Big data: definizzjoni, benefiċċji, sfidi (infografika) 

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Tgħallem aktar dwar x'inhi l-big data u dwar il-benefiċċji u l-isfidi tagħha għan-nies, in-negozji u l-ambjent.

L-użu tagħna tal-apparat elettroniku qed jiżdied, u l-proċessi tal-produzzjoni qed isiru dejjem aktar diġitalizzati. Dan ifisser li kuljum qed jiġu ġġenerati kwantitajiet kbar ta' data diġitali fl-ekonomija u mill-attivitajiet personali u soċjali tan-nies. Il-Kummissjoni tbassar li l-ammont globali totali ta' data se jikber b'530% sal-2025 meta mqabbel mal-2018.

Id-data hija parti importanti mit-trasformazzjoni diġitali tal-UE. L-intelliġenza artifiċjali, prijorità tal-UE, tiddependi fuq id-data, u l-iżvilupp tagħha jiddependi fuq kif id-data se tiġi ġestita fl-Ewropa.

Id-data hija wkoll parti integrali mis-servizzi diġitali li jsawru l-ħajja tagħna ta' kuljum u l-ekonomija. Il-Parlament qed jaħdem fuq il-leġiżlazzjoni dwar id-data biex jiżgura li n-nies, in-negozji, l-irkupru u t-tranżizzjoni ekoloġika jibbenefikaw minn strateġija ta' data effiċjenti. Biex jinfetaħ il-potenzjal tal-big data, il-Parlament qed jaħdem ukoll biex isaħħaħ il-kondiviżjoni tad-data.

Aqra aktar dwar l-opportunitajiet tal-IA u dak li jrid il-Parlament.

Infografika li tispjega l-big data  

X'inhi l-big data?

Il-Big data tirreferi għal settijiet ta' data miġbura li huma tant kbar u kumplessi li, biex jiġu pproċessati, jeħtieġu teknoloġiji ġodda, bħall-IA. Id-data tiġi minn ħafna sorsi differenti. Ħafna drabi din tkun tal-istess tip, pereżempju, id-data tal-GPS minn miljuni ta' mowbajls tintuża biex ittaffi l-konġestjoni tat-traffiku; iżda tista' tkun ukoll taħlita, bħar-rekords tas-saħħa u l-użu tal-apps tal-pazjenti. It-teknoloġija tippermetti li din id-data tinġabar malajr ħafna, kważi fil-ħin reali, u tiġi analizzata biex jinkiseb għarfien ġdid.

Minn fejn tiġi l-big data? 
  • Hija tista' tiġi prodotta min-nies: fl-apps tal-mowbajl, fuq l-internet, inklużi l-midja soċjali u t-tranżazzjonijiet kummerċjali, ir-rekords tal-gvern elettroniku ... 
  • Tista' tiġi ġġenerata minn magni u tinġabar permezz ta' sensuri f'oġġetti marbuta mal-Internet tal-Oġġetti, inklużi karozzi intelliġenti, fabbriki, satelliti tal-GPS u satelliti li jiġbru data dwar it-temp eċċ. 

L-opportunitajiet tal-big data

Il-big data tippreżenta opportunitajiet kbar f'għadd ta' oqsma.

L-industrija

Il-big data tippermetti lill-kumpaniji jkunu innovattivi, jew billi janalizzaw aħjar il-ħtiġijiet u x-xewqat tan-nies jew billi joffru prodotti kompletament ġodda. Filwaqt li d-data personali hija ċentrali għat-tħaddim ta' apps u pjattaformi li saru parti importanti minn ħajjitna u mill-ekonomija tagħna, sfruttament aħjar tad-data industrijali jista' jġib mewġa ġdida ta' innovazzjoni fl-UE. Id-data tista' wkoll ittejjeb il-produttività u tgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż, pereżempju billi tbassar il-bejgħ jew il-manutenzjoni f'fabbriki intelliġenti.

L-Ambjent

Id-data satellitari tista' ttejjeb ir-riċerka u tgħin lill-UE tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u tgħin fil-prevenzjoni u r-reazzjoni għal diżastri naturali bħan-nirien fil-foresti. It-titjib fl-effiċjenza tal-produzzjoni fl-industrija għandu jnaqqas l-emissjonijiet u l-iskart.

Il-kura tas-saħħa

Analiżi ta' settijiet kbar ta' data klinika, pereżempju rekords tas-saħħa anonimizzati jew data mdaħħla mill-pazjenti fl-apps, tista' tippermetti dijanjostika, trattament u żvilupp aħjar tal-mediċina, filwaqt li tnaqqas l-ispejjeż.

L-agrikoltura

Il-bdiewa jistgħu jużaw data minn satelliti u sensuri biex jużaw aħjar ir-riżorsi bħall-ilma jew id-dawl tax-xemx u jadattaw l-għelejjel għaċ-ċirkostanzi li jkunu qed jinbidlu.

Is-settur pubbliku

Id-data u l-analitika avvanzata jistgħu jżidu l-effiċjenza u l-effettività tas-servizzi pubbliċi ħalli dawn joffru servizzi mfassla aħjar għaċ-ċittadini u jtejbu t-trasparenza.

It-trasport

Il-big data miġbura mill-GPS u mill-midja soċjali tista' tgħin biex jittaffew il-konġestjonijiet tat-traffiku. Regolamentazzjoni aħjar tal-flussi tat-traffiku tikkontribwixxi wkoll għall-iffrankar fil-ħin u fil-fjuwil u tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2.

Infografika dwar l-Istrateġija Ewropea tad-Dejta  

L-isfidi tal-big data


L-opportunitajiet mitlufa

Jekk l-UE titlef l-opportunità li tisfrutta l-potenzjal tal-big data, dan jista' jfisser implimentazzjoni inqas ottimali ta' programmi ewlenin tal-UE, bħall-Patt Ekoloġiku u konsegwenzi negattivi għall-konsumaturi, in-negozji u l-ekonomija.

Il-protezzjoni tad-drittijiet

Peress li l-fornituri ta' servizzi diġitali għandhom aktar informazzjoni dwar l-utenti milli viċi versa, żbilanċ mhux regolat tal-poter jista' jikkawża l-fatt li l-preferenzi u anke d-dgħufijiet jiġu sfruttati għal gwadann kummerċjali jew politiku.

Reklami mmirati ħafna jqajmu tħassib dwar manipulazzjoni possibbli, fejn il-preferenzi u anke d-dgħufijiet tal-konsumaturi jiġu sfruttati.

Valutazzjonijiet awtomatizzati bbażati fuq id-data jistgħu jfissru l-kategorizzazzjoni ta' individwi jew gruppi, u din tista' twassal biex dawn jiġu esklużi minn, pereżempju, opportunitajiet professjonali jew kopertura medika.