It-tnaqqis tal-qgħad: X'inhi l-funzjoni tal-UE?

Wara tnaqqis kostanti mill-2013, fl-2020, il-pandemija wasslet għal żieda fil-qgħad tal-UE. Skopri kif l-UE taħdem biex tnaqqas il-qgħad u tiġġieled il-faqar.

Persuna tfittex l-impjieg fuq paġna ta' reklami ta' xogħol fil-gazzetta © AP Images/Unjoni Ewropea - PE
Li tfittex xogħol tista' tkun sfida © AP Images/Unjoni Ewropea – PE

Għalkemm il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol tal-UE u d-drittijiet tal-ħaddiema tjiebu b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, il-ġlieda kontra l-qgħad u l-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID jibqgħu sfidi ewlenin għall-Unjoni Ewropea fit-triq tagħha lejn impjiegi ta' kwalità u Ewropa soċjalment inklużiva.

 

Tgħallem aktar dwar kif l-UE tipproteġi l-impjiegi u l-ħaddiema affettwati mill-pandemija tal-coronavirus.

 

Saru sforzi f'għadd ta' oqsma, inkluż biex jgħinu liż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol, jiġġieldu l-qgħad fit-tul, jaġġornaw il-ħiliet tagħhom u jiffaċilitaw il-mobilità tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea.

 

Ir-rata tal-qgħad fl-UE

 

F'April 2021, ir-rata tal-qgħad fiż-żona tal-Euro kienet ta' 8%, li jfisser li naqqset minn 8.1% f'Marzu 2021 u żdiedet minn 7.3% f'April 2020.

L-UE vs il-kompetenzi tal-Istati Membri

 

Il-pajjiżi tal-UE għadhom primarjament responsabbli għall-politiki tal-impjieg u l-politiki soċjali. Madankollu, l-UE tikkomplementa u tikkoordina l-azzjonijiet tal-Istati Membri u tippromwovi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki.

 

Skont l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-UE għandha tikkunsidra l-objettiv ta' livell għoli ta' impjieg meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet kollha tagħha.

L-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi

 

Fl-1997, il-pajjiżi tal-UE stabbilew sett ta' objettivi u miri komuni għall-politika tal-impjiegi, biex jiġġieldu l-qgħad u joħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar fl-UE, magħrufa wkoll bħala l-istrateġija Ewropea għall-impjiegi (EES).

 

Il-Kummissjoni tissorvelja u timplimenta l-istrateġija permezz tas-Semestru Ewropew, ċiklu annwali ta' koordinazzjoni ta' politiki ekonomiċi u tal-impjieg fil-livell tal-UE.

 

Fil-kuntest tas-Semestru tal-UE u abbażi tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi - prijoritajiet u miri komuni għall-politiki nazzjonali dwar l-impjiegi - tiġi evalwata s-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi fl-Ewropa. Sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jimxu 'l quddiem, il-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, abbażi tal-progress tagħhom lejn kull għan.

 

Kif isir il-finanzjament?

 

Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) huwa l-istrument ewlieni tal-Ewropa biex tiżgura opportunitajiet ta' xogħol aktar ġusti għaċ-ċittadini kollha tal-UE - ħaddiema, żgħażagħ u dawk kollha li qed ifittxu impjieg.

 

Il-Parlament Ewropew ippropona li jiżdied il-finanzjament fil-baġit fit-tul tal-UE għall-perjodu 2021-2027. Il-verżjoni l-ġdida tal-fond, magħrufa bħala l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), b'baġit ta' EUR 88 biljun tiffoka fuq l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll fuq l-aċċess ugwali għal impjiegi ta' kwalità, l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar.

 

Il-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) għandu l-għan li jgħin biex il-politiki tal-impjieg u l-politiki soċjali jiġu modernizzati, jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għal intrapriżi soċjali jew għal persuni vulnerabbli li jixtiequ jiffurmaw mikrointrapriża u jippromwovi l-mobilità tal-forza tax-xogħol permezz tan-network EURES. In-Network tal-Impjiegi Ewropej jiffaċilita l-mobilità billi jipprovdi informazzjoni lill-impjegati u lill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu xogħol u għandu wkoll bażi ta' data għall-postijiet tax-xogħol vakanti u applikazzjonijiet fl-Ewropa kollha.

 

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) jappoġġja lill-ħaddiema li jitilfu xogħolhom minħabba l-globalizzazzjoni, peress li l-kumpaniji jaf jagħlqu jew imexxu l-produzzjoni tagħhom lejn pajjiżi terzi, jew minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja, biex isibu xogħol ġdid jew jistabbilixxu n-negozji tagħhom.

 

Il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) jappoġġja l-inizjattivi tal-Istati Membri biex jipprovdu ikel, għajnuna materjali bażika u attivitajiet ta' inklużjoni soċjali lill-persuni l-aktar fil-bżonn.

 

Il-verżjoni aġġornata tal-FSE+ tgħaqqad (il-FSE, l-EaSI, il-FEAD u l-Inizjattiva favur l-impjieg taż-Żgħażagħ) u tipprovdi appoġġ aktar integrat u mmirat liċ-ċittadini.

 

Il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ

 

Fost il-miżuri tal-UE għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ hemm il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, impenn mill-Istati Membri li jiżgura li ż-żgħażagħ kollha li għandhom anqas minn 30 sena jirċievu offerta għal impjieg ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba' xhur minn meta jitilfu l-impjieg jew minn meta jħallu l-edukazzjoni formali. L-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ hija appoġġjata mill-investiment tal-UE, permezz tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ.

 

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jippermetti liż-żgħażagħ jagħmlu volontarjat u jaħdmu fi proġetti relatati mas-solidarjetà fl-Ewropa kollha. Il-pjattaforma "L-ewwel impjieg EURES tiegħek" tgħin liż-żgħażagħ li għandhom bejn it-18 u l-35 sena u interessati li jiksbu esperjenza professjonali barra minn pajjiżhom, isibu kollokament tax-xogħol, traineeship jew apprendistat.

 

Il-ħiliet tajbin iwasslu għal impjieg tajjeb

 

Permezz tal-promozzjoni u t-titjib tal-ksib tal-ħiliet, li jagħmlu l-kwalifiki aktar komparabbli u jipprovdu informazzjoni dwar id-domanda għall-ħiliet u l-impjiegi, l-UE tappoġġja liċ-ċittadini biex isibu impjiegi ta' kwalità tajba u jagħmlu għażliet aħjar għall-karriera.

 

L-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, imnedija fl-2016, tikkonsisti f'10 azzjonijiet ewlenin li għandhom l-għan li t-taħriġ u l-appoġġ it-tajbin ikunu disponibbli għan-nies u li jirrevedu għadd ta' għodod eżistenti (bħas-CV fil-format Ewropew Europass).

Għajnuna biex persuni rikoverati jmorru lura fis-suq tax-xogħol

L-isfida li jiġi indirizzat il-qgħad fit-tul

 

Il-qgħad fit-tul (persuni li ilhom bla xogħol għal aktar minn 12-il xahar), wieħed mill-kawżi ta' faqar persistenti, għadu għoli ħafna f'xi Stati Membri, u għadu jammonta għal kważi 50% tal-qgħad totali.

 

Biex jintegraw aħjar il-persuni qiegħda għal żmien twil fis-suq tax-xogħol, l-Istati Membri adottaw rakkomandazzjonijiet: huma jħeġġu r-reġistrazzjoni tal-persuni qiegħda għal żmien twil ma' servizz ta' impjieg, valutazzjoni individwali approfondita li tidentifika l-ħtiġijiet tagħhom, kif ukoll pjan imfassal apposta biex jeħodhom lura x-xogħol (ftehim ta' integrazzjoni f'impjieg). Dan ikun disponibbli għal kwalunkwe persuna li tkun ilha qiegħda għal 18-il xahar.

 

Assenza fit-tul mix-xogħol ta' sikwit twassal għall-qgħad u biex il-ħaddiema jħallu s-suq tax-xogħol b'mod permanenti. Biex jinżammu u jiġu integrati mill-ġdid fil-post tax-xogħol il-ħaddiema li jbatu minn korrimenti jew problemi tas-saħħa kroniċi, fl-2018, il-Parlament Ewropew ifformula għadd ta' miżuri biex l-Istati Membri jaħdmu fuqhom, bħal pereżempju jagħmlu l-postijiet tax-xogħol aktar adattabbli permezz ta' programmi tal-iżvilupp tal-ħiliet, jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol flessibbli u jipprovdu appoġġ lill-ħaddiema (inkluż ikkowċjar, aċċess għall-psikologu jew terapista).

Biex l-Ewropa ssir post aħjar fejn taħdem

Promozzjoni tal-mobilità tal-ħaddiema

 

It-tisħiħ tal-mobilità tal-ħaddiema bejn il-fruntieri jista' jgħin biex jiġi indirizzat il-qgħad. L-UE għandha ġabra ta' regoli komuni stabbiliti biex jiġu protetti d-drittijiet soċjali taċ-ċittadini relatati mal-qgħad, mal-mard, mal-maternità/paternità, mal-benefiċċji tal-familja eċċ. meta jiċċaqalqu fl-Ewropa. Regoli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema li jistabbilixxu l-prinċipju tal-istess paga għall-istess xogħol fl-istess post tax-xogħol.

 

Tgħallem aktar dwar dak li tagħmel l-UE fir-rigward tal-impatt tal-globalizzazzjoni fuq l-impjiegi


Skopri aktar dwar il-politiki soċjali tal-UE