COVID-19: is-sorveljanza diġitali, il-fruntieri u d-drittijiet tal-bniedem

Il-miżuri kontra COVID-19 huma meħtieġa; l-impatt tagħhom fuq il-privatezza u l-libertà jrid ikun proporzjonat u temporanju, jgħid il-President tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem.

MEP Maria ARENA _
MEP Maria ARENA

Il-kriżi tal-COVID-19 qed tkun ta' prova għal uħud mill-prinċipji fundamentali tal-UE. F'Facebook Live, il-President tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem Maria Arena tkellmet dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-bniedem tar-rispons tal-UE għall-kriżi tal-COVID-19.


Arena qalet li matul il-kriżi, l-UE kellha rwol importanti biex issostni l-moviment liberu tal-merkanzija u s-servizzi, inklużi l-mediċini u t-tagħmir lejn il-pajjiżi li kienu jeħtiġuhom l-aktar, iżda li huwa "importanti ħafna li mmorru lura għal-libertà ta' moviment għaċ-ċittadini." Hija qalet li l-Ewropa mingħajr dan mhijiex Ewropa.


L-UE qed tikkoordina l-Istati Membri biex inaqqsu l-kontrolli fil-fruntieri li huma r-riżultat tal-COVID-19 biex tippermetti li l-persuni jerġgħu jibdew jivvjaġġaw, iżda l-miżuri għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-virus jibqgħu – u xi wħud minnhom iqajmu tħassib dwar il-privatezza. Fosthom hemm l-apps ta' traċċar tal-COVID-19 li l-UE rrikonoxxiet bħala mod li bih tista' tgħin biex jinfetħu l-fruntieri. "Huwa importanti li naħdmu bit-teknoloġija, inkluż it-traċċar ta' persuni għall-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni, iżda għandna nirrispettaw il-prinċipji," qalet Arena.

"L-app trid tirrispetta l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data." Hija nnutat li l-PE talab numru ta' salvagwardji rigward l-apps ta' traċċar f'riżoluzzjoni, adottata fis-17 ta' April.

L-informazzjoni pproċessata trid tiġi trattata fil-qafas tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data, li tipprovdi ċertu livell ta' garanzija għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u mhux skont il-leġiżlazzjoni ta' emerġenza, żiedet tgħid Arena.

Meta ġiet mistoqsija dwar kif il-privatezza tista' tiġi bbilanċjata mat-thermoscanning ta' dawk li jivvjaġġaw u l-fatt li dawn jintalbu jippreżentaw ċertifikat mediku meta jkunu fi tranżitu lejn ċerti pajjiżi, hija qalet hekk: "Naqbel li f'sitwazzjoni normali ma jkunx normali li jkun hemm dan it-tip ta' monitoraġġ. Imma issa dan mhuwiex il-każ. Jekk irridu niftħu l-fruntieri mill-ġdid, jekk irridu nimmonitorjaw is-sitwazzjoni pandemika, jeħtieġ li jkollna aktar informazzjoni."

Segwi l-intervista tagħna fuq Facebook Live ma' Maria Arena.

Hija ttrattat ukoll id-deterjorament tad-drittijiet tal-bniedem f'xi pajjiżi matul il-pandemija. "Issa għandna nerġgħu lura għan-normal u nġibu d-drittijiet tal-bniedem lura fiċ-ċentru tad-diskussjoni."


Is-solidarjetà hija l-aspett l-aktar importanti biex nindirizzaw il-kriżi; il-President tal-Kumitat DROI kkonkludiet li: "L-Ewropa tixbah proprju lil dgħajsa: ma tistax issalva l-parti ta' quddiem ta' dgħajsa mingħajr ma ssalva wara."

Agħti ħarsa lejn il-kronoloġija tal-azzjoni tal-UE kontra l-COVID-19