Ewropa Soċjali: x'qed jagħmel il-Parlament fil-qasam tal-politika soċjali  

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Mit-tfulija sa l-irtirar, il-politiki soċjali huma importanti fl-istadji kollha ta' ħajjitna. Skopri liema regoli tal-UE qed jaħdem fuqhom il-Parlament.

©AP images/European Union - EP  

Firxa wiesgħa ta' sfidi

Meta mqabbla mal-bqija tad-dinja, l-Ewropa għandha l-aħjar livelli ta' protezzjoni soċjali u qiegħda fuq quddiem f'termini ta' kwalità tal-ħajja u benesseri. Madankollu, qed tiffaċċja firxa wiesgħa ta' sfidi.

L-effetti tal-kriżi ekonomika għadhom jinħassu b'mod profond f'ħafna Stati Membri u, anki jekk is-sitwazzjoni tjiebet f'ħafna pajjiżi, għad hemm differenzi kbar fl-UE. Ir-rati tal-qgħad qed jonqsu b'mod ġenerali, iżda jvarjaw ħafna fost il-pajjiżi tal-UE.

Ir-rati baxxi ta' twelid u t-tixjiħ tal-popolazzjoni huma wkoll ta' sfida għas-sostenibbiltà tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali.

Il-ħajja tax-xogħol qed tinbidel permezz tal-innovazzjoni teknoloġika, il-globalizzazzjoni u t-tkabbir tas-settur tas-servizzi. Mudelli ta' negozju ġodda fl-ekonomija kollaborattiva b'forom aktar flessibbli ta' xogħol qed isiru aktar importanti.

Il-kompetenza fil-politiki soċjali: L-UE vs il-gvernijiet nazzjonali

L-UE għandha biss kompetenza limitata f'dak li għandu x'jaqsam ma' kwistjonijiet soċjali peress li ħafna minnhom huma f'idejn il-gvernijiet nazzjonali.

Ir-responsabbiltà għall-impjiegi u l-politika soċjali taqa' fil-biċċa l-kbira fuq l-Istati Membri u l-gvernijiet tagħhom. Dan ifisser li l-gvernijiet nazzjonali - u mhux l-UE - jiddeċiedu dwar kwistjonijiet bħar-regolamenti dwar il-pagi, inklużi l-paga minima, ir-rwol tan-negozjar kollettiv, is-sistemi tal-pensjonijiet u l-età tal-irtirar, u dwar il-benefiċċji tal-qgħad.

Madankollu, matul is-snin, l-UE ħadmet fuq kwistjonijiet soċjali matul il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea u ħarġet b'sensiela ta' strumenti fis-settur soċjali. Dawn jinkludu liġijiet, fondi u għodod tal-UE sabiex jikkoordinaw u jimmonitorjaw aħjar il-politiki nazzjonali. L-UE tħeġġeġ ukoll lill-pajjiżi biex jaqsmu l-aħjar prattiki dwar kwistjonijiet bħall-inklużjoni soċjali, il-faqar u l-pensjonijiet. Fl-1957, it-Trattat ta' Ruma diġà kien jinkludi prinċipji fundamentali bħall-pagi indaqs għan-nisa u l-irġiel kif ukoll id-dritt tal-ħaddiema li jiċċaqalqu b'mod ħieles fi ħdan l-UE. Biex din il-mobilità tkun possibbli, ġew adottati aktar dispożizzjonijiet, bħar-regoli għar-rikonoxximent reċiproku ta' diplomi, garanziji rigward it-trattament mediku meta persuni jkunu msifrin u salvagwardji dwar drittijiet tal-pensjoni diġà miksuba.

Barra minn hekk, hemm ukoll regoli tal-UE dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, bħall-ħin tax-xogħol jew ix-xogħol part-time, kif ukoll leġiżlazzjoni li tittratta d-diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol u biex jitħarsu s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema.

L-UE tikkomplementa u tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jorganizzaw il-kura tas-saħħa u jtejbu s-saħħa tal-Ewropej permezz ta' finanzjament u leġislazzjoni dwar firxa wiesgħa ta' suġġetti, bħall-prodotti u s-servizzi tas-saħħa, l-ikel sikur, il-ġlieda kontra l-mard, l-arja nadifa jew il-postijiet tax-xogħol li jġibu 'l quddiem is-saħħa.

F'Novembru 2017, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ħabbru l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex iwasslu drittijiet ġodda u aktar effettivi għan-nies u jappoġġaw swieq tax-xogħol u sistemi ta' protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb. Il-Pilastru huwa bbażat fuq 20 prinċipju u jinkludi għadd ta' inizjattivi marbuta ma' opportunitajiet indaqs u l-aċċess għas-suq tax-xogħol; kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti; u protezzjoni soċjali adegwata u sostenibbli.

Sa mill-fażijiet bikrija tal-integrazzjoni Ewropea, il-Parlament sikwit appella lill-UE biex tkun aktar attiva rigward kwistjonijiet soċjali u appoġġa l-proposti tal-Kummissjoni f'dan il-qasam.

Id-drittijiet soċjali għall-Ewropej li jaħdmu barra minn pajjiżhom

Ir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jiżguraw li n-nies ma jitilfux il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali tagħhom meta jmorru jgħixu f'pajjiż ieħor tal-UE.

Fl-2019, il-Membri tal-Parlament Ewropew approvaw pjanijiet għat-twaqqif ta' Awtorità Ewropea tax-Xogħol, biex tiġi żgurata l-applikazzjoni ġusta u sempliċi tar-regoli tal-UE dwar il-mobilità tal-ħaddiema u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali.

