Għaliex iċ-ċibersigurtà hija importanti għall-UE?

Minn data misruqa għal sistemi ta' sptarijiet imblukkati: l-attakki ċibernetiċi jista' jkollhom konsegwenzi perikolużi. Skopri aktar dwar iċ-ċibersigurtà u l-importanza tagħha.

Il-pandemija tal-coronavirus aċċellerat it-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u tas-soċjetà, u ġabet magħha opportunitajiet u sfidi. Sal-2030, se jkun hemm 125 biljun apparat konness mal-internet, żieda mis-27 biljun li kien hemm fl-2017 u 90% tan-nies li għandhom 'il fuq minn 6 snin jistgħu jkunu online. Minħabba li ċ-ċiberspazju huwa maħsub biex ikun interkonness, ir-rabta dejjem tikber bejn il-lat diġitali u dak fiżiku toħloq perikli ġodda.

Attakki ċibernetiċi, ċibersigurtà u ċiberdifiża – definizzjonijiet

  • L-attakki ċibernetiċi huma attentati ta' użu ħażin ta' informazzjoni, permezz tas-serq, il-qerda jew l-esponiment tagħha, u għandhom l-għan li jfixklu jew jeqirdu s-sistemi u n-networks tal-kompjuter.
  • Iċ-ċibersigurtà tinkludi s-sigurtà tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, it-teknoloġija operazzjonali u l-pjattaformi tal-IT meħtieġa biex tiġi żgurata s-sikurezza tas-sistemi diġitali.
  • Iċ-ċiberdifiża tinkludi ċ-ċibersigurtà u l-istrateġiji u l-analiżijiet tat-theddid għall-protezzjoni kontra t-theddid dirett lejn iċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet u l-gvernijiet.

It-theddid ċibernetiku fl-UE: spejjeż personali u soċjetali


L-użu ta' soluzzjonijiet diġitali ilu jiżdied u t-telexogħol, ix-xiri online u ż-żamma ta' kuntatt online żdiedu b'mod drastiku matul il-lockdown. Dawn is-soluzzjonijiet jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi u jappoġġaw l-ekonomija u l-irkupru wara l-COVID-19. Madankollu, kien hemm żieda korrispondenti fl-attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi.

22.3 biljun

Stima tal-għadd ta' apparati tal-internet tal-oġġetti mistennija li jkunu qed jintużaw sal-2024

L-aggressuri jistgħu jużaw siti web tal-phishing u emails b'links u annessi malizzjużi biex jisirqu informazzjoni bankarja jew jirrikattaw lill-organizzazzjonijiet wara li jimblukkawlhom is-sistemi tal-IT u d-data.

Ċiberspazju sigur huwa l-bażi għas-suq uniku diġitali tal-UE: l-iffaċilitar ta' soluzzjonijiet u l-iżblukkar tal-potenzjal sħiħ tiegħu billi jingħata lok fejn in-nies ikunu aktar kunfidenti online. L-indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) tal-2019 wera li t-tħassib dwar is-sigurtà llimita jew żamm lura lil 50% tal-utenti tal-internet tal-UE milli jwettqu attivitajiet online. Fid-DESI tal-2020, 39% taċ-ċittadini tal-UE li użaw l-internet esperjenzaw problemi relatati mas-sigurtà.

Skopri aktar dwar kif tipproteġi lilek innifsek miċ-ċiberkriminalità

€5.5 triljun

L-ispiża annwali taċ-ċiberkriminalità għall-ekonomija globali fl-2020, li hija d-doppju ta' dik tal-2015, stima tal-Kummissjoni

Il-ħsara kkawżata minn attakki ċibernetiċi tmur lil hinn mill-ekonomija u l-finanzi u essenzjalment taffettwa l-pedamenti demokratiċi tal-UE u thedded il-funzjonament bażiku tas-soċjetà.

Is-servizzi essenzjali u s-setturi kritiċi bħat-trasport, l-enerġija, is-saħħa u l-finanzi, saru dejjem aktar dipendenti fuq it-teknoloġiji diġitali. Dan, flimkien maż-żieda fl-oġġetti fiżiċi konnessi mal-internet tal-oġġetti, jista' jkollu konsegwenzi diretti, inkluż li ċ-ċibersigurtà ssir kwistjoni ta' ħajja u mewt.

Minn attakki ċibernetiċi fuq sptarijiet, li jwassluhom biex jipposponu proċeduri mediċi urġenti, għal attakki fuq il-grilji tal-enerġija u l-provvista tal-ilma – l-aggressuri qed jheddu l-provvista ta' servizzi essenzjali. U hekk kif il-karozzi u d-djar isiru dejjem aktar konnessi, dawn jistgħu jiġu mhedda jew sfruttati b'modi mhux previsti.

L-attakki ċibernetiċi, varati pereżempju b'diżinformazzjoni, pressjoni ekonomika u attakki armati konvenzjonali, qed jittestjaw ir-reżiljenza tal-istati u l-istituzzjonijiet demokratiċi, billi jattakkaw direttament lill-paċi u s-sigurtà fl-UE.

Iċ-ċibersigurtà fl-UE

In-negozji u l-organizzazzjonijiet fl-UE jonfqu 41% inqas fuq iċ-ċibersigurtà mill-kontropartijiet tagħhom fl-Istati Uniti. L-Unjoni Ewropea qed taħdem biex issaħħaħ iċ-ċibersigurtà b'tali mod li tippermetti lill-UE ssir attur ċibernetiku globali. Reċentement, il-Membri tal-PE talbu kapaċitajiet komuni tal-UE fil-qasam taċ-ċiberdifiża u qed jaħdmu biex jiżguraw livell komuni għoli ta' ċibersigurtà fl-UE.