X'inhi n-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju? Kif tista' tinkiseb sal-2050?  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-foresti jgħinu biex il-karbonju jiġi assorbit mill-atmosfera. Ritratt ta' Sebastian Pichler fuq Unsplash  

Skont il-Ftehim ta' Pariġi, l-UE impenjat ruħha għal newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sat-tieni nofs tas-seklu 21. Dan xi jfisser fil-prattika?

It-tibdil fil-klima diġà qed jolqot id-dinja kollha, u l-kundizzjonijiet ta' temp estrem, bħan-nixfiet, il-mewġiet ta' sħana, ix-xita qawwija, l-għargħar u l-uqigħ tal-art qed isiru aktar frekwenti, anke fl-Ewropa. Konsegwenzi oħra tat-tibdil rapidu fil-klima jinkludu żieda fil-livelli tal-ibħra, l-aċidifikazzjoni tal-oċeani u t-telf tal-bijodiversità.

Sabiex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1.5 gradi Celsius, li hu livell ta' limitu suġġerit bħala sikur mill-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), in-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sa nofs is-seklu 21 hija essenzjali. Din il-mira hija mniżżla wkoll fil-ftehim ta' Pariġi ffirmat minn 195 pajjiż, inkluża l-UE.

Il-miri tal-Ftehim ta' Pariġi  
  • Li l-livell massimu dinji ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra jintlaħaq malajr kemm jista' jkun  
  • Li jkun hemm tnaqqis rapidu  

X'inhi n-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju?

In-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju tfisser li jkun hemm bilanċ bejn l-emissjonijiet tal-karbonju u l-assorbiment tal-karbonju mill-atmosfera fi bjar tal-karbonju. It-tneħħija tal-ossidu tal-karbonju mill-atmosfera u l-ħżin tiegħu huma magħrufa bħala l-assorbiment tal-karbonju. Sabiex jinkisbu emissjonijiet żero netti, l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra se jkollhom jiġu kontrobilanċjati permezz tal-assorbiment tal-karbonju.

"Bir tal-karbonju" tfisser kwalunkwe sistema li tassorbi aktar karbonju milli tipproduċi. Il-bjar tal-karbonju naturali ewlenin huma l-ħamrija, il-foresti u l-oċeani. Skont l-istimi, il-bjar naturali jneħħu bejn 9.5 u 11-il Gt ta' CO2 fis-sena. L-emissjonijiet annwali dinjija ta' CO2 laħqu 37.1 Gt fl-2017.

Sa issa, l-ebda bir artifiċjali tal-karbonju ma jista' jneħħi l-karbonju mill-atmosfera fuq l-iskala meħtieġa biex jiġi miġġieled it-tisħin globali.

Il-karbonju maħżun fi bjar naturali bħall-foresti jiġi rilaxxat fl-atmosfera permezz tan-nirien tal-foresti, bidliet fl-użu tal-art jew il-qtugħ tas-siġar. Din hi r-raġuni għalfejn huwa essenzjali t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju sabiex tintlaħaq in-newtralità klimatika.

Il-kumpens għal emissjonijiet ta' karbonju

Mod ieħor kif jitnaqqsu l-emissjonijiet u tiġi segwita n-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju huwa li l-emissjonijiet li jinħolqu f'settur jiġu kumpensati billi jitnaqqsu xi mkien ieħor. Dan jista' jsir permezz ta' investiment fl-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u teknoloġiji oħra nodfa u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. L-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS) hija eżempju ta' sistema ta' kumpens għall-emissjonijiet ta' karbonju.

L-għanijiet tal-UE

L-UE hija impenjata favur politika ambizzjuża fir-rigward tal-klima. Il-mira attwali tagħha hija li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra b'40% sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

F'Novembru 2018, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat strateġija fit-tul biex l-UE tikseb ekonomija b'impatt newtrali fuq il-klima sal-2050, filwaqt li f'Ġunju 2019, il-mexxejja tal-UEtalbu lill-pajjiżi tal-UE u lill-Kummissjoni "javvanzaw il-ħidma [...] sabiex tiġi żgurata transizzjoni għal UE b'impatt newtrali fuq il-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi."

F'riżoluzzjoni f'Marzu 2019, il-Parlament Ewropew talab mira aktar ambizzjuża għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030, sabiex jintlaħaq l-għan tan-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sal-2050.

Fil-preżent, tliet pajjiżi tal-UE stabbilixxew il-mira tan-newtralità klimatika fil-liġi: L-Iżvezja timmira li tilħaq emissjonijiet netti żero sal-2045, u Franza u r-Renju Unit sal-2050.