzi. Hija għandha wkoll l-għan li tagħti spinta lill-innovazzjoni u lill-produzzjoni li tagħmel inqas ħsara lill-ambjent.

Tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa u tal-forza tax-xogħol tal-kura tas-saħħa

Is-sistemi nazzjonali tas-saħħa għandhom isiru aktar effiċjenti u reżiljenti billi: tingħata spinta lill-investiment fi programmi ta' prevenzjoni tal-mard; jiġi appoġġat l-iskambju tal-aħjar prattiki; ikun hemm kooperazzjoni globali; u jingħata aċċess aħjar għall-kura tas-saħħa.

"Saħħa waħda" 
  • "L-UE għas-Saħħa" huwa bbażat fuq l-approċċ "Saħħa Waħda" Jirrikonoxxi li s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali huma interkonnessi, li l-mard jista' jiġi trażmess mill-bnedmin għall-annimali u viċe versa u li għalhekk it-tnejn għandhom jiġu indirizzati 
  • u li l-bnedmin u l-annimali huma konnessi permezz tal-ambjent. 

Nindirizzaw l-isfidi fit-tul

 

Fost il-kwistjonijiet l-oħra li "l-UE għas-Saħħa" għandu l-għan jindirizza, insibu:

 

  • l-għoti ta' kura tas-saħħa għall-but ta' kulħadd u ta' kwalità tajba lil kulħadd, billi jitneħħew l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa
  • iż-żieda fl-użu tal-innovazzjonijiet diġitali
  • l-indirizzar tal-mard li ma jitteħidx permezz tat-titjib tad-dijanjosi, il-prevenzjoni u l-kura, b'mod partikolari l-kanċer, il-mard kardjovaskulari, id-dijabete, is-saħħa mentali (l-għan huwa li l-mortalità prematura titnaqqas b'terz sal-2030)
  • ir-rakkomandazzjoni tal-użu prudenti tal-antibijotiċi u l-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi
  • It-titjib tar-rati ta' kopertura tat-tilqim fl-Istati Membri
  • l-espansjoni ta' inizjattivi ta' suċċess (bħan-Networks Ewropej ta' Referenza li jgħaqqdu lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa biex jappoġġaw lil pazjenti milquta minn mard rari)
  • l-indirizzar tal-impatt tat-tniġġis ambjentali u t-tibdil demografiku (inkluża popolazzjoni li qed tixjieħ) fuq is-saħħa pubblika
L-UE għas-Saħħa se jsaħħaħ is-sistemi nazzjonali permezz ta' finanzjament: 
  • Appoġġ u konsulenza mfassla apposta għall-pajjiżi 
  • Taħriġ għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa biex jintuża fl-UE kollha 
  • Awditjar tal-arranġamenti tat-tħejjija u tar-rispons tal-Istati Membri 
  • Provi kliniċi biex jitħaffef l-iżvilupp ta' mediċini u tilqim 
  • Kollaborazzjoni u sħubijiet transfruntieri 
  • Twettiq ta' studji, ġbir ta' data u benchmarking 

Aktar investiment fis-saħħa se jiġi pprovdut permezz ta' programmi oħra tal-UE, inklużi: il-fondi Ewropej ta' koeżjoni u ta' żvilupp reġjonali għall-infrastruttura medika, il-programm Orizzont Ewropa għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tas-saħħa, l-FSE+ għat-taħriġ u l-appoġġ għal gruppi vulnerabbli fl-aċċess għall-kura tas-saħħa.


Il-Parlament qed jappella għal Unjoni Ewropea tas-Saħħa


  • F'riżoluzzjoni adottata fl-10 ta' Lulju, il-Parlament stabbilixxa l-prinċipji tiegħu għal strateġija tas-saħħa tal-UE wara l-Covid. L-MEPs għal darb'oħra enfasizzaw il-ħtieġa li jinsiltu l-lezzjonijiet tajbin mill-pandemija tal-coronavirus, u appellaw għal Unjoni Ewropea tas-Saħħa mgħammra b'għodod aktar b'saħħithom biex tindirizza l-emerġenzi tas-saħħa futuri.

Fil-11 ta' Novembru, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat sett ta' proposti għall-bini ta' Unjoni Ewropea tas-Saħħa. Dawn jinkludu t-tisħiħ tal-ġestjoni tal-kriżi tal-UE biex tlaħħaq ma' theddid transkonfinali serju għas-saħħa u mandati aktar b'saħħithom għaċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA).

Il-Parlament kien ippromwova b'mod konsistenti t-twaqqif ta' politika koerenti dwar is-saħħa pubblika. F'riżoluzzjoni adottata fis-17 ta' April, il-Parlament talab ukoll baġit apposta biex jappoġġa s-setturi nazzjonali tal-kura tas-saħħa matul il-kriżi, kif ukoll għal investiment wara l-kriżi biex is-sistemi tal-kura tas-saħħa jsiru aktar reżiljenti u ffukati fuq dawk l-aktar fil-bżonn.