Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: għajnuna estiża għal ħaddiema ddikjarati żejda 

Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-Parlament jappoġġja regoli ġodda dwar il-FEG biex dan isir aktar aċċessibbli u jkun kapaċi jindirizza l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni u l-bidliet ambjentali.

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huwa waħda mill-azzjonijiet tal-UE favur Ewropa iktar soċjali. Il-globalizzazzjoni tista' tikkawża bidliet strutturali sinifikanti fil-kummerċ dinji, u dan ifisser li l-ħaddiema jistgħu jiġu ddikjarati żejda.

Fl-2006, biex tappoġġja lill-persuni li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-globalizzazzjoni jew minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika u peress li meta jiġu ddikjarati żejda dan iħalli impatti negattivi sinifikanti fuq l-ekonomiji reġjonali jew lokali, l-UE ħolqot il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG). Dan huwa fond ta' solidarjetà ta' emerġenza, u bħala strument finanzjarju speċjali, jiġi mmobilizzat fuq bażi "ad hoc". Il-FEG jikkofinanzja proġetti biex jgħin lill-ħaddiema jsibu impjiegi ġodda jew jiftħu n-negozju tagħhom.

Skopri x'tagħmel l-UE fir-rigward tal-ġestjoni tal-globalizzazzjoni.

Jeżistu regoli speċifiċi li jiddeterminaw meta u għal kemm żmien grupp ta' ħaddiema jista' jibbenefika mill-Fond.

Il-każijiet tal-FEG huma ġestiti mill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali. Il-Fond ma jikkofinanzjax affarijiet bħal pereżempju l-pensjonijiet jew il-benefiċċji tal-qgħad.

Attwalment il-Parlament qiegħed jaħdem fuq regolament ġdid għall-Fond għall-perjodu ta' wara l-2020:


  • L-għan huwa li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni biex tiġi offruta assistenza f'każ ta' avvenimenti ta' ristrutturar kbar marbuta mad-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju. Il-Membri tal-PE qed jipproponu li l-isem tal-Fond jinbidel għall-"Fond Ewropew għat-Tranżizzjoni"
  • Peress li ħafna ħaddiema huma impjegati mill-SMEs [intrapriżi żgħar u medji] fejn it-telf ta' impjiegi wkoll jista' jkollu impatt sinifikanti fuq ir-reġjuni ż-żgħar, il-Membri tal-PE qed jipproponu li s-soll minimu tat-telf tal-impjiegi jitnaqqas mill-500 ta' bħalissa għal 200 u li l-perjodu ta' referenza jiġi estiż.
  • Huma jridu wkoll li l-proċeduri ta' applikazzjoni jitħaffu.

Il-passi li jmiss

Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni issa jeħtieġ li jinnegozjaw ir-regoli finali.