Il-pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari: miri ġodda tal-UE għar-riċiklaġġ

Il-pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari l-ġdid jistabbilixxi miri ambizzjużi għar-riċiklaġġ u r-rimi f'landfill għall-UE. Kun af liema huma l-għanijiet legalment vinkolanti u l-iskadenzi.

L-immaniġġjar tal-iskart b'mod aktar effiċjenti huwa l-ewwel pass lejn ekonomija ċirkolari, fejn il-biċċa l-kbira tal-prodotti u l-materjali, jekk mhux kollha, jiġu riċiklati jew użati mill-ġdid ripetutament. Fit-18 ta' April, il-MPE adottaw il-pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari, li jistabbilixxi miri ġodda legalment vinkolanti u skadenzi fissi għar-riċiklaġġ tal-iskart u t-tnaqqis tar-rimi f'landfill. Għad irid jiġi approvat mill-Kunsill qabel ma jkun jista' jidħol fis-seħħ.

 

Il-pakkett jinkludi mira komuni tal-UE għar-riċiklaġġ ta' mill-inqas 55 % tal-iskart muniċipali sal-2025; din il-mira se tiżdied għal 60 % sal-2030 u 65 % sal-2035. Hija wkoll prevista mira komuni tal-UE għar-riċiklaġġ ta' 65 % tal-iskart mill-imballaġġ sal-2025 u 70% sal-2030) Ser ikun hemm miri separati għal materjali speċifiċi:

 

 

Sal-2025

Sal-2030

L-imballaġġ kollu

65%

70%

Plastik

50%

55%

Injam

25%

30%

Metall ferruż

70%

80%

Aluminju

50%

60%

Ħġieġ

70%

75%

Karta u kartun

75%

85%

 

Sal-2035, se jiġi ddepożitat f'landfill mhux aktar minn 10 % tal-iskart muniċipali.

 

L-iskart għandu impatt negattiv fuq l-ambjent, il-klima, is-saħħa tal-bniedem u l-ekonomija u minkejja li l-immaniġġjar tal-iskart fl-UE ttejjeb b'mod konsiderevoli f'dawn l-aħħar deċennji, aktar minn kwart tal-iskart muniċipali għadu jintrema f'landfill u inqas min-nofs jiġi riċiklat u jew kompostat. Hemm varjazzjonijiet kbar bejn l-Istati Membri.