Fl-2018, il-Parlament approva leġiżlazzjoni ġdida dwar l-istazzjonar ta' ħaddiema biex tiġi żgurata paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post.

Assistenza għall-persuni qiegħda u għaż-żgħażagħ

Imniedi fl-1957, il-Fond Soċjali Ewropew huwa l-istrument prinċipali tal-UE għall-promozzjoni tal-impjiegi u tal-inklużjoni soċjali. Dan għen lil miljuni ta' nies biex jitgħallmu ħiliet ġodda u jsibu impjieg.

Il-Membri qed jaħdmu fuq verżjoni ġdida simplifikata tal-fond b'enfażi speċifika fuq iż-żgħażagħ u t-tfal tal-UE. Il-Fond Soċjali Ewropew Plus se jgħaqqad għadd ta' fondi u programmi eżistenti, u jipprovdi appoġġ aktar immirat u integrat.


Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jingħataw is-sensja b'riżultat ta' bidliet fix-xejriet kummerċjali globali, bħal pereżempju meta kumpanniji kbar jagħlqu, jew il-produzzjoni tiġi ttrasferita barra l-UE. Il-Membri tal-PE bħalissa qed jaħdmu fuq regoli ġodda għal fond aktar aċċessibbli u orjentat lejn il-futur għall-perjodu ta' wara l-2020, biex jilqgħu aħjar l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni u l-bidliet ambjentali.

In-Netwerk tas-Servizzi Ewropej tax-Xogħol (EURES) huwa netwerk li jirrigwarda l-mobilità tal-impjiegi li jipprovdi informazzjoni, gwida u servizzi ta' reklutaġġ u kollokament lill-persuni li jkunu qed ifittxu x-xogħol u għal min iħaddem.


Sabiex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ, fl-2013, il-pajjiżi tal-UE qablu li jniedu l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, inizjattiva tal-UE biex dawk iż-żgħażagħ kollha taħt l-età ta' 25 sena jingħataw offerta ta' xogħol ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jitilqu mill-edukazzjoni formali.

Imniedi fi tmiem l-2016, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għandu l-għan li joħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jagħmlu volontarjat jew jaħdmu fi proġetti li jgawdu minnhom il-komunitajiet u l-persuni fl-Ewropa kollha.

Aqra aktar dwar miżuri tal-UE biex tindirizza l-qgħad fost iż-żgħażagħ

Kundizzjonijiet tax-xogħol

Fl-2019, il-Parlament Ewropew adotta regoli ġodda li jintroduċu drittijiet minimi ġodda dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol biex jipproteġu l-ħaddiema kollha fl-UE, inklużi l-aktar impjegati vulnerabbli b'kuntratti atipiċi u f'impjiegi mhux standard, bħall-ħaddiema tal-ekonomija tal-gigs.

Il-Membri tal-PE jadottaw regolarment regoli aġġornati tal-UE dwar il-protezzjoni tal-persuni fuq il-post tax-xogħol, pereżempju billi jiffissaw valuri ta' limitu tal-esponiment aktar stretti għal sustanzi kimiċi li jagħmlu l-ħsara.

Aqra aktar dwar kif l-UE ttejjeb id-drittijiet tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol

Titjib tas-saħħa pubblika


L-UE tirregola l-awtorizzazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-mediċini permezz tan-netwerk regolatorju Ewropew tal-mediċini. Ladarba fis-suq, is-sikurezza tal-prodotti awtorizzati tkompli tiġi mmonitorjata.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE tistabbilixxi rekwiżiti għas-saħħa u s-sikurezz minimi fuq il-post tax-xogħol: dispożizzjonijiet dwar l-użu ta' tagħmir, il-protezzjoni ta' ħaddiema nisa tqal u ħaddiema żgħażagħ u l-esponiment għall-istorbju jew għal sustanzi speċifiċi, bħalma huma l-karċinoġeni u l-mutaġeni.

L-UE għandha regoli li jiggarantixxu livell għoli ta' sikurezza fl-istadji kollha tal-proċess tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ikel.


Regolament ġdid dwar il-prodotti mediċinali veterinarji ġie adottat fl-2018, biex jitrażżan l-użu tal-antibijotiċi fil-biedja u jitwaqqaf it-tixrid tar-reżistenzi mill-annimali għall-bnedmin.


L-ilmijiet għall-għawm huma mmonitorjati għal batterji minn pajjiżi tal-UE permezz tad-direttiva dwar l-ilma għall-għawm.


Il-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC) tiżgura li n-nies li jgħixu fl-UE jista' jkollhom aċċess għal kura tas-saħħa medikament meħtieġa u pprovduta mill-istat waqt żjara temporanja fil-pajjiżi kollha tal-UE.


Aqra aktar dwar kif l-UE tgħin biex titjieb is-saħħa pubblika.

Suq tax-xogħol inklużiv

Il-Parlament ippropona ġabra ta' miżuri biex jiżguraw li n-nies li jkunu morda jistgħu faċilment jerġgħu lura għax-xogħol, filwaqt li l-ħaddiema b'mard kroniku jew b'diżabilità jistgħu jiġu integrati aħjar fis-suq tax-xogħol.

Fl-2019, il-Membri tal-PE approvaw ukoll l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà biex jagħmlu ħafna prodotti u servizzi ta' kuljum - bħal smartphones, kompjuters jew ATMs - aċċessibbli għall-anzjani u għal persuni b'diżabilità fl-UE.