Ix-xiri online: inwaqqfu l-imblukkar ġeografiku u r-ridirezzjonar awtomatiku

Aħbar tajba għax-xerrejja online: daqshekk imblukkar ġeografiku u ridirezzjonar awtomatiku Ir-regoli vvutati mill-PE saru realtà fit-3 ta' Diċembru 2018. Kompli aqra biex issir taf aktar.

Ix-xiri online huwa parti mill-ħajja ta' kuljum ta' ħafna Ewropej. Sew jekk ħwejjeġ, apparati elettroniċi, tagħmir domestiku u għamara, 57 % taċ-ċittadini tal-UE xtraw xi ħaġa online fl-2017. Ix-xiri online huwa wieħed mill-attivitajiet favoriti tal-utenti tal-internet (68 % tal-utenti tal-internet xtraw xi ħaġa online fl-2017).

Ix-xiri online ma jiqafx fil-fruntieri: fl-2017, terz tax-xerrejja online xtraw mingħand bejjiegħ f'pajjiż ieħor tal-UE. Madankollu, ix-xerrejja jistgħu jiltaqgħu ma' diversi ostakli li jwaqqfuhom milli jakkwistaw dak li jixtiequ.


Fit-3 ta' Diċembru 2018, ir-regolament li jtemm l-imblukkar ġeografiku jsir applikabbli. Skont dan ir-regolament, il-bejjiegħa bl-imnut tal-UE jridu jagħtu lill-konsumaturi aċċess għal prodotti u servizzi bl-istess termini fl-UE kollha, irrispettivament minn fejn ikunu qed jikkollegaw ruħhom.

Il-Membri tal-Parlament Ewropew nhar it-Tlieta 6 ta' Frar 2018 approvaw ir-regolament.

X'inhu l-imblukkar ġeografiku?

L-imblukkar ġeografiku huwa kwalunkwe restrizzjoni imposta mill-ħwienet online abbażi tan-nazzjonalità, il-post ta' residenza jew il-post ta' kollegament.

Pereżempju, meta tkun qed tixtri mill-Belġju u ssib li trid fuq sit Franċiż. Timla l-karru tiegħek, tivverifika li għażilt id-daqs it-tajjeb, u tikklikkja "ixtri". Fuq l-iskrin tiegħek jitla' l-messaġġ "Qed tiġi ridirett lejn il-paġna Belġjana ta' dan is-sit web", u titla' l-paġna Belġjana tas-sit web, fejn il-prodott li tixtieq ma jkunx disponibbli.

Dan jissejjaħ ridirezzjonar awtomatiku, u huwa wieħed minn diversi ostakli li waqqaf lix-xerrejja milli jagħżlu l-ħanut online li ppreferew.

Forom oħra ta' diskriminazzjoni tal-konsumaturi jinkludu:

  • is-sit web ma jaċċettax mezzi ta' ħlas (pereżempju karti ta' kreditu) minn pajjiż differenti
  • l-utent ma jitħalliex jirreġistra fuq is-sit web minħabba l-indirizz fiżiku jew tal-post minn fejn jikkollega ruħu.

Studju mill-Kummissjoni Ewropea, li analizza eluf ta' siti web mill-UE kollha, skopra li kien biss fi 37 % tal-każijiet li l-utenti setgħu jixtru minn pajjiż ieħor tal-UE u tħallew jiffinalizzaw ix-xirja u jakkwistaw il-prodotti li riedu. Fil-bqija tal-każijiet, l-utenti online esperjenzaw xi forma ta' restrizzjoni, magħrufa komunement bħala imblukkar ġeografiku


Ir-raġunijiet għaliex il-Parlament ħadem biex iwaqqaf l-imblukkar ġeografiku

Il-Parlament Ewropew ried li din id-diskriminazzjoni tintemm, sabiex in-nies ikunu jistgħu jibbenefikaw, kemm online kif ukoll offline, minn suq uniku integrat.

Roza Thun (Polonja, PPE) li mexxiet ir-regolament mill-Parlament, qalet: "Wara r-roaming, wara l-portabbiltà, tassew kburija li, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, irnexxielna nsibu soluzzjoni għall-problema tal-imblukkar ġeografiku. Dan se jaqdi lil miljuni ta’ ċittadini."

Ir-regoli l-ġodda japplikaw għal firxa wiesgħa ta' prodotti u servizzi, li jinkludu:

  • oġġetti fiżiċi bħal għamara u apparat elettroniku
  • servizzi online, bħas-servizzi cloud u l-ospitar ta' siti web
  • servizzi ta' divertiment bħal biljetti għal parks ta' divertiment, kunċerti

X'jiġri meta jintemm l-imblukkar ġeografiku għal prodotti oħra?

Il-Parlament Ewropew assigura li l-Kummissjoni Ewropea se tagħmel evalwazzjoni ta' tmiem l-imblukkar ġeografiku fi żmien sentejn, filwaqt li qed iqis ukoll li jinkludi materjali protetti bid-drittijiet tal-awtur bħal kotba elettroniċi u prodotti awdjoviżivi li s'issa esklużi mir-regolament.

Aktar artikli dwar ix-xiri online: