Kif nistgħu nnaddfu l-attività maħmuġa tal-ħasil tal-flus

Il-kriżi u t-teknoloġiji l-ġodda għamluha aktar faċli għall-kriminali li jaħslu l-flus, minkejja d-direttivi attwali tal-UE fis-seħħ u l-aħjar sforzi tal-aġenziji għall-infurzar tal-liġi. Il-kumitat speċjali tal-Parlament dwar il-kriminalità organizzata tella' sessjoni ta' smigħ pubblika fit-12 ta' Novembru biex jiddiskuti mal-esperti dwar x'jista' jsir.

View of the material seized by the Spanish National Police ©BELGA/EFE/A.Diaz
Il-ħasil tal-flus għadu problema © BELGA_EFE_A.Diaz

L-ambitu tal-problema


Fl-2009, il-ħasil tal-flus kien jirrappreżenta 2.7% tal-prodott domestiku gross tad-dinja, li jammonta għal madwar $1,600 biljun.


Il-kriminali jaħslu l-qligħ li jkunu kisbu b'mod illeġittimu f'ħafna modi differenti. Pereżempju, dan jista' jsir permezz ta' tranżazzjonijiet fittizji, billi jinħolqu rebħiet foloz mil-logħob tal-azzard jew billi jiġu sfruttati s-servizzi bankarji fuq l-internet.


L-użu tal-logħob tal-azzard fuq l-internet għall-ħasil tal-flus


Il-logħob tal-azzard fuq l-internet jintuża mill-kriminali bħala mod effiċjenti għall-ħasil tal-flus, qal Ingo Fiedler tal-Università ta' Amburgu. Huwa ta eżempju lill-kumitat dwar kemm hu faċli dan il-metodu. Pereżempju, kieku kont qlajt €200,000 mit-traffiku illegali tad-droga, int tista' tiddepożita l-flus f'kont bankarju f'rifuġju fiskali. Imbagħad tiftaħ kont biex tilgħab poker fuq l-internet billi tuża dan il-kont bankarju. Wara li tilgħab, tibgħat is-somma li jkun fadal lill-kont bankarju ta' vera tiegħek bħala rebħa mil-logħob tal-azzard. Peress li l-flus li jintrebħu b'dan il-mod huma eżentati mit-taxxa, dan il-metodu għandu viżibilità baxxa u ma tantx jiswa.


L-infiltrazzjoni fis-sistema bankarja


Il-kriżi ħolqot opportunitajiet addizzjonali biex il-kriminalità organizzata tinfiltra fis-settur bankarju, wissa Antonio Maria Costa, li kien sottosegretarju ġenerali tan-NU. Il-banek kellhom ifittxu flus ġodda peress li l-kriżi finanzjarja pparalizzat is-self interbankarju. Il-gruppi kriminali jistgħu jisfruttaw dan l-element biex iżidu l-influwenza tagħhom billi, pereżempju, jiddepożitaw karti tal-flus, jakkwiżixxu ishma u jpoġġu fuq bordijiet. Il-banek li jkunu involuti fil-ħasil tal-flus normalment qatt ma jiġu kkastigati.


X'se jagħmel il-PE


Il-Kumitat Speċjali dwar il-Kriminalità Organizzata se joħroġ b'rakkomandazzjonijiet. Il-Membru Taljan (Grupp PPE) Salvatore Iacolino, li se jkun qed jabbozza l-proposti finali tal-kumitat, qal li jista' jkun li regoli armonizzati fil-livell tal-UE jkunu aktar effikaċi minn sistema frammentata li toħloq lakuni li jistgħu jiġu sfruttati.


Il-pass li jmiss


Il-Kummissjoni Ewropea hi mistennija tipproponi direttiva ġdida fil-bidu tal-2013, li tkun tiffoka fuq ir-rifuġji fiskali.